All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
News
Miżuri ulterjuri biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja għal-livelli tal-linji gwida tad-WHO jipprevjenu dawn il-253,000 mewta attribwibbli u jnaqqsu wkoll l-għadd ta’ persuni li qegħdin jgħixu bl-effetti debilitanti fuq is-saħħa ta’ mard relatat mat-tniġġis tal-arja bħad-dijabete u l-ażma.
L-analiżi tal-EEA ‘Harm to human health from air pollution in Europe: burden of disease 2023’ (‘Ħsara lis-saħħa tal-bniedem mit-tniġġis tal-arja fl-Ewropa: il-piż tal-mard 2023’) tippreżenta l-aħħar informazzjoni tal-ħsara għas-saħħa tal-bniedem, stmata għas-sena 2021, ikkawżata minn tliet sustanzi niġġiesa tal-arja ewlenin: il-materja partikolata fina, id-diossidu tan-nitroġenu u l-ożonu.
Bejn l-2005 u l-2021, l-għadd ta’ mwiet fl-UE attribwibbli għall-materja partikolata fina (PM2.5), waħda mill-aktar sustanzi niġġiesa tal-arja li jagħmlu ħsara, naqas b’41%. Madankollu, it-tniġġis tal-arja għadu l-ogħla riskju għas-saħħa ambjentali għall-Ewropej (segwit minn fatturi oħrajn bħall-esponiment għall-istorbju, is-sustanzi kimiċi u l-effetti li dejjem jiżdiedu ta’ mewġiet ta’ sħana relatati mal-klima fuq is-saħħa), li jikkawżaw mard kroniku u mwiet attribwibbli, speċjalment fl-ibliet u fiż-żoni urbani.
Skont l-aħħar stimi tal-EEA, mill-inqas 253,000 mewta fl-UE fl-2021 kienu attribwibbli għall-esponiment għal tniġġis ta’ materja partikolata fina (PM2.5) ogħla mill-konċentrazzjoni rrakkomandata mid-WHO ta’ 5 µg/m3. It-tniġġis tad-diossidu tan-nitroġenu wassal għal 52,000 mewta u l-esponiment għal żmien qasir għall-ożonu wassal għal 22,000 mewta attribwibbli fl-UE. It-tniġġis tal-arja jikkawża wkoll mard u jżid spejjeż sinifikanti fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa. Dawn il-konċentrazzjonijiet rakkomandati mid-WHO huma stabbiliti abbażi tal-livell ta’ tniġġis li ’l fuq minnu hemm evidenza ċara ta’ effetti assoċjati fuq is-saħħa.
Iċ-ċifri ppubblikati llum mill-EEA jfakkruna li t-tniġġis tal-arja għadu l-akbar problema ta’ saħħa ambjentali fl-UE. L-aħbar it-tajba hija li l-politika dwar l-arja nadifa taħdem, u l-kwalità tal-arja tagħna qiegħda titjieb. Iżda jeħtieġ li nagħmlu aħjar, u nnaqqsu aktar il-livelli tat-tniġġis. Huwa għalhekk li l-UE trid tadotta u timplimenta malajr il-proposta għal Direttiva riveduta dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali li għandha l-għan li tallinja l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE aktar mill-qrib mar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO.
Virginijus Sinkevičius
Il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd
Filwaqt li għamilna passi kbar matul dawn l-aħħar snin biex innaqqsu l-livelli tat-tniġġis tal-arja, l-aħħar data u analiżi tagħna juru li l-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq saħħitna għadhom għoljin wisq, u dan jirriżulta f’imwiet u mard li jistgħu jiġu attribwiti għat-tniġġis tal-arja. L-aħbar pożittiva hija li l-awtoritajiet fil-livelli Ewropej, nazzjonali u lokali qegħdin jieħdu azzjoni biex inaqqsu l-emissjonijiet permezz ta’ miżuri bħall-promozzjoni tat-trasport pubbliku jew iċ-ċikliżmu fiċ-ċentri tal-bliet, u permezz ta’ leġiżlazzjoni aġġornata.
Leena Ylä-Mononen
Id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA
Xi ħaġa ġdida fl-analiżi ta’ din is-sena hija l-kwantifikazzjoni tal-piż fuq is-saħħa assoċjat ma’ mard speċifiku li t-tniġġis tal-arja jikkontribwixxi għalih. Il-piż fuq is-saħħa totali assoċjat ma’ kull marda minn dawn jiddependi mhux biss fuq l-imwiet attribwibbli relatati mal-marda iżda wkoll fuq il-piż fuq is-saħħa tal-għajxien bl-effetti tal-marda fuq bażi ta’ kuljum.
Għal xi mard bħal mard tal-qalb iskemiku u l-kanċer, il-maġġoranza tal-piż fuq is-saħħa huwa marbut ma’ mwiet attribwibbli. Madanakollu, għal mard ieħor bħad-dijabete u l-ażma, hemm ukoll piż sinifikanti fuq is-saħħa assoċjat mal-għajxien mal-effetti debilitanti tas-saħħa ta’ dan il-mard, li tipikament ikun mifrux fuq bosta snin jew deċennji. Għalhekk, meta nqisu l-effetti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa, huwa importanti li mhux biss niffokaw fuq l-imwiet attribwibbli iżda wkoll fuq l-impatti fit-tul li dan il-mard jista’ jkollu fuq il-kwalità tal-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej hekk kif dawn ikunu qed ilaħħqu mal-effetti fit-tul ta’ mard bħall-ażma.
Mill-mard ikkunsidrat relatat mat-tniġġis tal-arja, għall-esponiment għall-materja partikolata fina (PM2.5), l-akbar piż fuq is-saħħa huwa kkawżat minn mard tal-qalb iskemiku, segwit minn puplesija, dijabete mellitus, mard pulmonari ostruttiv kroniku, kanċer tal-pulmun u ażma. Fil-każ tad-diossidu tan-nitroġenu u t-tliet mardiet ikkunsidrati, l-akbar piż fuq is-saħħa kien ikkawżat mid-dijabete mellitus, segwit mill-puplesija u l-ażma.
Flimkien ma’ l-analiżi, l-EEA ppubblikat ukoll skedi informattivi tal-pajjiżi, fejn jista’ jinstab il-piż dettaljat tal-informazzjoni dwar il-mard fil-livell tal-pajjiż. Is-sejbiet tal-analiżi tal-EEA ġew ippreżentati fir-Raba’ Forum dwarl-Arja Nadifa tal-2023 f’Rotterdam.
Iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jiċċekkjaw id-data dwar il-kwalità tal-arja f’ħin reali permezz ta’ pjattaformi differenti, inkluża l-app tal-Indiċi tal-Kwalità tal-Arja. L-aħħar ħarġa ta’ din l-applikazzjoni introduċa karatteristiċi ġodda fejn l-utenti issa jistgħu jiċċekkjaw il-kwalità tal-arja fi kwalunkwe post fl-UE, abbażi ta’ informazzjoni aġġornata kull siegħa minn aktar minn 3,500 stazzjon ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja fl-Ewropa flimkien ma’ mmudellar tal-kwalità tal-arja madwar l-Ewropa kollha. L-applikazzjoni tiġi f’24 lingwa Ewropea u tinkludi firxa ta’ karatteristiċi li jippermettu lill-utenti jivvalutaw u jinterpretaw il-kwalità tal-arja fil-lokalità tagħhom.
L-analiżi tal-EEA Harm to human health from air pollution in Europe: burden of disease 2023’ (‘Ħsara lis-saħħa tal-bniedem mit-tniġġis tal-arja fl-Ewropa: il-piż tal-mard 2023’) huwa parti mill-pakkett dwar il-Kwalità tal-arja fl-Ewropa 2023.
L-EEA ilha tistma l-għadd ta’ mwiet attribwibbli għall-esponiment għat-tniġġis tal-arja mill-2014. L-EEA tuża r-rakkomandazzjonijiet għall-impatti fuq is-saħħa stabbiliti fil-linji gwida tad-WHO tal-2021 dwar il-kwalità tal-arja.
Bħal fis-snin preċedenti, l-impatti fuq is-saħħa ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja differenti m’għandhomx jingħaddu flimkien sabiex jiġi evitat l-għadd doppju minħabba xi duplikazzjonijiet fid-data. Dan huwa l-każ kemm għall-mortalità kif ukoll għall-mard.
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/highlights/il-livelli-tat-tniggis-tal-1 or scan the QR code.
PDF generated on 13 Oct 2024, 05:01 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn