All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Press Release
Ir-rapport tal-Valutazzjoni tal-Valutazzjonijiet juri li jeħtieġ inkomplu nsaħħu r-rabta bejn il-politika u l-informazzjoni. Dan jaħdem b’żewġ modi – jeħtieġ li dawk li jfasslu l-politika jagħmlu użu aħjar mill-minjiera ta’ informazzjoni ambjentali disponibbli bħalissa; fl-istess waqt, il-valutazzjonijiet ambjentali għandhom ikunu maħsuba biex ikunu kemm jista’ jkun rilevanti għall-politika.
Il-Professoressa Jacqueline McGlade, Direttriċi Eżekuttiva tal-EEA
Il-Konferenza Ministerjali sejra tlaqqa’ flimkien delegati minn 53 pajjiż fir-reġjun pan-Ewropew, kif ukoll delegati mill-Istati Uniti, mill-Kanada u mill-Iżrael. Il-konferenza tiffoka fuq l-isfidi fil-ħarsien tal-ilma u tal-ekosistemi relatati, u fuq kif nistgħu nimxu lejn ekonomija ekoloġika. Il-konferenza qed tiġi organizzata mill-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UNECE) b’kooperazzjoni mal-Gvern tal-Kazakastan.
Sabiex tappoġġa l-Konferenza, l-EEA intalbet tipproduċi rapport intitolat ‘L-Ambjent tal-Ewropa – Valutazzjoni tal-Valutazzjonijiet’. Dan ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn is-sorsi disponibbli ta’ informazzjoni ambjentali madwar ir-reġjun li huma direttament relatati mat-temi tal-Konferenza. Biex jiktbu dan ir-rapport, l-esperti ħarsu lejn aktar minn 1000 rapport, li aktar minn nofshom kienu analizzati fid-dettall. Dan ir-rapport, li kien imħejji bl-appoġġ tal-Grupp ta’ Tmexxija tal-UNECE dwar l-Valutalwazzjonijiet Ambjentali, huwa kkumplimentat minn sensiela ta’ rapporti reġjonali li jiffokaw fuq sub-reġjuni pan-Ewropej speċifiċi.
Il-Professoressa Jacqueline McGlade, Direttriċi Eżekuttiva tal-EEA, qalet: “Ir-rapport tal-Valutazzjoni tal-Valutazzjonijiet juri li jeħtieġ inkomplu nsaħħu r-rabta bejn il-politika u l-informazzjoni. Dan jaħdem b’żewġ modi – jeħtieġ li dawk li jfasslu l-politika jagħmlu użu aħjar mill-minjiera ta’ informazzjoni ambjentali disponibbli bħalissa; fl-istess waqt, il-valutazzjonijiet ambjentali għandhom ikunu maħsuba biex ikunu kemm jista’ jkun rilevanti għall-politika.
“Sabiex insostnu l-iżvilupp soċjali u ekonomiku fir-reġjun pan-Ewropew, jeħtieġ li nagħmlu l-ekonomiji tagħna ekoloġiċi – dan ifisser li nimmaniġġjaw ir-riżorsi limitati b’mod ekwu mingħajr ma nikkompromettu l-funzjonijiet essenzjali tal-ekosistema. L-abbiltà tagħna bħala soċjetà li nilħqu din l-isfida b’suċċess tiddependi minn kemm ikollna aċċess għal informazzjoni ambjentali u valutazzjonijiet rilevanti, kredibbli u leġittimi mir-reġjun kollu.”
Il-Valutazzjoni tal-Valutazzjonijiet tiffoka fuq it-temi tal-ilma u l-ekosistemi relatati mal-ilma, u fuq it-tħaddir tal-ekonomija. Din tagħmel numru ta’ rakkomandazzjonijiet fuq kif tista’ tittejjeb il-bażi ta’ għarfien li ssaħħaħ il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, jitjiebu l-għodod tal-valutazzjoni u jiġi żgurat skambju akbar ta’ informazzjoni fir-reġjun pan-Ewropew kollu u fuq livell globali.
Ir-rapport jiddokumenta wkoll il-benefiċċji ta’ ‘Proċess ta’ rappurtar regolari’ tal-valutazzjoni ambjentali, abbażi tas-Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS) li kienet inizjattiva kollaborattiva tal-Kummissjoni Ewropea, tal-EEA u tal-pajjiżi membri u kooperattivi tal-EEA. Approċċ bħal dan għandu jħaffef u jtejjeb il-proċessi u s-sistemi ta’ informazzjoni eżistenti, filwaqt li jagħmel l-informazzjoni disponibbli għal dawk li jfasslu l-politika u għall-pubbliku ġenerali fir-reġjun kollu. Fuq il-bażi tas-sejbiet tal-Valutazzjoni tal-Valutazzjonijiet, il-Ministri f’Astana mistennijin jiddeċiedu li jistabbilixxu proċess regolari ta’ valutazzjoni ambjentali u li jiżviluppaw SEIS fir-reġjun.
Il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u tal-ekosistemi relatati mal-ilma hija estremament importanti għar-reġjun pan-Ewropew. In-nixfa żdiedet fis-snin riċenti fin-Nofsinhar tal-Ewropa u l-Asja Ċentrali, filwaqt li l-għargħar qiegħed jikkawża għadd dejjem jikber ta’ mwiet u dannu ekonomiku. L-ilma nadif huwa problema wkoll, minħabba li huwa stmat li madwar 120 miljun ruħ fir-reġjun qegħdin jgħixu mingħajr aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb jew sanità.
Teżisti firxa kbira ta’ informazzjoni dwar l-istat tal-ilma, prodotta minn pajjiżi tar-reġjun. L-awturi tar-rapport analizzaw aktar minn 300 rapport relatati mal-ilma minn 48 pajjiż, li ġew ippubblikati matul l-aħħar ħames snin. Madankollu ħafna drabi l-informazzjoni tkun nieqsa jew inkella tkun irrilevanti għall-politika. Bħalissa ħafna valutazzjonijiet huma ristretti għall-istatus u x-xejriet ambjentali u għaldaqstant jeħtieġ li dawn jiffokaw aktar fuq il-miżuri u l-ġestjoni, speċjalment rigward l-iskarsezza tal-ilma, avvenimenti estremi u l-ekosistemi tal-ilma.
L-‘ekonomija ekoloġika’ għadha kunċett emerġenti. Fil-qalba ta’ dan il-kunċett hemm l-idea li terġa’ tingħata l-ħajja lill-ekonomiji malli joħorġu mill-kriżi ekonomika riċenti, filwaqt li jitnaqqsu b’mod sinifikanti r-riskji ambjentali u jiġu trattati l-iskarsezzi ekoloġiċi. Globalment it-tħaddir tal-ekonomija jinsab fil-qalba tal-isforzi mġedda sabiex il-kunsiderazzjonijiet ambjentali u soċjali jiġu integrati mat-teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi mainstream, sa u wara l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ Rio 2012 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli.
L-informazzjoni dwar l-ekonomija ekoloġika hija ġeneralment frammentata u għadha kemxejn limitata. Filwaqt li jeżistu bosta valutazzjonijiet li jħarsu lejn l-impatti ambjentali ta’ setturi ekonomiċi differenti, għad hemm nuqqas notevoli ta’ rapporti li jivvalutaw b’mod koerenti l-progress lejn ekonomija ekoloġika f’dawn is-setturi.
Mibdi fl-1991, il-proċess tal-“Ambjent għall-Ewropa” (EfE) huwa forum pan-Ewropew uniku għall-ittrattar tal-isfidi ambjentali u l-promozzjoni ta’ kooperazzjoni ambjentali orizzontali wiesgħa, bħala pilastru tal-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun. Dan huwa sħubija ta’ stati, organizzazzjonijiet intergovernattivi, ċentri tal-ambjent reġjonali u s-soċjetà ċivili, inkluż is-settur privat. Dan jappoġġa l-konverġenza tal-linji politiċi u l-approċċi ambjentali, filwaqt li jgħin lill-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa, tal-Kawkasu, tal-Asja Ċentrali u tax-Xlokk tal-Ewropa jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom.
Ir-rapporti ta’ valutazzjoni pan-Ewropej dwar l-istat tal-ambjent, li tħejjew mill-EEA b’kooperazzjoni mal-imsieħba involuti għall-Konferenzi tal-EfE fl-1995, fl-1998, fl-2003 u fl-2007 għenu sabiex jiġu identifikati t-theddidiet u l-isfidi ewlenin għall-iżvilupp ta’ linji politiċi ambjentali reġjonali.
L-UNECE għandha l-pajjiżi membri li ġejjin: l-Albanija, l-Andorra, l-Armenja, l-Awstrija, l-Ażerbajġan, il-Belarus, il-Belġju, il-Bożnia u Ħerzegovina, il-Bulgarija, il-Kanada, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġeorġja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Iżrael, l-Italja, il-Każakastan, il-Kirgiżtan, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, Malta, ir-Repubblika tal-Moldova, Monako, il-Montenegro, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, il-Federazzjoni Russa, San Marino, is-Serbja, is-Slovakja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, l-Iżvizzera, Taġikistan, it-Turkija, it-Turkmenistan, l-Ukraina, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Użbekistan.
Ir-rapport, 'L-Ambjent tal-Ewropa Valutazzjoni tal-Valutazzjonijiet' ikopri: l-Albanija, l-Andorra, l-Armenja, l-Awstrija, l-Ażerbajġan, il-Belarus, il-Belġju, il-Bożnia u Ħerzegovina, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġeorġja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Każakastan, il-Kosovo (reġjun amministrat min-nazzjonijiet Uniti, skont ir-riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà), il-Kirgiżtan, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, Malta, ir-Repubblika tal-Moldova, Monako, il-Montenegro, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, il-Federazzjoni Russa, San Marino, is-Serbja, is-Slovakja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, l-Iżvizzera, Taġikistan, it-Turkija, it-Turkmenistan, l-Ukraina, ir-Renju Unit u l-Użbekistan.
Għal mistoqsijiet tal-istampa:
|
UNECE Servizz ta’ Informazzjoni Palais des Nations CH-1211 Geneva 10 Switzerland Tel.:+41 (0) 22 917 44 44 info.ece@unece.org www.unece.org |
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/pressroom/newsreleases/il-valutazzjoni-pan-ewropea-tistaqsi or scan the QR code.
PDF generated on 08 Nov 2024, 10:32 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn