All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
News
Is-sħana estrema, in-nixfa, in-nirien fis-selvaġġ u l-għargħar, kif esperjenzati f’dawn l-aħħar snin, se jmorru għall-agħar fl-Ewropa anke taħt xenarji ottimisti ta’ tisħin globali u se jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-kontinent kollu. L-EEA ppubblikat l-ewwel
(Valutazzjoni Ewropea tar-Riskji Klimatiċi) li qatt saret biex tgħin fl-identifikazzjoni tal-prijoritajiet ta’ politika għall-adattament għat-tibdil fil-klima u għas-setturi sensittivi għall-klima.Skont il-valutazzjoni, il-politiki u l-azzjonijiet ta’ adattament tal-Ewropa mhumiex qed ilaħħqu mar-riskji li qed jikbru b’mod rapidu. F’ħafna każijiet, l-adattament inkrimentali mhux se jkun suffiċjenti u, peress li ħafna miżuri biex tittejjeb ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima jirrikjedu żmien twil, tista’ tkun meħtieġa azzjoni urġenti anke fuq ir-riskji li għadhom mhumiex kritiċi.
Xi reġjuni fl-Ewropa huma hotspots għal diversi riskji klimatiċi. In-Nofsinhar tal-Ewropa huwa partikolarment f’riskju minn nirien fis-selvaġġ u impatti tas-sħana u ta’ skarsezza tal-ilma fuq il-produzzjoni agrikola, ix-xogħol fuq barra, u s-saħħa tal-bniedem. L-għargħar, l-erożjoni u l-intrużjoni tal-ilma mielaħ jheddu r-reġjuni kostali baxxi tal-Ewropa, inklużi ħafna bliet b’popolazzjoni densa.
L-analiżi l-ġdida tagħna turi li l-Ewropa qed tiffaċċja riskji klimatiċi urġenti li qed jikbru b’rata aktar mgħaġġla mit-tħejjija tas-soċjetà tagħna. Sabiex tiġi żgurata r-reżiljenza tas-soċjetajiet tagħna, dawk li jfasslu l-politika Ewropea u nazzjonali jridu jaġixxu issa biex jitnaqqsu r-riskji klimatiċi kemm permezz ta’ tnaqqis rapidu fl-emissjonijiet kif ukoll permezz ta’ politiki u azzjonijiet ta’ adattament b’saħħithom.
Leena Ylä-Mononen
Id-Direttriċi Eżekuttiv tal-EEA
Il-valutazzjoni tidentifika 36 riskju klimatiku ewlenin għall-Ewropa fi ħdan ħames clusters wiesgħa: l-ekosistemi, l-ikel, is-saħħa, l-infrastruttura, u l-ekonomija u l-finanzi. Aktar minn nofs ir-riskji klimatiċi ewlenin identifikati fir-rapport jitolbu aktar azzjoni issa u tmienja minnhom huma partikolarment urġenti, prinċipalment il- konservazzjoni tal-ekosistemi, il-protezzjoni tan-nies kontra s-sħana, il-protezzjoni tan-nies u l-infrastruttura minn għargħar u n-nirien fis-selvaġġ, u s-salvagwardja tal-vijabbiltà tal-mekkaniżmi ta’ solidarjetà Ewropej, bħall-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE.
L-ekosistemi: Ir-riskji kważi kollha fil-cluster tal-ekosistemi jirrikjedu azzjoni urġenti jew azzjoni ulterjuri, b’riskji għall-ekosistemi tal-baħar u kostali vvalutati bħala partikolarment serji. Ir-rapport tal-EEA jfakkar li l-ekosistemi jipprovdu servizzi multipli lin-nies, u għalhekk dawn ir-riskji għandhom potenzjal għoli ta’ kaskata f’oqsma oħra, inklużi l-ikel, is-saħħa, l-infrastruttura u l-ekonomija.
L-ikel: Ir-riskji mis-sħana u n-nixfa għall-produzzjoni agrikola diġà huma f’livell kritiku fin-Nofsinhar tal-Ewropa, iżda l-pajjiżi fl-Ewropa ċentrali jinsabu f’riskju wkoll. B’mod speċjali, in-nixfiet fit-tul li jaffettwaw żoni kbar joħolqu theddida sinifikanti fuq il-produzzjoni tal-ħxejjex, is-sigurtà tal-ikel u il-provvisti tal-ilma tax-xorb. Bħala soluzzjoni waħda, anke bidla parzjali minn proteini bbażati fuq l-annimali għal proteini bbażati fuq il-pjanti li jikbru b’mod sostenibbli, tnaqqas il-konsum tal-ilma fl-agrikoltura u d-dipendenza fuq l-għalf importat.
Is-saħħa: Is-sħana hija l-motivatur tar-riskji klimatiċi l-aktar gravi u urġenti għas-saħħa tal-bniedem. Fl-akbar riskju hemm gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni, bħall-ħaddiema li jaħdmu fuq barra li jkunu esposti għal sħana estrema, l-anzjani u l-persuni li jgħixu f’abitazzjonijiet mibnija ħażin, f’żoni b’effett gżira ta’ sħana urbana qawwi jew b’aċċess mhux adegwat għal tkessiħ. Ħafna lievi biex jitnaqqsu r-riskji klimatiċi għas-saħħa jinsabu lil hinn mill-politiki tradizzjonali tas-saħħa, bħall-ippjanar urban, l-istandards tal-bini u l-liġijiet tax-xogħol.
L-infrastruttura: Eventi ta’ temp aktar frekwenti u estremi jżidu r-riskji għall-ambjent mibni tal-Ewropa u għas-servizzi kritiċi, inklużi l-enerġija, l-ilma u t-trasport. Filwaqt li r-riskji tal-għargħar kostali ġew ġestiti relattivament tajjeb fl-Ewropa, iż-żieda fil-livelli tal-baħar u l-bidliet fix-xejriet tal-maltempati jistgħu jikkawżaw impatti devastanti fuq in-nies, l-infrastruttura u l-attivitajiet ekonomiċi. Fin-Nofsinhar tal-Ewropa, is-sħana u n-nixfiet jikkawżaw riskji sostanzjali għall-produzzjoni, it-trażmissjoni u d-domanda f’dak li jirrigwarda l-enerġija. Il-bini residenzjali jeħtieġ ukoll li jiġi adattat għaż-żieda fis-sħana.
L-ekonomija u l-finanzi: L-ekonomija u s-sistema finanzjarja tal-Ewropa qed jiffaċċjaw ħafna riskji klimatiċi. Pereżempju, l-estremitajiet klimatiċi jistgħu jżidu l-primjums tal-assigurazzjoni, jheddu l-assi u s-self ipotekarju, u jżidu n-nefqa pubblika u l-ispejjeż t tas-self. Il-vijabbiltà tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE diġà hija mhedda b’mod kritiku minħabba għargħar u nirien fis-selvaġġ b’ħafna spejjeż li seħħew f’dawn l-aħħar snin. L-impatti klimatiċi li qed jaggravaw jistgħu jwessgħu wkoll id-diskrepanzi fl-assigurazzjoni privata u jwasslu biex l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx isiru aktar vulnerabbli.
L-UE u l-Istati Membri tagħha għamlu progress konsiderevoli fil-fehim tar-riskji klimatiċi li qed jiffaċċjaw u fit-tħejjija għalihom. Il-valutazzjonijiet nazzjonali tar-riskji klimatiċi qed jintużaw dejjem aktar biex jinfurmaw l-iżvilupp tal-politika ta’ adattament. Madankollu, it-tħejjija tas-soċjetà mhijiex suffiċjenti peress li l-implimentazzjoni tal-politika għadha lura meta mqabbla maż-żieda rapida fil-livelli ta’ riskju.
Il-biċċa l-kbira tar-riskji klimatiċi ewlenin identifikati fir-rapport jitqiesu bħala “koproprjetà” tal-UE, tal-Istati Membri tagħha jew ta’ livelli governattivi oħra. Biex jiġu indirizzati u jitnaqqsu r-riskji klimatiċi fl-Ewropa, il-valutazzjoni tal-EEA tenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jaħdmu flimkien u jinvolvu wkoll il-livelli reġjonali u lokali, meta tkun meħtieġa azzjoni urġenti u kkoordinata.
Għad hemm ħafna diskrepanzi fl-għarfien rigward ir-riskji klimatiċi ewlenin identifikati fir-rapport tal-EEA. Ir-rapport jiddikjara li l-UE jista’ jkollha rwol ewlieni fit-titjib tal-fehim tar-riskji klimatiċi u l-appartenenza ta' riskju tagħhom, u kif dawn għandhom jiġu indirizzati permezz tal-leġiżlazzjoni, strutturi ta’ governanza xierqa, monitoraġġ, finanzjament u appoġġ tekniku. Tali għarfien ġdid ikun ukoll kontribut strumentali għal Valutazzjoni Ewropea tar-Riskji Klimatiċi ta’ segwitu.
Ir-rapport tal-EUCRA tal-EEA jibni fuq u jikkomplementa l-bażi tal-għarfien eżistenti dwar l-impatti u r-riskji klimatiċi għall-Ewropa, inklużi rapporti reċenti mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), is-Servizz dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Copernicus (C3S) u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea (JRC), kif ukoll l-eżiti ta’ proġetti ta’ riċerka u żvilupp iffinanzjati mill-UE u l-valutazzjonijiet nazzjonali tar-riskji klimatiċi. L-għarfien f’din il-valutazzjoni li hija l-ewwel tat-tip tagħha huwa sintetizzat bl-għan li jiġi appoġġat it-tfassil tal-politika strateġika.
Antti Kaartinen Constant Brand
Uffiċjal għall-istampa Uffiċjal għall-istampa
+45 2336 1381 +45 2174 1872
antti.kaartinen@eea.europa.eu cornelis.brand@eea.europa.eu
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/highlights/l-ewropa-mhijiex-imhejjija-ghar or scan the QR code.
PDF generated on 09 Nov 2024, 02:29 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn