Article
Kemm huma ekoloġiċi l-prodotti l-ġodda tal-plastik bijodegradabbli, kompostabbli u b’bażi bijoloġika li qed jibdew jintużaw bħalissa?
- Bulgarian (bg)
- Czech (cs)
- Danish (da)
- German (de)
- Greek (el)
- English (en)
- Spanish (es)
- Estonian (et)
- Finnish (fi)
- French (fr)
- Croatian (hr)
- Hungarian (hu)
- Icelandic (is)
- Italian (it)
- Lithuanian (lt)
- Latvian (lv)
- Maltese (mt)
- Dutch (nl)
- Norwegian (no)
- Polish (pl)
- Portuguese (pt)
- Romanian (ro)
- Slovak (sk)
- Slovenian (sl)
- Swedish (sv)
- Turkish (tr)
“Il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-iskart tal-plastik għandhom tabilħaqq ikunu l-ewwel prijorità, u jenħtieġ li nżidu l-isforzi tagħna biex nevitaw l-iskart tal-plastik, peress li l-ammont tal-iskart tal-plastik għadu qed jikber. Għal ħafna prodotti, il-plastik jista’ jkun soluzzjoni tajba. Madankollu, jenħtieġ li niddisinjaw u nużaw dan il-plastik b’mod ċirkolari, u niżguraw li jista’ jkun u li jiġi riċiklat ħafna aktar milli qed ikun illum il-ġurnata.”
Kemm huma favur l-ambjent dawn il-prodotti l-ġodda tal-plastik bijodegradabbli, kompostabbli u b’bażi bijoloġika?
L-ewwel nett, irridu nifhmu d-differenzi bejn il-plastik b’bażi bijoloġika u dak ibbażat fuq il-fossili, plastik bijodegradabbli u dak kompostabbli. Plastik bijodegradabbli jew kompostabbli jista’ jiġi prodott jew minn materja prima b’bażi bijoloġika jew ibbażata fuq il-fossili, u plastik b’bażi bijoloġika jista’ jiġi ddisinjat b’tali mod li jkun kompostabbli jew bijodegradabbli, jew le.
Is-sostenibbiltà tal-materjali b’bażi bijoloġika - bħall-plastik ibbażat fuq il-fossili - tiddependi mill-prattiki tal-produzzjoni, il-ħajja tal-prodotti u t-trattament fi tmiem il-ħajja tagħhom. Prodotti tal-plastik bijodegradabbli u kompostabbli jistgħu, f’ċerti każijiet u għal ċerti applikazzjonijiet, jgħinu jnaqqsu t-tniġġis tal-ambjent bil-plastik. Iżda għadhom il-bogħod milli jipprovdu soluzzjoni ġenerali u awtonoma għall-isfidi li l-Ewropa qed tiffaċċja llum il-ġurnata bil-plastik.
X’għandu l-għan li jagħmel il-briefing il-ġdid tal-EEA? Għaliex sensibilizzazzjoni aħjar tal-pubbliku hija daqshekk importanti?
Hemm ħafna konfużjoni dwar dawn il-prodotti tal-plastik, xi jfissru u x’jistgħu joffru. Huwa importanti ħafna li n-nies ikunu jafu u jifhmu dawn id-differenzi. Jekk il-konsumaturi jaħsbu li l-imballaġġ ittikkettat bħala “b’bażi bijoloġika” jista’ jiġi kompostat u jarmuh fil-laned tal-iskart bijoloġiku, dawn jistgħu fil-fatt iżidu t-tniġġis tal-plastik. Il-briefing għandu l-għan li jissensibilizza lil min ifassal il-politika u lill-pubbliku dwar tali periklu u l-ħtieġa li dawn id-differenzi jiġu kkomunikati b’mod ċar u kif kull tip ta’ plastik għandu jintrema b’mod korrett.
Kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ kompostabbiltà jew bijodegradabbiltà għandha tkun preċiża u relatata b’mod ċar mal-kundizzjonijiet li taħthom japplikaw il-karatteristiċi. Pereżempju, prodotti tal-plastik kompostabbli industrijalment huma ddisinjati biex ikunu bijodegradabbli f’kundizzjonijiet speċifiċi u kkontrollati f’impjanti industrijali tal-ikkompostjar. Mhux neċessarjament jiġu komposti (kompletament) f’komposturi domestiċi, li tipikament jilħqu biss temperaturi aktar baxxi u fejn il-kundizzjonijiet bħall-umdità u l-preżenza ta’ mikroorganiżmi jvarjaw ħafna.
X’inhuma l-isfidi u l-opportunitajiet ewlenin b’dawn il-prodotti l-ġodda tal-plastik?
Huwa importanti li wieħed ikun jaf għal liema prodotti l-aħjar li juża l-plastik bijodegradabbli jew kompostabbli u f’liema każijiet dan jista’ jagħmel aktar ħsara milli ġid. Pereżempju, l-użu ta’ boroż tal-plastik kompostabbli għall-ġbir tal-iskart tal-ikel fid-djar jidher li jżid ir-rata tal-qbid tal-iskart tal-ikel peress li l-konsumaturi jsibuhom konvenjenti. Għaldaqstant, xi muniċipalitajiet u kolletturi tal-iskart jirrakkomandaw jew jeħtieġu l-użu ta’ boroż tal-plastik kompostabbli ċċertifikati għall-ġbir tal-iskart bijoloġiku, filwaqt li oħrajn mhux se jaċċettawhom. Dan jiddependi ħafna mill-għażliet li kienu saru meta ġiet iddisinjata u mibnija l-infrastruttura tat-trattament tal-iskart bijoloġiku f’kull pajjiż.
Min-naħa l-oħra, f’ekonomija ċirkolari, fl-ewwel post jenħtieġ li l-plastik kollu jiġi riċiklat fi plastik ġdid. Meta prodott tal-plastik kompostabbli jew bijodegradabbli jiġi kkompostat, ma tistax tipproduċi plastik ġdid minnu, u l-enerġija kollha li tintuża biex tipproduċih tintilef.
Meta wieħed iqis kemm ir-rimi ta’ dawn il-prodotti l-ġodda tal-plastik jista’ jkun ta’ konfużjoni, ma jkunx aħjar li l-użu tal-plastik jiġi evitat?
Il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-iskart tal-plastik għandhom tabilħaqq ikunu l-ewwel prijorità, u jenħtieġ li nżidu l-isforzi tagħna biex nevitaw l-iskart tal-plastik, peress li l-ammont tal-iskart tal-plastik għadu qed jikber. Għal ħafna prodotti, il-plastik jista’ jkun soluzzjoni tajba. Madankollu, jenħtieġ li niddisinjaw u nużaw dan il-plastik b’mod ċirkolari, u niżguraw li jista’ jkun u li jiġi riċiklat ħafna aktar milli qed ikun illum il-ġurnata.
X’qed tagħmel l-Unjoni Ewropea biex tindirizza l-problema tal-plastik? U xi ngħidu dwar dawn il-prodotti l-ġodda tal-plastik?
Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-Istrateġija Ewropea għall-Plastik f’Ekonomija Ċirkolari fl-2018. L-Istrateġija timpenja lill-UE li tnaqqas l-iskart tal-plastik, biex tiżgura li l-prodotti tal-plastik ikunu ddisinjati b’tali mod li jiġu riċiklati, u biex tinvesti fir-riċiklaġġ tal-plastik u miżuri oħra. Barra minn hekk, id-Direttiva dwar l-Użu Uniku tal-Plastik tal-2019 timponi restrizzjonijiet fuq ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss mad-dħul fis-suq tal-UE u teħtieġ it-tnaqqis fil-konsum għal għadd ta’ prodotti oħra. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw ukoll għal prodotti tal-plastik b’bażi bijoloġika, bijodegradabbli u kompostabbli.
Għall-plastik b’karatteristiċi bijodegradabbli, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari 2020 jipprevedi l-ħolqien ta’ qafas tal-politika ċar, li jinkludi regoli armonizzati għad-definizzjoni u t-tikkettar ta’ plastik kompostabbli u bijodegradabbli u li jsir magħruf f’liema applikazzjonijiet l-użu ta’ tali plastik ikollu benefiċċji ambjentali. Issa aħna rridu niżguraw li dawn il-politiki jiġu implimentati sew fl-Ewropa kollha.
X’ħidma qed tagħmel l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent dwar l-iskart u l-prevenzjoni tal-plastik?
Il-plastik huwa wieħed mill-ktajjen ta’ valur ewlieni identifikati fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari 2020, u għaldaqstant huwa qasam importanti ta’ ħidma għalina. Nanalizzaw il-plastik minn perspettivi differenti. Minbarra l-briefing ippubblikat riċentament, irrieżaminajna pereżempju l-politiki ta’ prevenzjoni tal-iskart tal-plastik fl-Ewropa u analizzajna l-kummerċ tal-iskart tal-plastik fl-Ewropa. U aktar tard din is-sena, qed nippjanaw li nippubblikaw analiżi dwar il-plastik fl-ekonomija ċirkolari tal-Ewropa, dwar il-plastik fit-tessut u dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mill-plastik.
Almut Reichel
Espert tal-EEA dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi u l-iskart
L-intervista ppubblikata fil-ħarġa ta’ Settembru tal-Bullettin tal-EEA ta’ 03/2020
Permalinks
- Permalink to this version
- 8518912632d249b092040a7f51a4b023
- Permalink to latest version
- 6SHMGV780R
Geographic coverage
Temporal coverage
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/articles/kemm-huma-ekologici-l-prodotti or scan the QR code.
PDF generated on 29 Jun 2022, 03:59 PM
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn