li jmiss
preċedenti
punti

Article

Intervista — L-Ewropa kif tasal għal tniġġis żero?

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 02 May 2022 Mibdul l-aħħar 16 Mar 2023
6 min read
L-Unjoni Ewropea tat bidu għal pjanijiet ambizzjużi biex tnaqqas b’mod drastiku l-emissjonijiet u t-tniġġis matul id-deċennji li ġejjin. Parti minn dan jinkludi l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero li tnieda reċentement u li se jiffoka fuq it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija għal livelli li ma għadhomx jitqiesu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Aħna ltqajna ma’ Ian Marnane, espert tal-ambjent, tas-saħħa u tal-benesseri tal-EEA. Attwalment qed jaħdem fuq rapport li jmiss tal-EEA dwar it-Tniġġis Żero, li mistenni jiġi ppubblikat aktar tard din is-sena.

Intqal ħafna dwar l-ambizzjonijiet tal-UE għall-2050, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-kisba ta’ emissjonijiet żero netti. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE ta’ Tniġġis Żero kif jidħol f’dawn l-isforzi?

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa mirfud fuq firxa ta’ inizjattivi ambizzjużi, li minnhom il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero huwa element importanti, li jistabbilixxi pjan direzzjonali lejn il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe impatt sinifikanti ta’ tniġġis fuq is-saħħa u l-ekosistemi tagħna.

Il-pjan ta’ azzjoni għandu ħafna sinerġiji ma’ miżuri ta’ politika oħra skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew, bħal Mill-Għalqa sal-Platt, il-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, l-Istrateġija għall-Bijodiversità, l-Istrateġija Tematika dwar il-Ħamrija u l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà. Wieħed mill-objettivi ewlenin tal-pjan ta’ azzjoni huwa li l-prevenzjoni tat-tniġġis tiġi inkorporata fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha.

Filwaqt li t-tibdil fil-klima mhuwiex speċifikament fi ħdan l-ambitu tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero, huwa ċar li l-kisba tal-għanijiet tal-pjan ta’ azzjoni se tgħinna nersqu eqreb lejn l-objettivi żero netti. Bl-istess mod, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima se tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-livelli tat-tniġġis.

Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero jappoġġa wkoll aġendi internazzjonali usa’ bħall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030. Huwa jirrikonoxxi li t-tniġġis ma jiqafx fil-fruntieri u li, pereżempju, id-drawwiet tal-konsum tagħna u l-attivitajiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart fl-Ewropa jinfluwenzaw il-livelli ta’ tniġġis globalment.

Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero x’jinvolvi b’mod speċifiku?

Huwa suġġett wiesa’ ħafna u diffiċli li jiġi definit, iżda wieħed mill-objettivi ewlenin huwa li titħeġġeġ u tiġi promossa l-inklużjoni tal-prevenzjoni tat-tniġġis fil-politiki rilevanti kollha tal-UE. Elementi ewlenin oħra tal-pjan jinkludu l-indirizzar tal-inugwaljanzi fl-esponiment għat-tniġġis, implimentazzjoni u infurzar aħjar, azzjoni kollettiva u bidla fis-soċjetà kollha, il-promozzjoni ta’ bidla globali lejn tniġġis żero u l-iżvilupp ta’ approċċ aktar integrat għall-monitoraġġ tat-tniġġis.

Il-pjan ta’ azzjoni jirrikonoxxi wkoll li sabiex jintlaħqu dawn l-ambizzjonijiet jeħtieġ li niżguraw li l-miżuri ta’ politika jkunu bbażati fuq il-prevenzjoni tat-tniġġis mis-sors, b’kunċetti bħar-rimedju tat-tniġġis ambjentali u l-eliminazzjoni fil-punt tar-rimi li huma inqas sostenibbli bħala miżuri fuq terminu twil.

Il-pjan innifsu jinkludi lista komprensiva ta’ azzjonijiet speċifiċi li għandhom jittieħdu biex jingħata bidu għat-twettiq tal-ambizzjoni ta’ tniġġis żero (bi skedi ta’ żmien għal dawn l-azzjonijiet) kif ukoll jistabbilixxi u jiddefinixxi wkoll disa’ azzjonijiet “ewlenin”. Pereżempju, l-Inizjattiva Ewlenija 1 tikkonsisti fit-“tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa permezz ta’ tniġġis żero”.

L-iskeda ta’ żmien ġenerali għall-pjan ta’ azzjoni testendi sal-2050. Madankollu, il-pjan jinkludi wkoll għadd ta’ miri għall-2030, li jgħinu biex jintlaħaq momentum inizjali fit-twettiq tal-ambizzjoni ta’ tniġġis żero.

X’inhu r-rwol tal-EEA fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero?

Irridu nkunu kapaċi nimmonitorjaw il-progress b’mod effettiv fl-ilħuq ta’ tniġġis żero sabiex inkunu nistgħu nifhmu fejn qed nagħmlu tajjeb, fejn il-progress huwa aktar kajman u fejn jeħtieġ li niksbu aktar għarfien. Dan se jgħin biex tingħata spinta fit-twettiq tal-ambizzjoni tal-pjan fis-snin li ġejjin.

Il-pjan ta’ azzjoni jinkludi rekwiżit biex l-EEA u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea jipproduċu valutazzjoni tal-Monitoraġġ u l-Prospettivi ta’ Tniġġis Żero. B’mod speċifiku, l-EEA hija responsabbli mit-tħejjija tal-valutazzjoni tal-monitoraġġ, bl-ewwel valutazzjoni li għandha titwettaq lejn l-aħħar tal-2022 u valutazzjoni ta’ segwitu mistennija fl-2024.

Din il-valutazzjoni se tipprovdi evalwazzjoni integrata tax-xejriet reċenti tat-tniġġis u jekk il-prestazzjoni attwali tagħna tpoġġix lill-UE f’pożizzjoni tajba biex tilħaq il-miri speċifiċi ta’ tniġġis żero għall-2030, kif ukoll il-miri ta’ politika attwali oħra. Hija se tikkunsidra wkoll il-fattibbiltà li jinkisbu l-objettivi fuq terminu itwal għall-2050.

L-EEA kif se timmonitorja l-progress eżattament?

Il-valutazzjoni tagħna aktar tard din is-sena se taġixxi bħala linja bażi li tintuża biex jitkejjel il-progress futur. Ir-rapport se jkun ibbażat fuq “indikaturi” disponibbli, li jinfurmawna dwar ix-xejriet reċenti fl-emissjonijiet u l-impatti tat-tniġġis. Bl-użu ta’ din l-informazzjoni, se nkunu nistgħu nipprovdu analiżi inizjali dwar jekk ninsabux fit-triq it-tajba biex nilħqu l-miri speċifiċi għall-2030 kif ukoll jekk id-“direzzjoni tal-ivvjaġġar” tagħna f’oqsma oħra hijiex allinjata mal-objettivi ta’ politika attwali.

Huwa importanti li l-analiżi tagħna x’aktarx li tidentifika wkoll oqsma fejn l-għarfien tagħna mhuwiex komplut u fejn jeħtieġ li niżviluppaw informazzjoni u indikaturi aħjar biex jintużaw f’valutazzjonijiet futuri. Se nużaw ukoll sorsi oħra ta’ informazzjoni (bħal valutazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jew riċerka) biex ngħinu fl-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet emerġenti u nipprovdu twissijiet bikrija dwar kwistjonijiet futuri ewlenin li jeħtieġ li jiġu indirizzati.

It-tieni valutazzjoni, li għandha titwettaq fl-2024, se tibni fuq ir-rapport tal-2022 u tinkludi indikaturi u informazzjoni addizzjonali disponibbli biex inżidu l-fehim tagħna tal-mod kif qed nagħmlu progress lejn l-objettivi ta’ tniġġis żero. Imbagħad, din il-ħidma se tintuża mill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa sommarji ta’ politika, sabiex tinforma u tidderieġi l-politika futura relatata mat-tniġġis.

Kemm huwa realistiku li qatt se naslu għal livell żero ta’ tniġġis?

Il-livell ta’ ambizzjoni stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero huwa tabilħaqq għoli ħafna u xi wħud jistgħu jiddubitaw il-possibbiltà li jinkiseb tniġġis żero. Madankollu, billi nistabbilixxu l-linja tant għolja, niksbu viżjoni ċara tal-ħtieġa għal bidla sistemika u approċċ aktar integrat għall-indirizzar tat-tniġġis u l-impatt tiegħu.

Diġà qed noperaw lil hinn mill-kapaċità tal-pjaneta tagħna. It-tniġġis tal-arja, tal-ħamrija u tal-ilma għandu effetti negattivi sinifikanti fuq saħħitna u fuq l-ekosistemi tagħna. Studji bħar-Rapport ta’ Valutazzjoni Globali tal-IPBES dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi juru li l-attività attwali tal-bniedem qed ikollha impatt negattiv fuq l-istess ekosistemi li aħna niddependu minnhom, u jidher ċar li dan mhuwiex sostenibbli. Għaldaqstant, jekk irridu nsiru soċjetà aktar sostenibbli jeħtieġ li naħdmu bis-sħiħ biex niksbu l-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero.

Ian Marnane, EEA environment, health and well-being expert

Ian Marnane
Espert tal-EEA dwar l-ambjent, is-saħħa u l-benesseri

Permalinks

Geographic coverage

Temporal coverage

Tags

Filed under:
Filed under: zero pollution, pollution
Dokument ta’ Azzjonijiet