Tniġġis tal-arja
- Bulgarian (bg)
- Czech (cs)
- Danish (da)
- German (de)
- Greek (el)
- English (en)
- Spanish (es)
- Estonian (et)
- Finnish (fi)
- French (fr)
- Croatian (hr)
- Hungarian (hu)
- Icelandic (is)
- Italian (it)
- Lithuanian (lt)
- Latvian (lv)
- Maltese (mt)
- Dutch (nl)
- Norwegian (no)
- Polish (pl)
- Portuguese (pt)
- Romanian (ro)
- Slovak (sk)
- Slovenian (sl)
- Swedish (sv)
- Turkish (tr)
It-tniġġis tal-arja huwa kwistjoni lokali, pan-Ewropea u emisferika. Sustanzi li jniġġsu l-arja, rilaxxati f’pajjiż wieħed, jistgħu jiġu ttrasportati fl-atmosfera, u jikkontribwixxu għal jew jirriżultaw fi kwalità ħażina tal-arja mkien ieħor.
Materja partikulata u l-ożonu troposferiku, huma issa ġeneralment rikonoxxuti bħala ż-żewġ sustanzi li jniġġsu li jaffettwaw bl-aktar mod sinifikanti s-saħħa tal-bniedem. Espożizzjonijiet għal żmien twil u massimi, għal dawn is-sustanzi li jniġġsu, ivarjaw fis-severità tal-impatt, minn ħsara għas-sistema tan-nifs għal mewt qabel iż-żmien. Fi snin riċenti, sa 40 % tal-popolazzjoni urbana tal-Ewropa setgħet kienet esposta għal konċentrazzjonijiet ambjentali mhux maħduma ta’ PM (PM10) aktar mil-limitu stabbilit tal-UE biex jipproteġi s-saħħa tal-bniedem. Sa 50% tal-popolazzjoni li tgħix f’żoni urbani setgħu kienu esposti għal livelli tal-ożonu li jeċċedu l-valur mira tal-UE. Materja partikolata fina (PM2.5) fl-arja ġiet stmata li tnaqqas l-istennija tal-għomor fl-UE b’aktar minn tmien xhur.
It-tniġġis tal-arja huwa ħażin għal saħħitna. Inaqqas l-istennija tal-għomor b’aktar minn tmien xhur fuq medja u b’aktar minn sentejn fl-ibliet u fir-reġjuni l-iżjed imniġġsa. L-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-istandards tal-kwalità tal-arja fl-UE malajr, u jnaqqsu emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja
Janez Potočnik, Kummissarju tal-UE għall-Ambjent.
It-tniġġis tal-arja jagħmel ħsara wkoll lill-ambjent tagħna.
- L-Aċidifikazzjoni kienet sostanzjalment imnaqqsa bejn l-1990 u l-2010 fiż-żoni sensittivi tal-ekosistema fl-Ewropa li kienu soġġetti għal depożitu aċiduż ta’ komposti ta’ kubrit u nitroġenu eċċessiv.
- L-Ewtrofikazzjoni, problema ambjentali kkawżata mill-input ta’ nutrijenti eċċessivi fl-ekosistemi, rat inqas progress. Iż-żona ta’ ekosistemi sensittivi effettwati minn nitroġenu atmosferiku eċċessiv naqset biss ftit bejn l-1990 u l-2010.
- Il-ħsara għall-għelejjel hija kkawżata minn espożizzjoni għal konċentrazzjonijiet kbar tal-ożonu. Il-parti l-kbira tal-għelejjel agrikoli huma esposti għal livelli tal-ożonu li jeċċedu l-mira fit-tul tal-UE maħsuba biex tipproteġi l-veġetazzjoni. Dan jinkludi, b’mod notevoli, proporzjon sinifikanti ta’ żoni agrikoli, partikolarment fl-Ewropa tan-nofsinhar, ċentrali u tal-lvant.
Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa mhux dejjem tjiebet in linja mat-tnaqqis ġenerali ta’ emissjonijiet antropoġeniċi (kkawżati mill-bniedem) ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja. Ir-raġunijiet għal dan huma kumplessi:
- Mhux dejjem teżisti relazzjoni lineari ċara bejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja, osservati fl-arja;
- Hemm kontribuzzjoni dejjem tikber, ittrasportata fuq distanza twila, ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja fl-Ewropa, minn pajjiżi oħra fl-emisferu tat-tramuntana.
Sforzi mmirati għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għadhom għaldaqstant meħtieġa, biex jipproteġu aktar is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent fl-Ewropa.
Sorsi ta’ tniġġis tal-arja
Hemm diversi sorsi ta’ tniġġis tal-arja, kemm antropoġeniċi kif ukoll ta’ oriġini naturali:
- il-ħruq ta’ fjuwils fossili fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, it-trasport, l-industrija u f’unitajiet domestiċi;
- proċessi industrijali u użu ta’ solventi, pereżempju f’industriji kimiċi u minerali;
- l-agrikoltura;
- it-trattament tal-iskart;
- żbruffaturi volkaniċi, trab tal-arja, sprej tal-melħ tal-baħar u emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili minn pjanti huma eżempji ta’ sorsi ta’ emissjoni naturali.
Politiki tal-Unjoni Ewropea
Il-mira tal-UE fit-tul hi li jintlaħħqu livelli ta’ kwalità tal-arja li ma jirriżultawx f’impatti mhux aċċettabbli fuq, u riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. L-UE taġixxi f’ħafna livelli biex tnaqqas l-espożizzjoni għat-tniġġis tal-arja: permezz tal-leġiżlazzjoni; kooperazzjoni ma’ setturi responsabbli għat-tniġġis tal-arja, kif ukoll awtoritajiet internazzjonali, nazzjonali u reġjonali u organizzazzjonijiet mhux governattivi; u riċerka. Il-politiki tal-UE jimmiraw li jnaqqsu l-espożizzjoni għat-tniġġis tal-arja billi jnaqqsu l-emissjonijiet u jistabbilixxu limiti u jimmiraw valuri għall-kwalità tal-arja.
Sir af aktar dwar il-politiki Ewropej dwar it-tniġġis tal-arja
Attivitajiet tal-EEA
L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) hija ċ-ċentru tad-dejta dwar tniġġis tal-arja tal-Unjoni Ewropea; issostni l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE marbuta ma’ emissjonijiet tal-arja u l-kwalità tal-arja. L-EEA tikkontribwixxi wkoll għall-valutazzjoni ta’ politiki dwar tniġġis tal-arja tal-UE u għall-iżvilupp ta’ strateġiji fit-tul għat-titjib tal-kwalità tal-arja fl-Ewropa.
Ix-xogħol tal-EEA jiffoka fuq:
- li firxa ta’ dejta dwar it-tniġġis tal-arja tkun magħmula disponibbli għall-pubbliku,
- id-dokumentazzjoni u l-valutazzjoni ta’ xejriet fir-rigward tat-tniġġis tal-arja u politiki u miżuri relatati fl-Ewropa, u
- l-investigazzjoni ta’ kompromessi u sinerġiji bejn it-tniġġis tal-arja u politiki f’oqsma differenti, inklużi t-tibdil fil-klima, l-enerġija, it-trasport u l-industrija.
Sir af aktar dwar attivitajiet tal-EEA
Links utli
L-EEA ppubblikat ġabra ta’ links dwar it-tniġġis tal-arja.
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/themes/air/intro or scan the QR code.
PDF generated on 19 Jan 2021, 07:54 AM