li jmiss
preċedenti
punti

Article

Sforzi konġunti għal għarfien aħjar dwar it-trasport marittimu u l-ambjent

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 08 Nov 2021 Mibdul l-aħħar 22 Nov 2021
3 min read
Photo: © Shaah Shahidh on Unsplash
L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) reċentement ippubblikaw ir-Rapport Ambjentali dwar it-Trasport Marittimu Ewropew (EMTER), li huwa valutazzjoni konġunta dwar l-impatti ambjentali tat-trasport marittimu fl-Ewropa. Aħna intervistajna lil Stéphane Isoard, Kap tal-grupp għal suġġetti dwar l-ilma u l-baħar fl-EEA, li kien qed imexxi t-tim tal-EEA li kien qed jaħdem fuq ir-rapport.

X’kien l-objettiv tal-produzzjoni tar-rapport EMTER?

L-għan ewlieni tar-rapport kien li jipprovdi ħarsa ġenerali fattwali lejn il-kwistjonijiet ambjentali li huma marbuta mas-settur tat-trasport marittimu u jindika fejn jinsabu l-isfidi u l-opportunitajiet ewlenin. Ir-rapport EMTER huwa l-ewwel analiżi Ewropea dwar is-settur marittimu li huwa parti ewlenija tal-kummerċ globali, l-ekonomija tagħna, u l-indirizzar tal-ħtiġijiet tan-nies ta’ kuljum. Il-ħidma konġunta mal-EMSA u r-rapport huma pass kritiku biex jimtlew il-lakuni fl-għarfien f’dan il-qasam.

X’inhuma s-sejbiet ewlenin tar-rapport?

It-trasport marittimu huwa essenzjali għall-ekonomija tal-Ewropa. Fl-istess ħin, l-attivitajiet tas-settur għandhom impatt fuq l-ambjent, fuq il-klima u fuq is-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tal-UE. Il-bastimenti jarmu ammonti konsiderevoli ta’ gassijiet serra, sustanzi li jniġġsu fl-arja u storbju taħt l-ilma; it-tixrid ta’ speċijiet mhux indiġeni u t-tniġġis tal-ilma huma tħassib addizzjonali.

Is-settur marittimu ħa miżuri biex inaqqas l-impatti ambjentali tiegħu. Madankollu, hemm bżonn ta’ ħafna aktar biex tinkiseb is-sostenibbiltà, speċjalment peress li s-settur huwa mistenni li jikber b’mod qawwi matul id-deċennji li ġejjin.

Għaliex għażilt li tagħmel ir-rapport f’kollaborazzjoni mal-EMSA u kif ħadmet il-kollaborazzjoni?

Ħassejna li kien hemm ħafna potenzjal biex naħdmu fuq dan is-suġġett flimkien u ngħaqqdu l-forzi, peress li l-EMSA għandha għarfien espert qawwi fis-settur marittimu filwaqt li aħna fl-EEA b’saħħitna fl-analiżi ambjentali u klimatika. Personalment inħoss li l-kollaborazzjoni kienet eċċellenti u effiċjenti ħafna biż-żewġ aġenziji li setgħu jikkontribwixxu bis-sett ta’ ħiliet u esperjenza tagħhom lejn valutazzjoni konġunta, u l-kollaborazzjoni ġiet imfaħħra mill-partijiet ikkonċernati ewlenin. 

X’qed tagħmel l-Ewropa biex tindirizza l-isfidi identifikati fir-rapport?

Is-saħħa u l-benesseri tan-nies u l-protezzjoni tal-ambjent u tal-klima huma għanijiet ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Biex jiġu appoġġati dawn l-għanijiet, hemm diversi oqfsa u inizjattivi leġiżlattivi, bħall-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero, il-Fjuwil Marittimu tal-UE, u l-Politika Marittima Integrata.

Fl-istess ħin, il-bini ta’ sħubijiet internazzjonali huwa essenzjali peress li s-settur huwa parti integrali tal-kummerċ globali. Kollox ma’ kollox, hija opportunità għall-Ewropa biex tkun minn ta’ quddiem fl-iżvilupp ta’ settur tat-trasport marittimu sostenibbli u intelliġenti.

X’ħidma oħra qed tagħmel l-EEA dwar kwistjonijiet tal-baħar?

L-EEA għandha għarfien u kompetenza wiesgħa ħafna fi kwistjonijiet tal-ambjent tal-baħar. Is-sena l-oħra, aħna ppubblikajna l-Messaġġi dwar il-baħar II, li jagħtu ħarsa ġenerali eżawrjenti lejn l-istat tal-ambjent tal-baħar fl-Ewropa flimkien ma’ ħarsa ġenerali lejn l-użu tal-ibħra tal-Ewropa u l-effetti kkombinati tiegħu fuq l-ekosistemi tal-baħar. Aħna niġbru data dwar l-iskart fil-baħar u nanalizzaw l-istat tal-ilmijiet għall-għawm tal-Ewropa.

Dawn ir-riżorsi kollha u analiżi tematiċi oħra huma disponibbli permezz tal-WISE-Marine u s-sit web tal-EEA.


 Stéphane Isoard

Stéphane Isoard

Kap tal-grupp - settur tal-ilma u marittimu
Aġenzija Ewropea għall-Ambjent

Permalinks

Geographic coverage

Temporal coverage

Dokument ta’ Azzjonijiet