All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Skont il-progress li għamilna s’issa, huwa probabbli li l-UE tilħaq din il-mira. Il-konsum ta’ enerġija rinnovabbli ta’ l-UE kompla jikber sena wara sena, u laħaq 16% tal-konsum finali ta’ l-enerġija fl-2014. Dan is-sehem huwa ogħla mit-trajettorja interim għall-Ewropa mid-Direttiva ta’ l-Enerġija Rinnovabbli, allura aħna qegħdin fit-triq it-tajba llum. Fuq livell nazzjonali l-istampa hija kemxejn iktar varjata, iżda l-maġġoranza l-kbira ta’ l-Istati Membri qegħdin jagħmlu progress tajjeb.
Il-konsum miżjud ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kien ta’ benefiċċju f’ħafna oqsma. Il-progress lejn il-miri ta’ l-UE u dawk nazzjonali jfisser li s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli qegħdin effettivament jieħdu post il-karburanti fossili u qegħdin jappoġġaw bidla strutturali lejn enerġija nadifa. Dawn l-iżviluppi promettenti jistgħu jippreparaw kumpaniji Ewropej biex jidħlu f’setturi ġodda ta’ l-enerġija globali fejn mistenni li jkun hemm tkabbir sinifikanti. Nosservaw ukoll interess dejjem jiżdied u appoġġ għal sorsi ta' enerġija nodfa – fattur li jista’ jgħin biex jaċċellera t-tranżizzjoni preżenti ta’ l-enerġija. Minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi, xorta għandna ħafna xogħol quddiemna biex tkun tista’ ssir it-tranżizzjoni ta’ l-enerġija.
Bil-Ftehim ta’ Pariġi, id-dinja qablet li timxi lejn futur b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju. L-Unjoni Ewropea diġà kienet stabbilixxiet miri ambizzjużi dwar il-klima u biex nilħqu l-objettivi tagħna ta’ dekarbonizzazzjoni fuq perjodu ta' żmien twil, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jeħtieġu li jilħqu mill-inqas 55 % sa 75 % tal-bżonnijiet ta’ l-enerġija tagħna sal-2050. Huwa ċar, li din hija sfida, imma naħseb li hija fattibbli.
Is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huma essenzjali għal sforzi fit-tul ta’ mitigazzjoni tal-klima u ser ikollhom rwol dejjem ikbar biex itejbu s-sigurtà ġenerali ta’ l-enerġija ta’ l-UE. Madankollu, il-bżonn tagħna għall-karburanti fossili probabbli jkompli għal ftit żmien, minkejja li d-dipendenza tagħna fuqhom bdiet tonqos. Barra mir-riskji ġeopolitiċi, il-karburanti fossili jiġu bi spejjeż esterni sproporzjonati għas-soċjetà fil-forma ta’ ħsarat għas-saħħa u għall-ambjent.
Filwaqt li l-prezzijiet sostnuti baxxi taż-żejt jista’ jkollhom impatt fuq il-kost-kompettività tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, il-perspettiva fit-tul għas-sorsi rinnovabbli hija waħda pożittiva. Teknoloġiji ta’ enerġija rinnovabbli saru dejjem iżjed kost-kompetittivi. F’ħafna postijiet is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli diġà qegħdin jikkompetu b’suċċess ma’ teknoloġiji tal-karburanti fossili bi prezzijiet tas-suq. Barra minn hekk, kieku l-prezzijiet tal-enerġija kellhom jinternalizzaw aħjar l-impatti ambjentali assoċjati mal-ġenerazzjoni u l-użu tal-enerġija, bħall-emissjonijiet ta’ l-arja, il-klima u l-ilma, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’mod ċar jisbqu t-teknoloġiji konvenzjonali.
Kif juri r-rapport ta’ l-EEA reċenti dwar l-użu tas-sorsi rinnovabbli fl-Ewropa, l-UE għamlet kontribuzzjonijiet sinifikanti għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ enerġija rinnovabbli fuq livell globali. Matul il-perjodu 2005-2012, l-Ewropa rreġistrat l-ogħla sehem fl-investimenti ġodda globali totali fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, maqbuża biss miċ-Ċina mill-2013.Fl-2014, l-UE-28 kellha l-akbar kapaċità fotovoltajka solari (PV) installata u konnessa fid-dinja – madwar tliet darbiet daqs iċ-Ċina – u l-akbar kapaċità eolika fuq livell globali.Madankollu, il-pass ta’ l-investiment fl-Ewropa tnaqqas dan l-aħħar, waqt li qed jiżdied f’partijiet oħrajn tad-dinja.
Rigward l-impjiegi fis-settur ta’ l-enerġija rinnovabbli, l-UE hija waħda mis-sħab globali ewlenin. Fl-2014, kellha t-tieni l-ogħla livell ta’ impjiegi fil-forza tax-xogħol f’dan il-qasam, wara l-Brażil. L-akbar impjegaturi fis-settur ta’ l-UE tas-sorsi rinnovabbli huma l-industriji tar-riħ, ta’ l-enerġija solari fotovoltajka u l-industrija tal-bijomassa solida. Rajna telf ta’ xogħol fl-industriji ta’ l-enerġija solari fotovoltajka u tar-riħ hekk kif il-kompetizzjoni miċ-Ċina qed tkompli tikber. Minkejja dan, is-sehem ta’ xogħlijiet relatati ma’ l-enerġija rinnovabbli fil-forza tax-xogħol tal-UE-28, jibqa’ sal-lum, akbar minn dak fiċ-Ċina.
L-ewwel nett, il-pajsaġġ globali għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli qiegħed jinbidel rapidament. Jekk l-Ewropa tixtieq iżżomm il-vantaġġ ta’ l-innovatur tagħha, għandha żżomm mal-livell tagħha ta’ impenn. Il-fatt li l-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp fir-rinnovabbli dan l-aħħar kien qiegħed jistagħġna, jissuġġerixxi li hemm il-potenzjal li jista' jintilef il-vantaġġ offrut mit-teknoloġiji avvanzati ta’ għada. F’dan il-kuntest, l-Aġenzija Internazzjonali ta’ l-Enerġija tirrakkomanda t-triplikar ta’ l-infiq attwali għar-riċerka u l-iżvilupp fuq innovazzjoni ta’ enerġija nadifa.
Barra minn hekk, is-suq intern ta’ l-enerġija ta’ l-UE jeħtieġ li jiġi riformat biex ikun iktar effiċjenti u kapaċi jakkomoda l-livelli dejjem jikbru ta’ sorsi rinnovabbli intermittenti. Sorsi rinnovabbli intermittenti ta’ l-enerġija bħall-enerġija solari fotovoltajka u l-enerġija mir-riħ jitimgħu l-elettriku fil-grilja meta l-kundizzjonijiet klimatiċi jħalluhom. Skont ir-regoli eżistenti tas-suq, dawn is-sorsi ta’ enerġija mhumiex kapaċi li jġibu livelli ta’ prezzijiet xierqa u dan ser ikun jeħtieġ li jiġi indirizzat fil-futur. It-titjib fl-effiċjenza, it-trażmissjoni, l-interkonnessjoni transkonfinali, il-ħżin tal-enerġija u l-irwol iktar attiv għal ġestjoni fin-naħa tad-domanda ser ikunu importanti wkoll għat-tranżizzjoni ta’ l-enerġija.
Aħna nipprovdu valutazzjonijiet regolari dwar il-progress lejn il-miri tal-UE, u nappoġġjaw lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Ewropa. Ir-rapporti tagħna joffru wkoll stat ta’ ħidma u aħna naġixxu bħala kamra ta’ l-ikklirjar għall-pajjiżi membri permezz tan-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (Eionet) tagħna fuq bażi annwali, biex nidentifikaw u niddiskutu kwistjonijiet relatati ma’ l-enerġija rinnovabbli.
Mihai Tomescu
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/articles/energija-rinnovabbli-ic-cavetta-ghall or scan the QR code.
PDF generated on 07 Oct 2024, 05:44 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn