li jmiss
preċedenti
punti

News

L-ibħra tal-Ewropa qed jiffaċċjaw ġejjieni inċert jekk ma titteħidx azzjoni urġenti u koerenti

Biddel il-lingwa
News Ippubblikat 25 Jun 2020 Mibdul l-aħħar 02 Jul 2020
6 min read
Photo: © Cristian Umili, REDISCOVER Nature/EEA
Fid-dawl taż-żieda fit-theddid minħabba l-isfruttament żejjed tar-riżorsi tal-baħar, it-tniġġis u t-tibdil fil-klima, hija meħtieġa azzjoni urġenti biex l-ibħra tal-Ewropa jitreġġgħu lura għal kundizzjoni tajba. Skont ir-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent dwar l-ekosistemi tal-baħar tal-Ewropa, li ġie ppubblikat illum, qed jispiċċalna ż-żmien biex inreġġgħu lura għexieren ta’ snin ta’ negliġenza u użu ħażin.

L-ibħra u l-ekosistemi tal-baħar tagħna qed isofru minn snin twal ta’ sfruttament żejjed u negliġenza.

Hans Bruyninckx, id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA

Il-kundizzjoni attwali tal-ibħra tal-Ewropa hija ġeneralment fqira skont ir-rapport tal-EEA “Marine Messages II.” (Messaġġi Marittimi II.). Din hija aħbar ħażina għan-nies minħabba li taffettwa l-kwalità ta’ ħajjitna, l-għajxien u l-ekonomiji. Il-kundizzjoni tal-ibħra tagħna tiddetermina l-kapaċità tagħhom li jipprovdu, fost l-oħrajn, l-ossiġenu, l-ikel, klima abitabbli, u ċerta materja prima, u tappoġġa wkoll ir-rikreazzjoni, il-ħin liberu u s-saħħa tagħna.

L-użu storiku u attwali tal-ibħra tagħna — mill-Baltiku sal-Mediterran — qed ikollu effett negattiv, filwaqt li qed iwassal għal bidliet fil-kompożizzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats tal-baħar u għal bidliet fil-kompożizzjoni ġenerali, kemm fiżika kif ukoll kimika tal-ibħra. Ma’ dawn il-problemi kumplessi hemm miżjud it-tibdil fil-klima, li qed jiggrava l-impatti tat-theddid l-ieħor. L-effetti kkombinati ta’ dawn il-bidliet huma attwalment fir-rotta li tista’ tikkawża ħsara irriversibbli lill-ekosistemi tal-baħar, jgħid ir-rapport tal-EEA. Madankollu, hemm sinjali ta’ rkupru tal-ekosistema tal-baħar f’xi oqsma b’riżultat ta’ sforzi sinifikanti, spiss tul għaxar snin, biex jitnaqqsu ċerti impatti bħal dawk ikkawżati mill-kontaminanti, l-ewtrofikazzjoni u s-sajd eċċessiv, jgħid ir-rapport.

“L-ibħra u l-ekosistemi tal-baħar tagħna qed isofru minn snin twal ta’ sfruttament żejjed u negliġenza. Dalwaqt nistgħu nilħqu punt li minnu m’hemmx ritorn lura, iżda, kif jikkonferma r-rapport tagħna, għad għandna l-opportunità li nreġġgħu lura l-ekosistemi tal-baħar tagħna jekk naġixxu b’mod deċiżiv u koerenti u nsibu bilanċ sostenibbli bejn il-mod kif nużaw l-ibħra u l-impatt tagħna fuq l-ambjent tal-baħar. F’dan il-kuntest, l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 u elementi oħra tal-Patt Ekoloġiku Ewropew iwasslu għal tama mġedda li se tittieħed azzjoni urġenti u koerenti għall-protezzjoni u r-restawr,” qal Hans Bruyninckx, id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA.

L-Istati Membri tal-UE x’aktarx ma jiksbux fl-ilmijiet kollha tagħhom sal-2020, l-għan ta’ “status ambjentali tajjeb” tad-Direttiva Kwadru tal-UE dwar l-Istrateġija Marina (MSFD), il-liġi ewlenija tal-UE dwar il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar. Minkejja dan, sar progress u kisbiet sinifikanti minn mindu daħlet fis-seħħ id-Direttiva. Dawn il-konklużjonijiet huma mtennija mir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea stess, li jirrieżamina l-istat attwali tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, li hija wkoll ippubblikata llum. Ir-rapport tal-EEA jikkontribwixxi għar-rieżami tal-Kummissjoni u jissuġġerixxi soluzzjonijiet li jistgħu jgħinu lill-UE tilħaq l-għan tal-leġiżlazzjoni ta’ ibħra nodfa, b’saħħithom u produttivi, l-aktar permezz ta’ ġestjoni bbażata fuq l-ekosistema.

Id-datakollha rrappurtata mill-Istati Membri tal-UE lill-Kummissjoni ssir pubblika għall-ewwel darba f’sit web apposta fuq WISE-Marine, kif ukoll prodotti tad-data u għodod ta’ viżwalizzazzjoni li jipprovdu ħarsa ġenerali tal-istatus tal-ambjent tal-baħar fl-UE.

Sejbiet ewlenin oħrajn:

  • L-ekonomija marittima tal-UE qed tkompli tikber u l-kompetizzjoni għar-riżorsi tal-baħar bħall-ħut, il-fjuwils fossili, il-minerali jew il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-ispazju hija mistennija li tiżdied. Dan se jżid aktar pressjoni fuq l-ekosistemi tal-baħar li diġà huma sfruttati żżejjed. Biex dan jiġi evitat, it-tkabbir f’dan is-settur jeħtieġ li jiġi sseparat mid-degradazzjoni u t-tnaqqis tal-ekosistema tal-baħar u jiġi llimitat fil-limiti għall-użu sostenibbli tagħhom.
  • Minkejja l-impenji tal-UE u dawk globali, it-telfien tal-bijodiversità fl-ibħra tal-Ewropa ma ġiex imwaqqaf. Numru kbir ta’ speċijiet marittimi u valutazzjonijiet tal-ħabitats ikomplu juru “status ta’ konservazzjoni mhux favorevoli.” Studji jindikaw is-sitwazzjoni diffiċli li jsibu ruħhom fihom speċijiet bħal għasafar tal-baħar, mammiferi tal-baħar (foki u baleni), u stokkijiet tal-ħut, bħall-merluzz.
  • Miżuri ta’ ġestjoni mmirati lejn speċijiet u ħabitats tal-baħar individwali wasslu għal titjib fil-kundizzjoni tagħhom f’xi reġjuni tal-baħar tal-UE, iżda dan is-suċċess frammentat ma jikkumpensax l-effetti kkombinati ta’ pressjonijiet multipli minn attivitajiet tal-bniedem fl-ibħra kollha tal-Ewropa.
  • Fejn il-kooperazzjoni reġjonali tkun ġiet stabbilita u implimentata b’mod konsistenti, ix-xejriet negattivi f’ċerti pressjonijiet qed jibdew jitreġġgħu lura, pereżempju, livelli ta’ nutrijenti u kontaminanti jew l-introduzzjoni ta’ speċijiet mhux indiġeni.
  • L-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar, kif ukoll is-sinifikat taż-żoni kostali, huma dimensjonijiet importanti li għandhom jiġu kkunsidrati meta jitfasslu l-azzjonijiet biex inaqqsu l-pressjonijiet fuq l-ambjent tal-baħar.
  • Bidliet fit-temperatura tal-oċeani u l-kontenut ta’ ossiġenu, u l-aċidifikazzjoni tal-oċeani, jindikaw li qed isiru bidliet sistemiċi negattivi fir-reġjuni tal-baħar tal-UE, li jkomplu jnaqqsu r-reżiljenza tal-ekosistemi tal-baħar, inkluża r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima.L-implimentazzjoni tal-politika tal-UE u l-politika reġjonali tal-passat tgħin biex jiġi identifikat sett ta’ lezzjonijiet għar-restawr tal-ekosistemi tal-baħar, li għandhom jintużaw meta jiġu ppreżentati azzjonijiet u soluzzjonijiet biex jinkisbu ibħra nodfa, b’saħħithom u produttivi.
  • B’determinazzjoni politika, riżorsi addizzjonali u koordinazzjoni miżjuda fost il-partijiet ikkonċernati u l-integrazzjoni tal-politika, l-Ewropa tista’ timxi lejn “kundizzjoni tajba” għall-ibħra tagħha fil-qafas tal-politika eżistenti tal-UE sal-2030. Biex jintlaħaq dan l-għan, il-pressjonijiet fuq l-ekosistemi tal-baħar għandhom jitnaqqsu. Bl-ambizzjoni tagħha li tipproteġi 30 % tal-ibħra tal-Ewropa u 10 % taħt “protezzjoni stretta”, l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030  tagħti spinta ġdida biex jitnaqqsu pressjonijiet bħal dawn.
  • Il-kisba ta’ kundizzjoni tajba għall-ibħra tal-Ewropa hija strumentali għall-objettivi tal-Ekonomija Blu Sostenibbli u l-ippjanar tal-ispazju marittimu kif rifless fil-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Informazzjoni ta’ sfond

Ir-rapport tal-EEA “Marine Messages II” (Messaġġi Marittimi II) jibni fuq is-sensiela ta’ valutazzjonijiet tematiċi li ġejjin:

Contaminants in Europe's seas - Moving towards a clean, non-toxic marine environment (Il-kontaminanti fl-ibħra tal-Ewropa - Il-mixja lejn ambjent tal-baħar nadif u mhux tossiku) 

Nutrient enrichment and eutrophication in Europe's seas - Moving towards a healthy marine environment (L-arrikkiment tan-nutrijenti u l-ewtrofikazzjoni fl-ibħra tal-Ewropa - Il-mixja lejn ambjent tal-baħar b’saħħtu) 

Biodiversity in Europe's seas (Il-bijodiversità fl-ibħra tal-Ewropa) 

Multiple pressures and their combined effects in Europe's seas (Pressjonijiet multipli u l-effetti kkombinati tagħhom fl-ibħra tal-Ewropa)

 

Permalinks

Geographic coverage

Temporal coverage