All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
It-trasport jikkonsma terz tal-enerġija finali kollha fl-UE. Il-biċċa l-kbira ta’ din l-enerġija ġejja miż-żejt. Dan ifisser li t-trasport huwa responsabbli għal parti kbira mill-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE u kontributur ewlieni għat-tibdil fil-klima. Filwaqt li l-biċċa l-kbira ta’ setturi ekonomiċi oħra, bħall-produzzjoni tal-enerġija u l-industrija, naqqsu l-emissjonijiet tagħhom mill-1990, dawk mit-trasport żdiedu. Issa huma responsabbli għal aktar minn kwart tal-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra tal-UE. Attwalment din ix-xejra ma tidhirx li se titreġġa’ lura. Dan jagħmel lis-settur tat-trasport ostakolu ewlieni biex l-għanijiet tal-protezzjoni tal-klima tal-UE jintlaħqu. Il-karozzi, il-vannijiet, it-trakkijiet u x-xarabanks jipproduċu aktar minn 70 % tal-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra mit-trasport. Il-bqija jirriżultaw l-aktar mit-tbaħħir u mill-avjazzjoni.
It-trasport jibqa' wkoll sors sinifikanti ta’ tniġġis tal-arja, speċjalment fl-ibliet. Is-sustanzi li jniġġsu fl-arja, bħall-materja partikolata (PM) u d-diossidu tan-nitroġenu (NO2), jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent. Għalkemm it-tniġġis tal-arja mit-trasport naqas matul l-aħħar għaxar snin minħabba l-introduzzjoni ta’ standards ta’ kwalità tal-fjuwil, l-istandards ta’ emissjonijiet tal-vetturi Ewropej u l-użu ta’ teknoloġiji aktar nodfa, il-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja għadhom għoljin ħafna.
It-tniġġis akustiku huwa problema oħra ewlenija għas-saħħa ambjentali marbuta mat-trasport. It-traffiku fit-triq huwa l-aktar sors mifrux ta’ storbju, b’aktar minn 100 miljun persuna affettwati minn livelli dannużi fil-pajjiżi membri tal-EEA. It-traffiku tal-ajru u l-ferroviji huma wkoll sorsi ta’ storbju ewlenin.
Barra minn hekk, l-infrastruttura tat-trasport għandha impatt serju fuq il-pajsaġġ minħabba li taqsam żoni naturali f’partijiet żgħar b’konsegwenzi serji għall-annimali u għall-pjanti.
It-tnaqqis tal-effetti negattivi tat-trasport huwa għan tal-politika importanti tal-UE. L-oqsma ta’ azzjoni ewlenin qed imexxu t-trasport lejn il-modalitajiet li jniġġsu l-anqas u li huma l-aktar effiċjenti, billi jagħmlu użu minn teknoloġija tat-trasport, fjuwils u infrastruttura aktar sostenibbli, filwaqt li jiżguraw li l-prezzijiet tat-trasport jirriflettu b’mod sħiħ l-impatti negattivi fuq is-saħħa u l-ambjent.
Id-dokumenti ta’ strateġija tal-UE jiffokaw fuq id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport. L-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea għall-2018 “Pjaneta Nadifa għal kulħadd: Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima” tfittex li tfassal il-pjan għal tranżizzjoni fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra fl-UE kollha sal-2050. Għat-trasport, tisħaq fuq il-bżonn ta’ approċċ ibbażat fuq sistema, fuq l-importanza li ssir bidla għal modalitajiet b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet tal-karbonju u vetturi b’emissjonijiet żero, tenfasizza r-rwol ċentrali tal-elettrifikazzjoni u s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u tagħmel sforz biex ittejjeb l-effiċjenza operazzjonali. Hija tappella wkoll għal ippjanar urban aħjar u għat-twettiq tal-benefiċċji sħaħ tat-trasport pubbliku. Bl-istess mod, mill-2016, l-“Istrateġija Ewropea għall-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi” identifikat sistema tat-trasport aktar effiċjenti, l-implimentazzjoni rapida ta’ fjuwils b’emissjonijiet baxxi u t-tranżizzjoni għal vetturi b’emissjonijiet baxxi u u vetturi mingħajr emissjonijiet bħala oqsma ta’ prijorità għall-azzjoni.
Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni tal-UE tindirizza direttament l-impatti tat-trasport fuq l-ambjent u fuq is-saħħa billi tistabbilixxi regoli vinkolanti. Dawn jinkludu limiti tal-emissjonijiet għall-karozzi, għall-vannijiet, għat-trakkijiet u għax-xarabanks, rekwiżiti speċifiċi għall-fjuwils tat-trasport, u mapep dwar il-ħsejjes u pjanijiet ta’ azzjoni għall-ġestjoni tal-istorbju għall-infrastruttura ewlenija tat-trasport, bħall-ajruporti.
L-EEA tiġbor u tippubblika data dwar il-karozzi ġodda kollha u dwar il-vannijiet ġodda kollha rreġistrati fl-Ewropa, skont ir-Regolamenti tal-UE (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011. Din id-data hija meħtieġa biex tiġi evalwata l-effiċjenza tal-flotta l-ġdida ta’ vetturi u tiġi inkluża informazzjoni dwar l-emissjonijiet tas-CO2 u l-piż tal-vettura. Fil-futur, il-ġbir tad-data se jiġi estiż ukoll għat-trakkijiet u għax-xarabanks. L-EEA tiġbor ukoll data nazzjonali tal-inventarju għall-gassijiet serra u sustanzi li jniġġsu fl-arja mill-pajjiżi membri tagħha, li tipprovdi intuwitu importanti fil-kontribut tat-trasport lit-tibdil fil-klima u t-tniġġis tal-arja fl-Ewropa. Barra minn hekk, l-EEA tiġġestixxi l-proċess ta’ rappurtar skont id-Direttiva 98/70/KE dwar il-Kwalità tal-Fjuwil, li timponi rekwiżiti fuq il-fornituri tal-fjuwils sabiex titnaqqas l-intensità tal-gassijiet serra tal-fjuwil fornit għat-trasport bit-triq.
Attività oħra ewlenija tal-EEA hija l-Mekkaniżmu ta’ Rapportar dwar it-Trasport u dwar l-Ambjent (TERM). Permezz ta’ dan il-mekkaniżmu, l-EEA tintraċċa l-prestazzjoni ambjentali tat-trasport fl-Ewropa. TERM jiddependi minn sett ta' indikaturi użati biex jitkejjel il-progress lejn il-miri ta’ politika relatati mat-trasport. L-EEA tippubblika wkoll rapport annwali dwar l-iżviluppi attwali fil-qasam tat-trasport li kull sena jiffoka fuq suġġett differenti. Kompitu ieħor fost il-kompiti tal-EEA huwa l-investigazzjoni tal-kontribut tat-trasport għat-tniġġis akustiku.
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/themes/transport/intro or scan the QR code.
PDF generated on 08 Oct 2024, 11:04 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn