li jmiss
preċedenti
punti

Press Release

L-Ewropej ikomplu jgawdu ilmijiet għall-għawm ta’ kwalità għolja

Biddel il-lingwa
Press Release Ippubblikat 13 May 2015 Mibdul l-aħħar 03 Jun 2016
Photo: © Environmental Health Directorate, Malta
Ħamsa u disgħin fil-mija tas-siti għall-għawm immonitorjati fl-Unjoni Ewropea fl-2014 laħqu l-istandards minimi tal-kwalità tal-ilma. Il-kwalità tal-ilma kienet eċċellenti fi 83 % tas-siti, żieda ta’ kważi punti perċentwali meta mqabbel mal-2013.

Ninsab sodisfatt bil-fatt li l-kwalità tal-ilmijiet għall-għawm fl-Ewropa hija konsistentement għolja u qed tkompli tiżdied. Dan jixhed li meta l-politiki huma ambizzjużi, definiti sew u implimentati tajjeb, jaħdmu u jikkontribwixxu għall-kwalità tal-ħajja tagħna.

Hans Bruyninckx, id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA

Is-siti għall-għawm kollha f’Ċipru, il-Lussemburgu, u Malta kellhom ilma ta’ kwalità eċċellenti. Dawn il-pajjiżi kienu segwiti mill-Greċja (97 %), il-Kroazja (94 %) u l-Ġermanja (90 %), li kollha għandhom proporzjon għoli ta’ siti b'ilma għall-għawm ta’ kwalità eċċellenti. Madwar l-Ewropa, ftit inqas minn 2 % tas-siti għall-għawm naqsu milli jissodisfaw l-istandards minimi tal-kwalità tal-ilma tad-Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm, u ġew ikklassifikati bħala “ħżiena”.

Dawn ir-riżultati ġejjin mir-rapport annwali dwar il-kwalità tal-ilma għall-għawm tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) u l-Kummissjoni Ewropea, li jqabbel l-kwalità tal-ilma għall-għawm permezz ta' kampjuni meħudha minn iktar minn 21 000 sit għall-għawm mal-kosta u 'l ġewwa minnha madwar l-UE, l-Isvizzera u l-Albanija fl-2014. Flimkien mar-rapport, l-EEA ippublikat mappa interattiva li turi l-prestazzjoni ta' kull sit għall-għawm.

Karmenu Vella, il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, qal:"F'xi ħin jew ieħor, ilkoll kemm aħna nqattgħu xi ħin fuq xi bajja bħala turisti.  Huwa ovvju li ilmijiet għall-għawm nodfa u sikuri huma importanti għalina biex nibqgħu f’saħħitna u l-aħbar tajba hi li l-ilmijiet għall-għawm qed ikomplu jitjiebu.  Għalhekk, meta jerġa' jmissek tmur tgħum ftakar li l-UE kellha rwol biex l-ilma għall-għawm tiegħek jinżamm sikur u nadif!"

Hans Bruyninckx, id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA, qal:"Ninsab sodisfatt bil-fatt li l-kwalità tal-ilmijiet għall-għawm fl-Ewropa hija konsistentement għolja u qed tkompli tiżdied. Dan jixhed li meta l-politiki huma ambizzjużi, definiti sew u implimentati tajjeb, jaħdmu u jikkontribwixxu għall-kwalità tal-ħajja tagħna."

L-ilma għall-għawm 2014: sejbiet ewlenin

  • Filwaqt li aktar minn 95% tas-siti tal-għawm laħqu r-rekwiżiti minimi, 83% laħqu dawk l-iktar stretti u kisbu l-livell "eċċellenti". 409 siti tal-għawm biss, li jikkorrispondu għal inqas minn 2 % tal-għadd total, ġew ivvalutati bħala li għandhom kwalità ħażina ta' ilma għall-għawm.
  • L-ogħla għadd ta’ siti għall-għawm bi kwalità tal-ilma ħażina nstabu fl-Italja (107 sit għall-għawm, 2 %), Franza (105 sit għall-għawm, 3 %) u Spanja (67 sit għall-għawm, 3 %).
  • B’mod ġenerali, il-bajjiet kostali jiksbu punteġġ għoli, bi kważi 97 % tas-siti fl-Ewropa li jilħqu l-istandards minimi u aktar minn 85 % iklassifikati bħala “eċċellenti”. Il-bajjiet kostali kollha fis-Slovenja, Malta u Ċipru kienu kklassifikati bħala eċċellenti.
  • Dan jista' jitqabbel mal-91 % tal-ilmijiet għall-għawm interni (lagi u xmajjar) li kisbu tal-inqas l-istandards minimi u aktar minn 78 % għandhom kwalità eċċellenti. Fil-Lussemburgu u l-Bulgarija, is-siti interni għall-għawm kollha ġew meqjusa eċċellenti, segwiti mid-Danimarka fejn 95 % tal-lagi għall-għawm kienu ta' kwalità eċċellenti. Il-Ġermanja kisbet kwalità eċċellenti f'92 % minn kważi 2 000 sit tal-għawm intern.

Sfond

L-awtoritajiet lokali jiġbru kampjuni tal-ilma minn siti għall-għawm magħżula matul l-istaġun kollu tal-għawm. Il-kampjuni imbgħad jiġu analizzati għal żewġ tipi ta’ batterji li jindikaw tniġġis mid-drenaġġ jew mill-bhejjem. L-ilma mniġġes jista’ ikollu impatt fuq is-saħħa tal-bniedem, billi jekk jinbela’ jikkawża taqlib fl-istonku u dijarea.

Skont il-livelli ta’ batterji misjuba, il-kwalità tal-ilma għall-għawm tiġi kklassifikata bħala “eċċellenti”, “tajba”, “suffiċjenti” jew “ħażina”. L-EEA tipproduċi dan ir-rapport annwali bbażat fuq dejta mill-istaġun tal-għawm preċedenti, għalhekk ir-rapport ta’ din is-sena huwa kompilazzjoni ta’ dejta miġbura fis-sajf tal-2014, li tindika l-kwalità tal-ilma għall-għawm mistennija fl-2015.

Għal iktar informazzjoni:

Permalinks

Geographic coverage