L-għadd ta’ Ewropej esposti għal tniġġis akustiku ta’ ħsara mistenni li jiżdied

Biddel il-lingwa
News Ippubblikat 05 Mar 2020 Mibdul l-aħħar 26 Mar 2020
5 min read
Image copyright: EEA/Gaia Russo
Skont ir-rapport dwar it-tniġġis akustiku ambjentali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) ippubblikat illum, mill-anqas wieħed minn kull ħames Ewropej huwa espost għal livelli ta’ storbju li huma kkunsidrati ta’ ħsara għas-saħħa tiegħu. Dan in-numru mistenni jiżdied fis-snin li ġejjin.

It-traffiku fit-toroq huwa l-akbar sors ta’ tniġġis akustiku fl-Ewropa, ir-rapport il-ġdid tal-EEA “Storbju fl-Ewropa – 2020” (LINK) jgħid li l-livelli ta’ storbju mistennija jiżdiedu kemm fiż-żoni urbani kif ukoll f’dawk rurali matul id-deċennju li jmiss minħabba t-tkabbir urban u d-domanda akbar għall-mobbiltà. Il-ferroviji, l-inġenji tal-ajru u l-industrija huma l-akbar sorsi oħrajn ta’ tniġġis akustiku ambjentali.

Ir-rapport jipprovdi aġġornament tax-xejriet tat-tniġġis akustiku matul il-perjodu ta’ bejn l-2012 u l-2017. Dan jipprovdi wkoll prospett ta’ projezzjonijiet futuri dwar l-istorbju kif ukoll l-impatti assoċjati fuq is-saħħa fl-Ewropa, abbażi ta’ linji gwida ġodda tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar l-effetti fuq is-saħħa tal-esponiment għall-istorbju. Filwaqt li jibni fuq il-valutazzjoni preċedenti tal-EEA dwar l-istorbju fl-Ewropa mill-2014, ir-rapport iħares ukoll lejn l-azzjonijiet li qed jittieħdu għall-immaniġġjar u għat-tnaqqis tal-esponiment għall-istorbju u janalizza l-progress li sar biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE dwar it-tniġġis akustiku stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE, inklużi d-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali u s-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP) tal-UE.

Huwa stmat li 113-il miljun persuna huma affettwati minn livelli ta’ storbju tat-traffiku fit-tul ta’ matul il-jum-filgħaxija-billejl, ta’ mill-anqas 55 deċibel (dB(A)).  Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej, aktar minn 50 % tal-abitanti f’żoni urbani huma esposti għal livelli ta’ storbju tat-toroq ta’ 55 deċibel jew aktar matul il-perjodu ta’ matul il-jum-filgħaxija-billejl. Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, l-impatti fuq is-saħħa huma probabbli li jseħħu f’dan il-livell.  L-UE tikkunsidra li esponiment fit-tul għal-livelli ta’ storbju ta’ aktar minn 55 deċibel huwa għoli.


Impatti sinifikanti fuq is-saħħa

L-esponiment fit-tul għall-istorbju għandu impatti sinifikanti fuq is-saħħa. Abbażi tal-informazzjoni ġdida tad-WHO, l-EEA tistma li dan l-esponiment jikkawża 12 000 mewta prematura u jikkontribwixxi għal 48 000 każ ġdid ta’ mard tal-qalb iskemiku (ikkawżat mit-traqqiq tal-arterji tal-qalb) kull sena madwar l-Ewropa. Huwa stmat ukoll li 22 miljun ruħ ibatu minn fastidju kbir kroniku u li 6.5 miljun ruħ ibatu minn disturbi kbar kroniċi tal-irqad. Skont l-evidenza tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, dawn l-impatti fuq is-saħħa jibdew taħt il-limiti ta’ rapportar stabbiliti mid-Direttiva tal-UE dwar il-Ħsejjes u għalhekk x’aktarx li jiġu ssottovalutati. Barra minn hekk, l-informazzjoni pprovduta mill-pajjiżi skont id-direttiva tal-UE ma tkoprix iż-żoni urbani, it-toroq, il-linji ferrovjarji u l-ajruporti kollha.

Barra minn hekk, 22 miljun huma esposti għal livelli għoljin ta’ storbju ferrovjarju, 4 miljuni għal livelli għoljin ta’ storbju tal-inġenji tal-ajru u anqas minn miljun għal livelli għoljin ta’ storbju kkawżati mill-industriji.

Minbarra li jaffettwa lill-bnedmin, it-tniġġis akustiku huwa wkoll theddida dejjem tikber għall-organiżmi selvaġġi kemm fuq l-art kif ukoll fl-ilma. L-istorbju jista’ jnaqqas is-suċċess riproduttiv u jżid il-mortalità u l-ħrib tal-annimali lejn żoni aktar trankwilli.

L-objettiv tal-UE għall-2020 dwar l-istorbju mhux se jintlaħaq

Filwaqt li sar xi progress mill-Istati Membri tal-UE fl-immappjar u fir-rapportar ta’ aktar żoni ta’ storbju għoli madwar l-Ewropa, l-objettivi ġenerali tal-politika dwar l-istorbju ambjentali għadhom ma ntlaħqux. B’mod partikolari, l-objettiv stabbilit għall-2020 mis-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali li jitnaqqas it-tniġġis akustiku u li nersqu lejn il-livelli rakkomandati mid-WHO għall-esponiment għall-istorbju mhux se jintlaħaq.  Huwa mbassar li t-tniġġis akustiku se jiżdied minħabba tkabbir urban futur u żieda fid-domanda għall-mobbiltà.

Aktar minn 30 % tad-datameħtieġa skont id-direttiva tal-UE għadha mhix disponibbli wara l-iskadenza tar-rappurtar stabbilita legalment fl-2017. Dewmien sinifikanti jissuġġerixxi li jista’ jkun li l-pajjiżi ma ħadux il-passi meħtieġa biex jindirizzaw it-tniġġis akustiku. Ir-rapport iżid li hija meħtieġa wkoll implimentazzjoni aħjar — punt li jsaħħaħ il-konklużjonijiet ta’ valutazzjoni separata riċenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva.

Azzjonijiet biex jitnaqqsu l-livelli ta’ storbju

Il-pajjiżi diġà qed jieħdu varjetà ta’ azzjonijiet biex inaqqsu u jimmaniġġjaw il-livelli ta’ storbju, madanakollu, ir-rapport tal-EEA jgħid li jibqa’ diffiċli li wieħed jevalwa l-benefiċċji tagħhom f’termini ta’ riżultati pożittivi tas-saħħa. Eżempji tal-aktar miżuri popolari biex jitnaqqsu l-livelli ta’ storbju fl-ibliet jinkludu l-bdil ta’ toroq iċċangjati antiki b’asfalt aktar lixx, immaniġġjar aħjar tal-flussi tat-traffiku u t-tnaqqis tal-limiti tal-veloċità għal 30 kilometru fis-siegħa. Hemm ukoll miżuri mmirati biex iqajmu kuxjenza u jibdlu l-imġiba tan-nies fl-użu ta’ mezzi ta’ trasport li jagħmlu anqas storbju, bħalma huma ċ-ċikliżmu, il-mixi u l-vetturi elettriċi.

Għadd sinifikanti ta’ pajjiżi, bliet u reġjuni stabbilixxew ukoll hekk imsejħa żoni trankwilli, li ħafna minnhom huma parks u spazji ħodor oħrajn, fejn in-nies jistgħu jmorru biex jevitaw l-istorbju tal-ibliet. Ir-rapport jgħid li jeħtieġ li jsir sforz akbar biex jinħolqu u jiġu protetti żoni trankwilli barra mill-belt u biex tittejjeb l-aċċessibilità ta’ dawn iż-żoni fl-ibliet.

Sfond tad-Direttiva tal-UE dwar il-Ħsejjes Ambjentali

L-esponiment tan-nies għall-istorbju huwa mmonitorjat skont id-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali (END) ma’ żewġ limiti ta’ rapportar; indikatur għall-perjodi ta’ matul il-jum, filgħaxija u billejl (Lden) li jkejjel l-esponiment għal-livelli ta’ storbju assoċjati ma’ “fastidju” u indikatur għall-perjodi ta’ billejl (Lnight) li huwa mfassal biex jivvaluta d-disturbi fl-irqad. Dawn il-limiti ta’ rappurtar huma ogħla mill-valuri rakkomandati mid-WHO u bħalissa, ma hemm l-ebda mekkaniżmu biex jiġi segwit il-progress kontra l-valuri l-baxxi tal-aħħar.

 

Aktar informazzjoni dwar id-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali:
https://ec.europa.eu/environment/archives/noise/directive.htm

Data ta’ aċċess permezz tas-Servizz ta’ Informazzjoni u ta’ Osservazzjoni dwar l-Istorbju għall-Ewropa:
http://noise.eea.europa.eu/

Skedi informattivi tal-pajjiżi dwar l-istorbju:
https://www.eea.europa.eu/themes/human/noise/noise-fact-sheets

 

Temporal coverage

Dokument ta’ Azzjonijiet