li jmiss
preċedenti
punti

News

It-trasport marittimu tal-UE: l-ewwel rapport dwar l-impatt ambjentali jirrikonoxxi progress tajjeb lejn is-sostenibbiltà u jikkonferma li hemm bżonn ta’ aktar sforz bi tħejjija għaż-żieda fid-domanda

Biddel il-lingwa
News Ippubblikat 01 Sep 2021 Mibdul l-aħħar 01 Sep 2021
7 min read
Photo: © Getty Images
It-trasport marittimu għandu u se jkompli jkollu rwol essenzjali fil-kummerċ u l-ekonomija globali u Ewropej. F’dawn l-aħħar snin, is-settur marittimu ħa miżuri sinifikanti biex itaffi l-impatti ambjentali tiegħu. Qabel żieda prevista fil-volumi ta’ tbaħħir globali, rapport ġdid jiżvela għall-ewwel darba l-firxa sħiħa tal-impatt tas-settur tat-trasport marittimu tal-UE fuq l-ambjent u jidentifika l-isfidi biex tinkiseb is-sostenibbiltà.

Filwaqt li diġà ttieħdu passi bbażati fuq politiki Ewropej u internazzjonali, hemm bżonn ta’ ħafna aktar għal bidla fundamentali lejn settur tat-trasport marittimu sostenibbli li jikkontribwixxi biex jiġu żgurati l-benesseri u s-sopravivenza futuri tal-ekosistemi u ż-żoni kostali l-aktar sensittivi tagħna, u l-benesseri tal-Ewropej

Hans Bruyninckx, Direttur Eżekuttiv tal-EEA

B’77 % tal-kummerċ estern Ewropew u 35 % tal-kummerċ kollu skont il-valur bejn l-Istati Membri tal-UE mċaqalqa bil-baħar, it-trasport marittimu huwa parti ewlenija tal-katina ta’ provvista internazzjonali. Minkejja tnaqqis fl-attività tat-tbaħħir fl-2020 minħabba l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, is-settur huwa mistenni li jikber b’mod qawwi matul id-deċennji li ġejjin, xprunat minn domanda dejjem tikber għar-riżorsi primarji u t-tbaħħir tal-kontejners.

F’dan l-isfond, ir-Rapport dwar l-Ambjent tat-Trasport Marittimu Ewropew, imniedi llum mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, jimmarka l-ewwel kontroll komprensiv tas-saħħa tas-settur. Ir-rapport juri li l-bastimenti jipproduċu 13.5 % tal-emissjonijiet kollha ta’ gassijiet serra mit-trasport fl-UE, wara l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq (71 %) u mill-avjazzjoni (14.4 %). L-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit (SO2) minn bastimenti li jidħlu f’portijiet Ewropej ammontaw għal madwar 1.63 miljun tunnellata fl-2019, ċifra li mistennija tkompli tonqos matul id-deċennji li ġejjin minħabba regoli u miżuri ambjentali aktar stretti.

It-trasport marittimu huwa stmat li kkontribwixxa għall-fatt li l-livelli ta’ storbju taħt l-ilma fl-ilmijiet tal-UE żdiedu b’aktar mid-doppju bejn l-2014 u l-2019 u kien responsabbli għal nofs l-ispeċi aljeni kollha introdotti fl-ibħra Ewropej mill-1949. Madankollu, għalkemm il-volum ta’ żejt ittrasportat bil-baħar kien qed jiżdied b’mod stabbli, matul l-aħħar deċennju kien hemm biss tmien tixridiet aċċidentali medji sa kbar ta’ tankers taż-żejt minn total dinji ta’ 62 li seħħew fl-ilmijiet tal-UE.

Ir-rapport konġunt jivvaluta l-istat attwali tas-soluzzjonijiet emerġenti tas-sostenibbiltà tat-trasport marittimu, inklużi l-fjuwils alternattivi, il-batteriji u l-provvista tal-elettriku mix-xatt, u jipprovdi stampa komprensiva tal-użu tagħhom fl-UE. Dan jiddeskrivi wkoll l-isfidi futuri kkawżati mit-tibdil fil-klima għall-industrija, inkluż l-impatt potenzjali taż-żieda fil-livelli tal-baħar fuq il-portijiet.

“L-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti tagħna tagħmilha ċara li l-modi kollha tat-trasport jeħtieġ li jsiru aktar sostenibbli, aktar intelliġenti u aktar reżiljenti — inkluż it-tbaħħir. Għalkemm it-trasport marittimu tejjeb l-impronta ambjentali tiegħu fis-snin li għaddew, xorta għadu qed jiffaċċja sfidi kbar f’dak li jirrigwarda d-dekarbonizzazzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis. Abbażi tal-aħħar evidenza kollha, il-politiki tagħna għandhom l-għan li jgħinu lis-settur jiffaċċja dawn l-isfidi, billi jisfruttaw bl-aħjar mod is-soluzzjonijiet innovattivi u t-teknoloġiji diġitali. B’dan il-mod, it-trasport marittimu jista’ jkompli jikber u jwassal il-ħtiġijiet ta’ kuljum taċ-ċittadini tagħna, f’armonija mal-ambjent, filwaqt li jżomm il-kompetittività tiegħu u jkompli joħloq impjiegi ta’ kwalità,” qalet Adina Vălean, il-Kummissarju tal-UE għat-Trasport.

“Dan ir-rapport konġunt jagħtina ħarsa ġenerali eċċellenti lejn l-isfidi attwali u futuri relatati mat-trasport marittimu. Il-messaġġ huwa ċar: it-trasport marittimu huwa mistenni li jiżdied fis-snin li ġejjin u sakemm ma naġixxux issa, is-settur se jipproduċi dejjem aktar emissjonijiet ta’ gassijiet serra, sustanzi li jniġġsu l-arja u storbju taħt l-ilma. Tranżizzjoni bla xkiel iżda rapida tas-settur hija kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u nimxu lejn in-newtralità karbonika. Dan se joħloq ukoll opportunitajiet ekonomiċi ġodda għall-industrija Ewropea tat-trasport bħala parti mit-tranżizzjoni meħtieġa għal ekonomija blu sostenibbli. L-isfida hija enormi, iżda għandna t-teknoloġiji, ir-riżorsi u r-rieda li nindirizzawha,” qal Virginijus Sinkevičius, Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd.

“Is-sostenibbiltà xprunata mill-innovazzjoni hija opportunità għat-tbaħħir biex titlesta trasformazzjoni fuq l-istess skala bħas-sostituzzjoni tal-qlugħ bl-istim. Din ir-rivoluzzjoni marittima ġdida se tiddependi minn vapuri żviluppati permezz ta’ teknoloġija avvanzata u soluzzjonijiet diġitali, iżda wkoll minn proċess b’saffi multipli u kompletament inklużiv fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali li jinkludi aspetti ta’ sikurezza, sigurtà u soċjali kif ukoll dawk ambjentali. Iżda, ir-rwol tat-tbaħħir huwa kruċjali wkoll bħala ħolqa f’katina loġistika tranżnazzjonali. Dan ifisser li kull parti ta’ dik il-katina — mill-portijiet għas-settur tal-bini tal-bastimenti, mill-ispedituri għas-setturi finanzjarji privati u pubbliċi — għandha tiġi inkluża fl-isforz tagħna lejn is-sostenibbiltà,” qalet Maja Markovčić Kostelac, Direttriċi Eżekuttiva tal-EMSA.

“Filwaqt li s-settur tat-trasport marittimu tal-Ewropa għandu rwol vitali għall-benesseri ekonomiku tagħna, dan ir-rapport juri b’mod ċar li t-trasport marittimu fl-Ewropa u l-komunità internazzjonali kollha tat-tbaħħir għandhom responsabbiltà urġenti biex iżidu l-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-impronta ambjentali ta’ dan is-settur. Filwaqt li diġà ttieħdu passi bbażati fuq politiki Ewropej u internazzjonali, hemm bżonn ta’ ħafna aktar għal bidla fundamentali lejn settur tat-trasport marittimu sostenibbli li jikkontribwixxi biex jiġu żgurati l-benesseri u s-sopravivenza futuri tal-ekosistemi u ż-żoni kostali l-aktar sensittivi tagħna, u l-benesseri tal-Ewropej,” qal Hans Bruyninckx, Direttur Eżekuttiv tal-EEA.

Impatti ewlenin fuq l-ambjent

  • Emissjonijiet ta’ gassijiet serra: b’kollox, il-bastimenti li jidħlu fil-portijiet tal-UE u taż-Żona Ekonomika Ewropea ġġeneraw madwar 140 miljun tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO2 fl-2018 (madwar 18 % tal-emissjonijiet kollha ta’ CO2 iġġenerati mit-trasport marittimu fid-dinja kollha dik is-sena).
  • Tniġġis tal-arja: Fl-2019, l-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit (SO2) minn bastimenti li jidħlu fil-portijiet Ewropej ammontaw għal madwar 1.63 miljun tunnellata, madwar 16 % tal-emissjonijiet globali ta’ SO2 mit-trasport marittimu internazzjonali.
  • L-istorbju taħt l-ilma: Il-vapuri joħolqu storbju li jista’ jaffettwa l-ispeċi tal-baħar b’modi differenti. Huwa stmat li bejn l-2014 u l-2019, it-total akkumulat tal-enerġija tal-istorbju rradjata taħt l-ilma żdied b’aktar mid-doppju fl-ilmijiet tal-UE. Il-bastimenti tal-kontejners, il-bastimenti tal-passiġġieri u t-tankers jiġġeneraw l-ogħla emissjonijiet ta’ enerġija akustika mill-użu tal-iskrun.
  • Speċi aljeni: B’mod ġenerali, mill-1949, is-settur tat-trasport marittimu kien responsabbli mill-akbar proporzjon ta’ speċi aljeni introdotti fl-ibħra fl-UE kollha — qrib il-50 % tal-ispeċi kollha, bl-akbar għadd ikun fil-Mediterran. Total ta’ 51 speċi huma kollha kklassifikati bħala ta’ impatt għoli, li jfisser li jistgħu jaffettwaw l-ekosistemi u l-ispeċi indiġeni. Ir-rapport jinnota wkoll id-data limitata disponibbli fil-valutazzjoni tal-impatt sħiħ fuq il-ħabitats u l-ispeċi.
  • Tniġġis taż-żejt: minn total ta’ 18-il tixrida kbira aċċidentali taż-żejt fid-dinja mill-2010, tlieta biss kienu jinsabu fl-UE (17 %); monitoraġġ, infurzar u sensibilizzazzjoni aħjar qed jgħinu biex jitnaqqsu l-avvenimenti ta’ tniġġis taż-żejt minkejja li l-ammont ta’ żejt trasportat bil-baħar ilu jikber b’mod kostanti għal dawn l-aħħar 30 sena.

Navigazzjoni lejn is-sostenibbiltà:

It-trasport marittimu tal-UE qed jiffaċċja deċennju kruċjali għal tranżizzjoni lejn settur aktar ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli. Skont ir-rapport, l-isforzi biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija diġà wasslu biex il-biċċa l-kbira tal-bastimenti li jidħlu fl-UE jnaqqsu l-veloċità tagħhom b’sa 20 % meta mqabbla mal-2008, u b’hekk, naqsu wkoll l-emissjonijiet.

Barra minn hekk, il-fjuwils u s-sorsi tal-enerġija mhux tradizzjonali, bħall-bijofjuwils, il-batteriji, l-idroġenu jew l-ammonijaka qed jitfaċċaw bħala alternattivi possibbli għat-trasport marittimu, bil-potenzjal li s-settur jiġi dekarbonizzat u jwassal għal emissjonijiet żero. Il-provvista tal-elettriku mix-xatt (fejn il-bastimenti jitfu l-magni tagħhom u jaqbdu ma’ sors tal-enerġija fuq l-art filwaqt li jkunu rmiġġati fil-port) tista’ tipprovdi wkoll sors nadif ta’ enerġija fil-portijiet marittimi u ta’ navigazzjoni interna.

 

 

LINK GĦAR-RAPPORT U SKEDI INFORMATTIVI

EEA: https://www.eea.europa.eu/publications/maritime-transport/

EMSA: http://www.emsa.europa.eu/emter

KUNTATTI MAL-ISTAMPA

 

Permalinks

Geographic coverage

Temporal coverage

Tags

Filed under:
Filed under: emsa, maritime transport
Dokument ta’ Azzjonijiet