li jmiss
preċedenti
punti

Article

Ekonomija ċirkolari fl-Ewropa: ilkoll kemm aħna għandna rwol x'naqdu

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 14 Jun 2017 Mibdul l-aħħar 11 May 2021
Għall-maġġoranza tan-nies, l-idea ta' ekonomija ċirkolari tibqa' kunċett astratt jekk mhux wieħed imbiegħed. Waqt li "going green" (insiru ekoloġiċi), hija tema popolari li qiegħda tikber madwar id-dinja, ħafna nies għadhom mhumiex konxji tal-bidliet akbar li ser ikollhom isiru sabiex jiġi żgurat futur sostenibbli, u jiġi aċċertat il-benesseri tagħna fuq perjodu ta' żmien twil.

L-użu tagħna tar-riżorsi kif inhu bħalissa mhuwiex sostenibbli. Qegħdin nikkunsmaw u nagħmlu estrazzjoni ta' aktar materja prima milli tista' tipprovdi l-pjaneta tagħna fuq perjodu ta' żmien twil. Sa l-2050, ser ikun hemm 6 sa 7 biljun konsumatur tal-klassi medja madwar id-dinja li sejrin jagħmlu pressjoni miżjuda fuq il-konsum u l-ambjent. Il-ħajjiet moderni tagħna jitolbu konvenjenza dejjem akbar, u dan għandu l-prezz tiegħu. Ħares biss lejn l-użu tal-plastiks, li ftit li xejn jiġu rriċiklati u ħafna prodotti tal-plastik jispiċċaw fl-oċeani u fl-ibħra tagħna u jikkawżaw ħsara ta' vera.

Miri fuq perjodu ta' żmien twil ta’ l-Ewropa

L-Unjoni Ewropea u oħrajn madwar id-dinja qegħdin jagħmlu progress sinifikanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima billi jnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju tagħna. Aħna urejna li t-trażżin ta’ l-emissjonijiet mhuwiex ta' detriment għat-tkabbir ekonomiku, anzi pjuttost l-oppost. Mill-1990, il-prodott domestiku gross kiber b'50% waqt li l-gassijiet b'effett serra naqsu bi 24%. Aktar nies qed jagħmlu l-parti tagħhom billi jagħmlu użu minn kondiviżjoni ta’ l-użu ta' karozza, jaqtgħu l-użu tagħhom ta’ l-enerġija, jew iħaddnu r-riċiklaġġ u jisseparaw l-iskart domestiku tagħhom. Dawn huma passi tajbin, iżda nafu li dawn il-miżuri mhux ser ikunu biżżejjed sabiex jiġi żgurat li niksbu futur b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju jew li nilħqu l-mira fuq medda twila ta' żmien ta’ l-Unjoni Ewropea ta' li "ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna."

Aħna lkoll qegħdin naraw is-sinjali li l-għarfien pubbliku dwar il-problema qed jiżdied u li qegħdin jiġu żviluppati pjanijiet ta' politika ġodda li fundamentalment sejrin jibdlu l-mod kif aħna nipproduċu, nikkunsmaw u ngħixu. Dawn il-pjanijiet ta' politika jinvolvu rispons integrat u sistemiku b'perspettiva fuq medda ta' żmien twil. Tard fl-2015, il-Kummissjoni Ewropea ressqet pakkett ta’ l-ekonomija ċirkolari leġiżlattiv, li huwa t-tweġiba ta’ l-Ewropa għat-triq 'il quddiem. Dan ikopri stadji differenti taċ-ċiklu tal-ħajja estiż ta’ prodott mill-produzzjoni u l-konsum sal-ġestjoni ta’ l-iskart. L-azzjonijiet proposti huma ddisinjati sabiex ikunu ta' benefiċċju kemm għall-ambjent kif ukoll għall-ekonomija. Huma mmirati sabiex iżommu l-materjali fiżiċi u l-valur tagħhom għal żmien li jkun twil kemm jista' jkun possibbli fiċ-ċiklu ekonomiku, b'hekk jitnaqqas l-iskart, jitħaddan l-iffrankar ta’ l-enerġija u jitnaqqsu l-emmissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra. Dawn il-proposti huma xprunati b'54 azzjoni, li bħalissa qegħdin jiġu tradotti f'politiki konkreti, li jinfirxu fuq numru ta' attivitajiet u setturi.

Il-bidla għal ekonomija ċirkolari sejra tgħin biex ittaffi l-problemi ambjentali u ta' saħħa tal-bniedem ikkawżati mill-ekonomija lineari attwali tagħna ta' "agħmel-uża-armi". Iżda ser teħtieġ bidliet enormi fis-sistemi ta' produzzjoni u tal-konsum, li jmorru ferm lil hinn mill-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u r-riċiklaġġ ta’ l-iskart.

Bini ta’ l-għarfien u monitoraġġ tal-progress

Aspett importanti sabiex l-ekonomija ċirkolari ssir realtà ser ikun il-bini ta’ l-għarfien, il-monitoraġġ tal-progress u ċ-ċertezza li dawk li jfasslu l-politiki jkollhom l-għarfien, id-data u l-informazzjoni li jkollhom bżonn sabiex jgħinuhom fil-gwida ta’ l-iżvilupp ta' politiki ta' appoġġ u flessibbli. Dan hu l-kompitu prinċipali li qegħdin inwettqu fl-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

Jiena riċentament ingħaqadt ma' madwar 1500 persuna li jfasslu l-politiki, riċerkaturi, u mexxejja tan-negozju minn aktar minn 100 pajjiż f'Ħelsinki fil-Forum ta’ l-Ekonomija Ċirkolari Dinji sabiex naqsmu u niddiskutu ideat, viżjonijiet u soluzzjonijiet dwar kif jista' jiġi implimentat il-mudell ekonomiku ċirkolari. F'din il-konferenza, l-EEA enfasizzat l-importanza tal-bini ta’ l-għarfien. L-Aġenzija tagħna ppreżentat it-tieni minn serje ta' rapporti dwar l-ekonomija ċirkolari ppjanati tagħha. L-aħħar rapport tagħna "Circular by design — products in a circular economy" (Ċirkolari bid-disinn - prodotti f'ekonomija ċirkolari) jitkellem dwar l-ixprunaturi tad-disinn ta' prodott u kif xejriet emerġenti tal-produzzjoni u tal-konsum jistgħu jtejbu jew ifixklu użu aktar ċirkolari tal-materjal. Pereżempju, innovazzjonijiet u xejriet emerġenti, bħal telefowns ċellulari modulari jew stampar 3D ta' spare parts kif jidħlu f'li "ssir ċirkolari"? "Ċirkolari bid-disinn" mhijiex ser isseħħ weħidha. Ser ikollha bżonn tkun xprunata bi strutturi ta' governanza pubblika u privata b'saħħithom, li jagħtu pjan direzzjonali għat-triq 'il quddiem. Is-soċjetà u n-negozji ser ikunu jeħtieġu wkoll li jħarsu b'mod attiv lejn liema kundizzjonijiet tas-suq, teknoloġiji ġodda, u liema riċerka u żvilupp għandhom jiġu imbuttati 'l quddiem.

Ilkoll kemm aħna għandna rwol sabiex nappoġġjaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Huwa kruċjali li kollha jkollna l-informazzjoni u s-soluzzjonijiet korretti f'idejna sabiex inwettqu din it-tranżizzjoni kbira. Li huwa ċar huwa li jekk ma naħsbux f'innovazzjoni u teknoloġiji distruttivi sabiex inħaffu ċ-ċaqliqa tagħna għal ekonomija ċirkolari u ta' emissjonijiet ta' karbonju baxxi, din mhux ser isseħħ.

 

Hans Bruyninckx

Direttur Eżekuttiv tal-EEA

Editorjal ippubblikat fil-Bullettin ta’ l-EEA edizzjoni 2017/02, Ġunju 2017

Permalinks

Geographic coverage

Temporal coverage