li jmiss
preċedenti
punti

News

Arja aktar nadifa setgħet salvat mill-inqas 178,000 ħajja madwar l-UE fl-2019

Biddel il-lingwa
News Ippubblikat 13 Dec 2021 Mibdul l-aħħar 01 Mar 2022
6 min read
Photo: © Sam Schooler on Unsplash
It-tniġġis tal-arja kompla jikkawża piż sinifikanti ta’ mewt prematura u mard fl-Ewropa fl-2019. Analiżi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) turi li t-titjib tal-kwalità tal-arja għall-livelli rakkomandati reċentement mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) jista’ jipprevjeni aktar minn nofs l-imwiet prematuri kkawżati mill-esponiment għal materja partikolata fina.

Id-dokument informattiv tal-EEA “L-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa fl-Ewropa” jippreżenta stimi aġġornati dwar kif tliet sustanzi niġġiesa ewlenin – il-materja partikolata fina, id-diossidu tan-nitroġenu, l-ożonu troposferiku – affettwaw is-saħħa tal-Ewropej fl-2019. Id-dokument informattiv jivvaluta wkoll il-benefiċċji potenzjali tat-titjib tal-kwalità tal-arja lejn il-livelli tal-linja l-gwida ġdida rakkomandati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Barra minn hekk, il-miżuri tad-dokument informattiv ikejlu l-progress lejn il-mira tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE ta’ Tniġġis Żero li jitnaqqas l-għadd ta’ mwiet prematuri minħabba l-esponiment għal materja partikolata fina b’aktar minn 55 % sal-2030.

  • Skont l-aħħar stimi tal-EEA, 307,000 persuna tilfu ħajjithom qabel iż-żmien minħabba l-esponiment għat-tniġġis minn materja partikolata fina fl-UE fl-2019[1]. Millinqas 58 %, jew 178,000, minn dawn l-imwiet setgħu jiġu evitati kieku l-Istati Membri kollha tal-UE kienu laħqu l-livell tal-linja gwida l-ġdida tad-WHO dwar il-kwalità tal-arja ta’ 5 µg/m3.
  • Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa kienet aħjar fl-2019 milli fl-2018, u dan irriżulta wkoll f’inqas impatti negattivi fuq is-saħħa. It-tnaqqis fit-tniġġis isegwi xejra fit-tul, xprunata minn politiki biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u tittejjeb il-kwalità tal-arja.
  • Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE ta’ Tniġġis Żero jistabbilixxi mira biex jitnaqqas l-għadd ta’ mwiet prematuri minħabba l-esponiment għal materja partikolata fina b’aktar minn 55 % sal-2030, meta mqabbel mal-2005. Skont l-analiżi tal-EEA, l-UE bħalissa tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira, peress li l-għadd ta’ dawn l-imwiet naqas b’madwar terz mill-2005 sal-2019. 

“L-investiment f’tisħin, mobbiltà, agrikoltura u industrija aktar nodfa jwassal għal saħħa, produttività u kwalità tal-ħajja aħjar għall-Ewropej kollha u speċjalment għal dawk l-aktar vulnerabbli. Dawn l-investimenti jsalvaw il-ħajjiet u jgħinu wkoll biex jitħaffef il-progress lejn in-newtralità karbonika u bijodiversità b’saħħitha”, qal Hans Bruyninckx, id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA.

“Li tieħu n-nifs f’arja nadifa għandu jkun dritt fundamentali tal-bniedem. Din hija kundizzjoni meħtieġa għal soċjetajiet b’saħħithom u produttivi. Minkejja li matul l-aħħar snin fir-reġjun tagħna kien hemm titjib fil-kwalità tal-arja, għad fadlilna biex nilħqu l-livelli fil-Linji Gwida l-ġodda tad-WHO dwar il-Kwalità tal-Arja Globali,” qal id-Direttur Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa, Dr Hans Henri P. Kluge. “Fid-WHO, aħna nilqgħu x-xogħol li sar mill-EEA, li wriena l-ħajjiet kollha li jistgħu jiġu salvati jekk jintlaħqu l-livelli ġodda tal-kwalità tal-arja, u b’hekk dawk li jfasslu l-politika jingħataw evidenza soda dwar il-ħtieġa urġenti li jiġi indirizzat dan il-piż fuq is-saħħa.”

Id-dokument informattiv tal-EEA jiġi ppubblikat eżatt qabel il-Forum tal-UE dwar Arja Nadifa li se jsir fit-18 u fid-19 ta’ Novembru 2021. Il-Forum ilaqqa’ lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, lill-partijiet ikkonċernati u lill-esperti biex jirriflettu dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki, proġetti u programmi effettivi Ewropej, nazzjonali u lokali dwar l-arja – u biex jinforma dwar ir-reviżjoni li għaddejja tar-regoli tal-UE, inkluż l-allinjament aktar mill-qrib tagħhom mal-linji gwida tad-WHO dwar il-kwalità tal-arja.

Kuntest

It-tniġġis tal-arja huwa kawża ewlenija ta’ mewt prematur u mard u huwa l-akbar riskju ambjentali għas-saħħa fl-Ewropa. Mard tal-qalb u puplesiji huma l-aktar kawżi komuni ta’ mwiet prematuri minħabba t-tniġġis tal-arja, segwiti mill-mard tal-pulmun u l-kanċer tal-pulmun.

Id-Direttivi tal-UE dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent jistabbilixxu standards għal sustanzi ewlenin li jniġġsu fl-arja. Dawn il-valuri jqisu l-linji gwida tad-WHO tal-2005 kif ukoll kunsiderazzjonijiet tal-fattibbiltà teknika u ekonomika fiż-żmien tal-adozzjoni tagħhom.

Id-datatal-EEA, ippubblikata aktar kmieni din il-ħarifa, uriet li l-livelli tat-tniġġis tal-arja għadhom ogħla mil-limiti legali tal-UE fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej.

Id-WHO dan l-aħħar stabbiliet linji gwida ġodda dwar il-kwalità tal-arja globali biex tipproteġi s-saħħa pubblika. Dawn il-linji gwida huma bbażati fuq rieżami sistemiku tal-aqwa evidenza xjentifika disponibbli dwar l-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa tal-bniedem, li turi li t-tniġġis tal-arja jagħmel ħsara lis-saħħa tal-bniedem f’konċentrazzjonijiet saħansitra aktar baxxi minn dawk li kien mifhum qabel.

L-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE huma għodda politika ewlenija u l-allinjament aktar mill-qrib ta’ dawn l-istandards mar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO jirrappreżenta pass importanti lejn arja aktar nadifa għall-Ewropa, flimkien ma’ politiki mtejba biex jitnaqqas it-tniġġis fis-sors.

Il-valutazzjoni tal-EEA tal-benefiċċji potenzjali tassumi xenarju li fih iż-żoni kollha fl-EU-27 li fl-2019 kienu ogħla mil-linja gwida tad-WHO dwar il-kwalità tal-arja għall-materja partikolata fina, minflok kienu jilħqu l-linja gwida, filwaqt li ż-żoni l-oħra kollha kienu jżommu l-konċentrazzjonijiet imkejla fl-2019. Dan ix-xenarju u l-istimi korrispondenti għalhekk jirrappreżentaw il-benefiċċji potenzjali minimi li jirriżultaw minn titjib fil-kwalità tal-arja, bi tnaqqis fl-imwiet prematuri li x’aktarx li jseħħ ukoll f’żoni fejn il-linja gwida kienet diġà inkisbet iżda li x’aktarx jibbenefikaw ukoll minn arja aktar nadifa fiż-żoni tal-madwar.

L-analiżi tal-EEA tal-impatti tas-saħħa fl-2019 saret permezz tal-funzjonijiet ta’ rispons għall-konċentrazzjoni rrakkomandati mid-WHO fl-2013 biex tinżamm konformità mal-istimi tas-snin preċedenti magħmula mill-EEA. Madankollu, mis-sena d-dieħla, l-EEA tistenna li tallinja bis-sħiħ l-analiżi tagħha mal-linji gwida l-ġodda tad-WHO dwar il-kwalità tal-arja globali.

Riżorsi ewlenin

L-Indiċi tal-Kwalità tal-Arja Ewropew juridata kważi f’ħin reali dwar il-kwalità tal-arja għall-Ewropa, li tippermetti lill-utenti jivverifikaw il-kwalità tal-arja lokali fejn jgħixu jew jivvjaġġaw.

Il-viżwalizzatur tal-kwalità tal-arja fl-ibliet Ewropej iqabbel il-livelli medji ta’ materja partikolata fina fi 323 belt Ewropea, matul l-aħħar sentejn kalendarji.

Il-viżwalizzatur tad-data dwar l-emissjonijiet nazzjonali ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja jagħti aċċess għall-aħħardata dwar l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja, irrapportata mill-Istati Membri tal-UE skont id-Direttiva dwar l-Impenji Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet (NEC)

Iċ-ċentru tad-data dwar it-tniġġis tal-arja jagħti aċċess għad-data rilevanti kollha tal-EEA dwar it-tniġġis tal-arja fl-Ewropa.

It-tniġġis tal-arja: kif jaffettwa saħħitna juri kif l-esponiment għal materja partikolata fina jikkontribwixxi għall-mard u l-imwiet prematuri fl-Ewropa u kif dan il-piż jitqassam fis-soċjetà Ewropea kollha.

[1] Għall-kuntrarju tal-valutazzjonijiet preċedenti tal-EEA, din iċ-ċifra ma tinkludix ir-Renju Unit.

Permalinks

Geographic coverage

Temporal coverage

Dokument ta’ Azzjonijiet