All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Press Release
Dawn ir-riżultati ġejjin mill-aħħar Rapport annwali dwar l-ilma għall-għawm tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (l-AEA) u tal-Kummissjoni Ewropea, li jiddeskrivi l-kwalità tal-ilma s-sena l-oħra f’iktar minn 22 000 sit tal-għawm li jinsabu fil-bajjiet, fix-xmajjar u fil-lagi madwar l-Ewropa.
Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Qed nieħu gost nara li, b’mod ġenerali, l-ilmijiet għall-għawm fl-Ewropa għadhom ta’ kwalità għolja, u li din il-kwalità tjiebet mis-sena l-oħra ’l hawn. Għadd kbir ta’ Ewropej huma mħassbin dwar il-kwistjonijiet marbutin mal-kwalità tal-ilma u jridu jirċievu iktar tagħrif dwar dan. Għalhekk jeħtieġ li nkomplu ħidmietna sabiex niżguraw li l-ilmijiet tagħna jkunu adattati għall-użi leġittimi kollha tagħhom - mill-għawm għax-xorb, u li l-ekosistema akkwatika inġenerali tkun b'saħħitha."
Il-Professoressa Jacqueline McGlade, id-Direttriċi Eżekuttiva tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, żiedet tgħid: “Il-kwalità tal-ilma fil-bajjiet u fis-siti l-oħra tal-għawm hija waħda mill-affarijiet ambjentali li tħasseb l-iktar liċ-ċittadini Ewropej. Iżda f’diversi pajjiżi għad hemm problema minħabba t-tniġġis mill-agrikoltura u mid-dranaġġ, għalhekk irridu naraw iktar sforzi jseħħu sabiex ikun żgurat ilma nadif u sikur għall-pubbliku.”
Ir-rapport sab li 77.1 % mis-siti kellhom kwalità eċċellenti tal-ilma, jiġifieri kienu jikkonformaw mal-valuri ta’ gwida l-iktar stretti – dan jirrappreżenta titjib ta’ 3.5 punti perċentwali mid-dejta tas-sena li għaddiet. Madwar 93.1 % tal-ilmijiet għall-għawm ta’ mal-kosta ġew ikklassifikati bħala “suffiċjenti”, jew li jikkonformaw ma’ valuri obbligatorji inqas stretti – żieda ta’ 1 %. Inqas minn 2 % tal-ilmijiet għall-għawm ma kinux konformi mal-istandards.
Ċipru, il-Kroazja, Malta u l-Greċja kellhom rapporti eċċellenti dwar is-siti tal-ilma għall-għawm tagħhom, u kollha kellhom iktar minn 90 % tas-siti tal-ilma għall-għawm li laħqu l-valuri ta’ gwida l-iktar stretti (jiġifieri li kienu ta’ kwalità eċċellenti), u l-bqija tas-siti li kienu konformi mal-valuri obbligatorji. Fuq in-naħa l-oħra tal-iskala, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Bulgarija, il-Latvja, il-Lussemburgu u l-Belġju kellhom għadd relattivament baxx ta’ siti li jilħqu l-valuri ta’ gwida l-iktar stretti, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-ilmijiet interni.
Il-kwalità tal-ilma fid-destinazzjonijiet tas-sajf l-aktar popolari fl-Ewropa kienet ġeneralment tajba – fil-fatt, iktar minn 90 % tas-siti tal-ilma għall-għawm laħqu l-valuri obbligatorji. Fi Spanja, fl-Italja u fil-Portugall iktar minn 80 % tas-siti kellhom ilma ta’ kwalità eċċellenti.
Il-kwalità ġenerali tal-ilmijiet għall-għawn fl-UE tjiebet ħafna mill-1990 ’l hawn. L-għadd tal-ilmijiet għall-għawm ta’ mal-kosta li mhux qed iħarsu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-ilma għall-għawm naqas minn 9.2 % tas-siti fl-1990 għal 1.5 % tas-siti fl-2011. L-għadd ta’ żoni tal-ilma intern għall-għawm li mhumiex konformi mal-valuri obbligatorji naqas minn 11.9 % fl-1990 għal 2.4 % fl-2011 – valur li huwa fost l-iktar perċentwali baxxi sal-lum.
Kuntest
L-ilma għall-għawm fl-Ewropa jeħtieġ li jikkonforma mal-istandards stabbiliti fid-Direttiva dwar l-ilma ghall-ghawm tal-2006, li għandha tiġi implimentata sa Diċembru tal-2014. Ta’ kull sena, l-UE tippubblika rapport fil-qosor dwar il-kwalità tal-ilma għall-għawm, imsejjes fuq ir-rapporti li l-Istati Membri għandhom jibagħtu qabel tmiem is-sena ta’ qabel. Fir-rapport ta’ din is-sena, is-27 Stat Membru, flimkien mal-Kroazja, il-Montenegro u l-Isvizzera, mmonitorjaw u rrappurtaw il-kwalità tal-ilma għall-għawm tagħhom, ħafna minnhom skont id-dispożizzjonijiet il-ġodda.
Żewġ terzi mis-siti għall-għawm kienu jinsabu fl-ilmijiet ta’ mal-kosta u l-bqija kienu jinsabu fix-xmajjar u fil-lagi. L-ikbar għadd ta’ ilmijiet għall-għawm ta’ mal-kosta jinsab fl-Italja, fil-Greċja, fi Franza u fi Spanja, filwaqt li l-Ġermanja u Franza għandhom l-ikbar għadd ta’ ilmijiet interni għall-għawm.
Il-laboratorji analizzaw il-livelli ta’ ċerti tipi ta’ batterji, inklużi l-enterokokki intestinali u l-batterji tal-Escherichia coli, li jistgħu juru li hemm it-tniġġis, l-iktar mid-dranaġġ jew mill-iskart tal-bhejjem. Is-siti huma kklassifikati bħala siti li jikkonformaw mal-valuri obbligatorji, siti li jikkonformaw mal-valuri ta’ gwida l-aktar stretti jew siti li mhumiex konformi mal-istandards.
Iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jiksbu tagħrif dwar il-kwalità tal-ilma tal-post favorit tagħhom għall-għawm billi jiċċekkjaw is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar l-Ilma ghall-Ewropa (WISE). Dan is-sit jippermetti lill-utenti jniżżlu d-dejta u jiċċekkjaw il-mapep interattivi. Il-pubbliku jista’ jirrapporta wkoll dwar l-istat tal-ilma tal-lokal tiegħu billi juża s-sit tal-internet imsejjaħ “Eye on Earth”.
Għal aktar tagħrif ara:
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/pressroom/newsreleases/ilma-nadif-fil-bicca-l or scan the QR code.
PDF generated on 09 Oct 2024, 07:03 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn