Effiċjenza tar-riżorsi u l-iskart

Biddel il-lingwa
Page Mibdul l-aħħar 17 Jun 2019
6 min read
Il-problemi ambjentali globali li qed naffaċċjaw illum huma prinċipalment ir-riżultat tal-isfruttament żejjed tar-riżorsi naturali min-naħa tal-bniedem, inklużi l-karburanti (fossili), il-minerali, l-ilma, l-art u l-bijodiversità. Maż-żmien, qed isir dejjem aktar ċar li l-mudell prevalenti tal-iżvilupp ekonomiku tal-Ewropa – ibbażat fuq l-użu għoli ta’ riżorsi, il-ġenerazzjoni tal-iskart u t-tniġġis – ma jistax jiġi sostnut fuq perjodu twil. Illum il-ġurnata, l-Unjoni Ewropea (UE) tiddependi ħafna fuq l-importazzjonijiet. Ħafna mir-riżorsi jintużaw biss għal perjodu qasir ta’ żmien, jew jintilfu mill-ekonomija billi jintremew f’landfill jew jiġu “downcycled” (li jinvolvi tnaqqis fil-kwalità waqt operazzjonijiet ta’ rkupru).

Introduzzjoni

L-ekonomija tal-Ewropa tiddependi minn fluss mingħajr interruzzjoni ta’ riżorsi u materjali naturali, inklużi l-ilma, l-għelejjel, l-injam, il-metalli, il-minerali u l-portaturi tal-enerġija. L-importazzjonijiet jipprovdu proporzjon sostanzjali ta’ dawn il-materjali. Din id-dipendenza tista’ tkun dejjem aktar sors ta’ vulnerabbiltà, hekk kif tiżdied il-kompetizzjoni globali għar-riżorsi naturali.

Fi snin riċenti, il-kunċett tal-ekonomija ċirkolari u l-politiki relatati indirizzaw l-użu tar-riżorsi, il-produzzjoni, il-konsum u l-iskart f’livell għoli. Dan il-kunċett għandu l-għan li jagħlaq ċirkwiti materjali billi jżomm il-valur tal-prodotti, tal-materjali u tar-riżorsi fl-ekonomija għall-itwal żmien possibbli. Dan inaqqas b’mod effettiv il-ġenerazzjoni tal-iskart u l-użu ta’ materja prima, u b’hekk inaqqas ukoll il-pressjonijiet assoċjati magħhom.

L-użu tar-riżorsi, u l-ġenerazzjoni u t-trattament tal-iskart jirriżultaw fi pressjonijiet ambjentali sinifikanti matul l-istadji tal-estrazzjoni, tal-produzzjoni, tal-użu u ta’ tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja. Effettivament, l-għanijiet tal-politika ambjentali jinkludu t-tnaqqis tal-ammont ta’ materjali użati fl-ekonomija, it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, it-tnaqqis tal-ġenerazzjoni tal-iskart u l-bdil tal-iskart f’riżors. 

L-użu tar-riżorsi fl-Ewropa naqas matul l-aħħar għaxar snin. Dan huwa l-aktar minħabba xejriet fit-tkabbir ekonomiku u fit-tibdil strutturali fl-ekonomija wara l-kriżi finanzjarja. Illum il-ġurnata, l-użu tar-riżorsi u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tal-pajjiżi jvarjaw ħafna u xi wħud mill-pressjonijiet relatati jseħħu barra mill-fruntieri tal-Ewropa minħabba l-kummerċ globali.

Fi snin riċenti, l-enfasi kienet fuq is-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima kritika. Madankollu, l-prevenzjoni tal-iskart u l-immaniġġjar tal-iskart issa huma aspetti ewlienin tal-ekonomija ċirkolari.

L-Ewropa għadha tiġġenera ammont kbir ta’ skart, għalkemm ix-xejriet fil-ġenerazzjoni tal-iskart huma pjuttost stabbli u t-tendenza hija li l-ġenerazzjoni tal-iskart tiġi diżakkoppjata mill-iżvilupp ekonomiku. Fl-istess ħin, l-iskart huwa meqjus dejjem aktar bħala riżors ta’ valur għall-ekonomija Ewropea. Is-sehem tal-iskart li jiġi rriċiklat qed jiżdied bil-mod, filwaqt li l-ammont tal-iskart li jmur fil-landfill qed jonqos. Madankollu, id-differenzi fil-prestazzjoni bejn il-pajjiżi għadhom għoljin.

Leġiżlazzjoni komprensiva tal-UE dwar l-iskart hija motivatur ewlieni tal-immaniġġjar aħjar tal-iskart.

 

Politiki tal-UE

Is-7 EAP jidentifika t-titjib tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi bħala wieħed mit-tliet għanjiet ewlenin tiegħu biex tintlaħaq il-viżjoni tal-2050 ta’ “għajxien tajjeb fil-limiti tal-pjaneta”:

  • biex tipproteġi, tikkonserva u ssaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni;
  • biex l-Unjoni tinbidel f’ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, ekoloġika u kompetittiva, b’livell baxx ta’ karbonju;
  • biex jiġu mħarsa ċ-ċittadini tal-Unjoni minn pressjonijiet relatati mal-ambjent u minn riskji għas-saħħa u l-benesseri.

L-għanjiet ġenerali tas-7 EAP huma appoġġati minn għadd ta’ strumenti ta’ politika aktar speċifiċi. L-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, u l-iskart u r-riżorsi sekondarji huma komponenti ewlenin tal-hekk imsejħa politika tal-Ekonomija Ċirkolari. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari stabbilixxa programm ta’ azzjoni konkret u ambizzjuż, b’miżuri li jkopru ċ-ċiklu kollu.

Politiki speċifiċi jindirizzaw l-elementi diversi tal-mudell tal-Ekonomija Ċirkolari. Fil-każ tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, huma jinkludu l-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi u l-Pjan Direzzjonali għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju.

Grupp (‘cluster’) ieħor ta’ politika għandu l-għan li jiċċaqlaq lil hinn mill-mudell ta’ tkabbir lineari ta’ “take-make-consume-dispose” (ħu-agħmel-ikkonsma-armi), lejn mudell ċirkolari li jiddependi miż-żamma tal-utilità tal-prodotti, tal-komponenti u tal-materjali u tal-valur tagħhom fl-ekonomija. Kif innotat fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari, dan ser jirrikjedi bidliet tul il-katini ta’ provvista kollha, inklużi fid-disinn tal-prodott, fil-mudelli kummerċjali, fl-għażliet tal-konsum, u fil-prevenzjoni u fl-immaniġġjar tal-iskart.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-Iskart hija waħda mill-motivi ewlenin ta’ politika tagħha. Id-direttivi ewlenin tal-UE dwar l-iskart ġew riveduti fl-2018. Dawn huma d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, id-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ, id-Direttiva dwar ir-Rimi ta’ Skart f’Landfills, id-Direttiva dwar Batteriji u Akkumulaturi, id-Direttiva dwar Skart ta’ Tagħmir Elettriku u Elettroniku, u d-Direttiva dwar Vetturi Li M’Għadhomx Jintużaw.

Id-direttivi riveduti jżidu l-livell ta’ ambizzjoni għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali u l-iskart mill-imballaġġ, filwaqt li l-landfill tal-iskart muniċipali jeħtieġ li jkompli jitnaqqas. L-iskart mill-ikel għandu jitnaqqas bin-nofs sal-2030, filwaqt li l-iskart perikoluż u l-bijoskart mid-djar ser ikollhom jinġabru separatament. Barra minn hekk, ir-regoli l-ġodda jipprevedu użu akbar ta’ strumenti ekonomiċi effettivi bħal skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur.

 

Attivitajiet tal-EEA

L-EEA tinvesti kontinwament fit-tisħiħ tal-bażi tal-għarfien dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari inkluż l-iskart, kif ukoll fil-bini tal-kapaċità u t-trasferiment tal-esperjenza fi ħdan in-Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (EIONET) .

L-EEA tanalizza l-fluss ta’ materjali kif ukoll id-data u l-informazzjoni dwar l-iskart u tipproduċi indikaturi u valutazzjonijiet relatati. Il-progress tal-politika huwa analizzat f’sensiela ta’ tliet rapporti paralleli dwar il-prevenzjoni tal-iskart u l-ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi/ekonomija ċirkolari. Perspettiva ġenerali hija provudta fir-rapporti dwar l-ekonomija ċirkolari u fil-kontribuzzjoni għal valutazzjonijiet integrati, bħas-sensiela tal-EEA’s European Environment — State and Outlook report (SOER) (L-Ambjent Ewropew tal-EEA – Rapport dwar il-Qagħda u Perspettiva (SOER)).

L-analiżi dettaljata tal-aspetti magħżula tal-politiki dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u tal-ekonomija ċirkolari jinħarġu fuq bażi regolari, u jħarsu lejn suġġetti bħall-monitoraġġ, miri, strumenti bbażati fuq is-suq u strateġiji ta’ intervenzjoni oħra.

L-interazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u l-bini tal-kapaċità relatati ma’ dawn il-valutazzjonijiet huma element importanti tax-xogħol, b’ħidma ta’ attivitajiet ta’ kommunikazzjoni (‘outreach’) u ‘workshops’ regolari tal-EIONET maċ-Ċentri ta’ Referenza Nazzjonali dwar l-iskart u dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari.

 

Ħarsa ’l Quddiem

Il-ħidma attwali hija primarjament immirata lejn it-titjib tal-bażi ta’ evidenza dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, l-ekonomija ċirkolari u l-iskart. Il-kontribuzzjoni għas-sensiela ta’ l-SOER_huma previsti b’enfasi fuq l-informazzjoni tematika (l-iskart u l-użu tar-riżorsi), kif ukoll fuq l-analiżi sistematika tat-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari. 

Fid-direttivi riveduti dwar l-iskart, l-EEA kienet ingħatat il-kompitu li tappoġġa l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart fl-Istati Membri tal-UE. Kull sentejn, l-EEA se tirrevedi l-programmi ta’ prevenzjoni tal-iskart tal-pajjiżi u se tivvaluta l-progress lejn il-prevenzjoni tal-iskart u t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari.

Fir-rigward tal-immaniġġjar tal-iskart, l-EEA se tappoġġa lill-Kummissjoni Ewropea fl-ivvalutar tal-prestazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fir-rigward ta’ miri li għadhom kif ġew definiti dwar ir-riċiklaġġ u l-landfill tal-iskart muniċipali, u r-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ. Dan se jipprovdi kontribut għall-mekkaniżmu ta’ “twissija bikrija”.

Geographic coverage

Dokument ta’ Azzjonijiet
Abbonamenti
${inkiteb} biex tirċievi r-rapporti tagħna (stampati jew/u f’forma elettronika) u n-newsletter elettronika ta’ kull tliet xhur.
Segwina