li jmiss
preċedenti
punti

News

Il-perikli klimatiċi qed jiżdiedu fil-frekwenza u fis-severità madwar l-Ewropa; pubblikazzjoni ta’ ħarsa ġenerali reġjonali ġdida

Biddel il-lingwa
News Ippubblikat 13 Dec 2021 Mibdul l-aħħar 08 Mar 2022
3 min read
Photo: © Jonathan Ford on Unsplash
Peress li l-avvenimenti ta’ temp estrem u perikli klimatiċi oħra qed jiżdiedu fil-frekwenza u fis-severità madwar l-Ewropa, informazzjoni solida hija meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskji tat-tibdil fil-klima u għall-ippjanar għall-adattament. Ir-rapport interattiv ġdid tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) jagħti ħarsa ġenerali aġġornata lejn kif il-perikli klimatiċi qed jinbidlu fir-reġjuni differenti tal-Ewropa.

Ir-rapport il-ġdid tal-EEA "Europe’s changing climate hazards" (il-perikli klimatiċi li qegħdin jinbidlu fl-Ewropa) huwa rapport interattiv li jagħti ħarsa ġenerali lejn il-bidliet tal-passat u dawk imbassra fl-aktar perikli klimatiċi importanti tal-Ewropa u kif dawn jaffettwaw lir-reġjuni Ewropej. Ir-rapport tal-EEA huwa partikolarment siewi għal dawk li jfasslu l-politika u għall-esperti kkonċernati mill-valutazzjoni tar-riskju tat-tibdil fil-klima u mill-ippjanar tal-adattament fl-Ewropa. L-Istati Membri tal-UE jistgħu jużaw ukoll l-informazzjoni biex jirrapportaw dwar il-perikli relatati mal-klima lill-Kummissjoni Ewropea.

Ir-rapport, żviluppat bl-appoġġ tas-Servizz dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Copernicus (C3S) u sħab oħra tal-EEA, jagħti aċċess kemm għal informazzjoni ġeneralizzata kif ukoll dettaljata dwar il-perikli klimatiċi reġjonali kif ukoll għarfien dwar kif dawn il-perikli jistgħu jaffettwaw l-ekosistemi u s-setturi ekonomiċi.

Ir-rapport itenni s-sejbiet tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) li t-tibdil fil-klima huwa bla dubju responsabbli għal żieda f’avvenimenti ta’ temp estrem iżda jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata għall-Ewropa.

Il-bidliet imbassra jinkludu li t-temperaturi medji se jkomplu jiżdiedu madwar l-Ewropa u l-avvenimenti ta’ sħana estrema huma mistennija li jiżdiedu saħansitra aktar malajr. Ir-rapport jgħid l-Ewropej għandhom jħejju ruħhom għal aktar jiem bi sħana estrema u għal avvenimenti ta’ preċipitazzjoni aktar estremi.

  • In-Nofsinhar tal-Ewropa għandu jħejji għal sjuf aktar sħan, nixfiet aktar frekwenti u periklu akbar ta’ nirien.
  • Fit-Tramuntana tal-Ewropa, x’aktarx li jiżdiedu l-preċipitazzjoni annwali u x-xita qawwija.
  • L-Ewropa Ċentrali x’aktarx li tesperjenza inqas xita fis-sajf, iżda wkoll temp estrem aktar frekwenti u aktar b’saħħtu, inklużi xita qawwija, għargħar fix-xmajjar, nixfiet u perikli ta’ nirien.
  • It-temperatura tal-wiċċ tal-baħar, il-mewġ tas-sħana tal-baħar u l-aċidità tal-ilma huma mistennija li jiżdiedu fl-ibħra reġjonali Ewropej kollha. Iż-żieda fil-livell tal-baħar qed taċċellera tul il-kosta Ewropea kollha, bl-eċċezzjoni tat-Tramuntana tal-Baħar Baltiku.

Aktar informazzjoni dwar ħafna mill-perikli relatati mal-klima tista’ tinstab fl-Esploratur Ewropew tad-Data dwar il-Klima, żviluppat b’mod konġunt mill-EEA u mis-C3S.

Kuntest

Il-Patt Klimatiku ta’ Glasgow, miftiehem fis-26 Konferenza tal-Partijiet (COP26) tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), jenfasizza l-urġenza li jiżdied l-adattament għat-tibdil fil-klima u li jiġu kondiviżi l-għarfien u t-teknoloġiji biex tittejjeb il-kapaċità adattiva, tissaħħaħ ir-reżiljenza u titnaqqas il-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima. Id-dokument jirrikonoxxi wkoll l-importanza tal-aħjar xjenza disponibbli għal azzjoni dwar il-klima u tfassil tal-politika effettivi, inklużadata dwar il-perikli, ir-riskji, u t-telf u l-ħsarat minħabba t-tibdil fil-klima.

L-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima għandha l-għan li toħloq Ewropa reżiljenti għat-tibdil fil-klima sal-2050, filwaqt li titlob informazzjoni aktar affidabbli dwar it-tibdil fil-klima, l-impatti tiegħu u l-adattament meħtieġ.

F’konformità mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, il-Kummissjoni Ewropea tirrieżamina regolarment il-progress tal-Istati Membri fl-adattament għat-tibdil fil-klima, inkluż dwar il-perikli osservati u futuri relatati mal-klima, li l-pajjiżi huma mitluba jirrapportaw dwarhom kull sentejn.

Il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili jirrikjedi li l-Istati Membri tal-UE u Stati parteċipanti oħra jibagħtu valutazzjonijiet perjodiċi tar-riskju nazzjonali lill-Kummissjoni.

 

Permalinks

Geographic coverage

Temporal coverage