All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
L-Ewropa hija mdawra b'oċeani u ibħra, li tul l-istorja, sawru l-klima, l-ekonomija u s-soċjetà tagħha. Il-baħar ipprovda xogħol lill-komunitajiet kostali u ikel sustanzjuż madwar l-Ewropa. Ir-rotot kummerċjali marittimi ġabu oġġetti flimkien ma' ideat ġodda u innovazzjoni, filwaqt li l-kurrenti ta’ l-oċean jittrasportaw sħana mir-reġjuni tropikali lejn il-poli, li jagħmlu l-klima fl-Ewropa tat-Tramuntana aktar adatta għall-insedjamenti umani.
Fil-fatt, l-oċeani jkopru madwar 70 % tal-wiċċ tal-pjaneta tagħna u għandhom rwol ewlieni fis-sostenn tal-ħajja fid-dinja. Huma jilqgħu fihom multitudni ta' speċijiet u ħabitats, u kull sena jiġu skoperti speċijiet u ħabitats ġodda, kull waħda u wieħed b'karatteristiċi uniċi. Minbarra li jirregolaw il-klima globali u jsostnu l-bijodiversità, l-oċeani huma wkoll l-akbar sink tal-karbonju. Huma jaqbdu d-dijossidu tal-karbonju mill-atmosfera u jgħinu fl-immaniġġjar tat-tibdil fil-klima. Jipprovdu wkoll opportunitajiet ta' xogħol. Skont il-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija 'blu' tirrappreżenta bejn wieħed u ieħor 5.4 miljun impjieg u tiġġenera valur miżjud gross ta' kważi EUR 500 biljun fis-sena.
Sfortunatament, l-oċeani, inklużi dawk madwar l-Ewropa, qegħdin taħt pressjoni dejjem akbar mill-attivitajiet tal-bniedem u mit-tibdil fil-klima. Valutazzjonijiet reċenti jindikaw b'mod ċar li l-ekosistemi tal-baħar qegħdin jiddeġeneraw jew jinbidlu. Iż-żidiet fit-temperatura kkawżati mit-tibdil fil-klima u l-possibbiltà ta' aċidifikazzjoni ta’ l-oċeani jistgħu jdgħajfu aktar ir-reżiljenza ekoloġika tal-ibħra Ewropej. Il-parti l-kbira tal-pressjoni ġejja mill-attivitajiet fuq il-baħar, bħall-estrazzjoni u l-produzzjoni ta' riżorsi naturali (minerali, ħut, frott tal-baħar, eċċ.), it-trasport u l-produzzjoni ta’ l-enerġija, jew it-tniġġis, inkluż it-tagħmir mormi tas-sajd. Pereżempju, it-tkarkir tal-qiegħ jikkawża ħsara fiżika fil-qiegħ tal-baħar, li tagħmel ħsara lill-ħabitats. Jew l-ilma tas-saborra jintroduċi speċijiet invażivi, li jistgħu jaffettwaw ekosistemi sħaħ, b'mod partikolari f'ibħra reġjonali nofshom magħluqa bħall-Baħar Baltiku u l-Baħar l-Iswed.
L-attivitajiet ibbażati fuq l-art — bħall-użu ta' fertilizzanti agrikoli u kimiki industrijali, u l-ilma mormi — iżidu mal-pressjoni. Pereżempju, il-fertilizzanti industrijali fihom kimiki bħall-fosforu u n-nitroġenu, li meta jaslu fl-ambjent tal-baħar jaġixxu bħala nutrijent li jikkawża, fost l-oħrajn, proliferazzjoni ta’ l-alka. Din il-fjoritura żejda ta' alka tista' tnaqqas l-ossiġnu fl-ilma, u b'hekk tifga speċijiet akkwatiċi oħrajn. Bl-istess mod, l-imballaġġ tal-plastik u l-mikroplastiċi użati fil-prodotti tal-kura personali jilħqu l-oċeani permezz tas-sistemi ta’ l-ilma ta’ l-iskart u tax-xmajjar. Il-plastik jitfarrak u ħafna speċijiet tal-baħar jaħsbu li l-biċċiet żgħar huma ikel u dan jista' jkun fatali għalihom. Dawn saħansitra jidħlu fil-katina ta’ l-ikel tagħna. Id-domanda dinjija u Ewropea għall-materja prima u riżorsi oħrajn tħajjar lill-pajjiżi u lill-kumpaniji jesploraw opportunitajiet ġodda lil hinn miż-żoni terrestri u kostali, li jista' jfisser aktar pressjoni fuq l-ambjent tal-baħar.
Hija u tirrikonoxxi kemm l-importanza ekoloġika kif ukoll ekonomika ta’ l-ibħra Ewropej, l-UE implimentat għadd ta' politiki u miżuri, relatati ma’ l-ippjanar u r-regolament ta’ l-użu sostenibbli tal-ibħra ta’ l-Ewropa u li jkopru għadd ta' attivitajiet bħas-sajd, il-produzzjoni ta’ l-enerġija barra l-kosta, u l-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar. Id-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marina, adottata fl-2008, għandha l-għan li tiżgura konsistenza bejn dawn il-politiki ta’ l-UE u tistabbilixxi tliet miri għall-ibħra Ewropej: li jkunu 'produttivi', 'b'saħħithom', u 'nodfa'. Dawn l-isforzi huma allinjati ma’ l-Aġenda tat-Tkabbir Blu ta’ l-UE — strateġija fit-tul li tappoġġja t-tkabbir sostenibbli fil-qasam tal-baħar u dak marittimu inġenerali, li hija akkumpanjata mid-Direttiva dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu. Il-politika ta’ l-UE f'dan il-qasam hija allinjata wkoll mal-Miri ta' Żvilupp Sostenibbli, b'mod partikolari l-Mira 14 u l-Mira 6.
Ibbażata fuq id-data disponibbli, il-valutazzjoni ta’ l-EEA "L-Istat ta’ l-ibħra fl-Ewropa" ikkonkludiet li għalkemm l-ibħra ta’ l-Ewropa jistgħu jitqiesu produttivi, ma jistgħux jitqiesu b'saħħithom jew nodfa. Madankollu, hemm titjib f'ċerti oqsma. Pereżempju, l-Istati Membri ta’ l-UE diġà indikaw aktar minn 9 % ta’ l-ibħra tagħhom bħala żoni protetti tal-baħar. Bl-istess mod, il-pressjoni fuq is-sajd u t-tagħbija tan-nutrijenti jidhru li qegħdin jonqsu. Madankollu, minkejja dan it-titjib, il-mod kif nużaw l-ibħra tagħna għadu insostenibbli u jhedded mhux biss lill-produttività ta’ l-ibħra tagħna, iżda wkoll lill-benesseri tagħna.
L-ibħra huma parti mill-kapital naturali Ewropew tagħna u l-protezzjoni u l-isfruttament tagħhom jeħtieġu approċċ ta' ġestjoni bbażata fuq l-ekosistemi, li jrid imur lil hinn minn miżuri speċifiċi għas-settur. Ħafna mill-pressjonijiet huma marbuta ma' mudelli ta' konsum u produzzjoni insostenibbli jew attivitajiet jew ħtiġijiet tal-bniedem ibbażati fuq l-art. Minħabba dan, it-titjib fil-ġestjoni ta’ l-iskart muniċipali (inqas plastik fin-natura) jew il-qlib għal modi ta' trasport aktar nodfa (inqas emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra) jistgħu jgħinu lill-ambjent tal-baħar daqs it-titjib fil-prattiki sostenibbli fis-sajd. F'dawn l-aħħar snin, il-politiki ta’ l-UE, bħall-Pakkett ta’ l-Ekonomija Ċirkolari, il-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija u l-Istrateġija ta' Karbonju Baxx, kienu qegħdin joqorbu lejn approċċi komprensivi għall-indirizzar ta' sfidi soċjoekonomiċi u ambjentali-klimatiċi usa.
Fil-kuntest ta’ l-ambjent tal-baħar, approċċ komprensiv ikun jeħtieġ li tiġi adottata ġestjoni bbażata fuq l-ekosistemi u li jingħaqdu diversi fora ta' governanza fi ħdan l-UE, bħal dawk taħt il-Politika Komuni tas-Sajd, id-Direttiva dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu u d-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima.
Bħal fil-każ ta' sfidi globali oħrajn — ngħidu aħna t-tniġġis ta’ l-arja, it-tibdil fil-klima, jenħtieġ approġġ globali biex nassiguraw is-saħħa ta’ l-ibħra Ewropej. L-Unjoni Ewropea se tkun qed tospita l-edizzjoni ta’ l-2017 tal-konferenza "L-Oċean Tagħna" f'Malta f'Ottubru sabiex tiffaċilita l-kooperazzjoni u tindirizza kwistjonijiet marbuta mal-governanza globali tal-oċeani. F'din l-okkażjoni, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-Kummissjoni Ewropea se jkunu qegħdin jippreżentaw WISE-Marine, pjattaforma għall-qsim ta' informazzjoni dwar l-ambjent marittimu fuq skala Ewropea b'appoġġ għall-governanza ta’ l-oċeani u għall-ġestjoni bbażata fuq l-ekosistemi.
Hans Bruyninckx
Direttur Eżekuttiv ta’ l-EEA
Editorjal ippubblikat fil-Bullettin ta’ l-EEA edizzjoni Nru 2017/03, Settembru 2017
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/articles/lejn-ibhra-bsahhithom-u-produttivi or scan the QR code.
PDF generated on 15 Oct 2024, 03:19 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn