All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Il-gwerer iġibu magħhom qerda u telf imminenti. It-telf maħluq minn din il-gwerra ma jitkejjilx biss mit-telf tal-ħajjiet jew tal-proprjetà. Għal dawk milquta, huwa t-telf ta’ maħbubin, familja u ħbieb, li xejn u ħadd ma jista’ qatt jieħu posthom. It-telf tas-sens ta’ dar sikura u fiduċja fl-“oħrajn” huwa daqstant ieħor diffiċli biex jerġa’ jinkiseb. Dak li jinqered fi kwistjoni ta’ sekondi jista’ jieħu għexieren ta’ snin biex jinbena mill-ġdid.
L-aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tal-armata Russa fl-Ukrajna issa tinsab fit-tielet ġimgħa tagħha. U kull ġurnata li tgħaddi qed iġġib magħha aktar telf u qerda. Qed inkunu xhieda ta’ traġedja umana, fejn suldati u pajżani qed jitilfu ħajjithom, miljuni - ommijiet u tfal - qed ifittxu rifuġju f’pajjiżi ġirien, u ħafna minn dawk li baqgħu fil-pajjiż, li sa ħmistax ilu kienu għaddejjin b’ħajjithom ta’ kuljum, issa qed jivvolontarjaw biex jingħaqdu mal-forzi tad-difiża Ukrena. Bosta xhur ilu, kienu biss ftit dawk li setgħu jimmaġinaw kif żvolġew l-avvenimenti u kemm żviluppaw malajr.
Il-kontinent Ewropew ra ħafna gwerer. Kien sabiex tiġi eliminata l-possibbiltà ta’ gwerer futuri u biex ikun hemm paċi dejjiema fil-kontinent, li l-pajjiżi Ewropej bdew jikkoperaw f’għadd ta’ oqsma ta’ politika, inkluża l-enerġija. L-Unjoni Ewropea ġiet stabbilita, l-ewwel u qabel kollox, b’dan l-objettiv - fatt li ħafna minna stajna nsejna jew li ma apprezzajniex sakemm bdew dawn l-avvenimenti riċenti. Illum, l-ambitu tal-kooperazzjoni Ewropea tkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika minn għajnuna umanitarja u kummerċ sa ambjent u agrikoltura, u dan f’kuntest politiku tal-paċi għal aktar minn seba’ deċennji.
Quddiem din il-kriżi attwali, hija din ir-rieda u l-impenn li naħdmu flimkien li ppermettiet lill-Unjoni Ewropea u s-27 Stat Membru tagħha li jitkellmu u jaġixxu b’vuċi waħda, u li jipprovdu appoġġ konġunt lir-refuġjati, filwaqt li jimponu sanzjonijiet ekonomiċi fuq ir-Russja. Din is-solidarjetà fi ħdan l-UE u mal-Ukrajna kompliet tiġi kkonsolidata mill-mexxejja Ewropej il-ġimgħa li għaddiet fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Versailles, Franza.
Minbarra l-għoti ta’ appoġġ lir-refuġjati Ukreni li qed jaslu, waħda mill-kwistjonijiet li għandha tiġi indirizzata fi ħdan l-UE tibqa’ l-livell attwali tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi. Ir-Russja tibqa’ l-fornitur ewlieni tal-enerġija għal xi Stati Membri tal-UE, u dan jagħmel lil dawn il-pajjiżi partikolarment vulnerabbli. Iż-żieda fil-prezzijiet globali tal-enerġija kienet bdiet ferm qabel il-gwerra Russa iżda minn dak iż-żmien ’l hawn il-prezzijiet saru saħansitra ogħla u aktar volatili. It-tnaqqis tal-importazzjonijiet Russi ċertament se jpoġġi pressjoni ’l fuq fuq il-prezzijiet tal-enerġija fuq terminu qasir.
Il-mexxejja tal-UE talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi pjan RePowerEU biex l-UE ssir indipendenti miż-żejt, mill-faħam u mill-gass tar-Russja ferm qabel l-2030, filwaqt li jittaffa l-impatt tal-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew u titħaffef it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Il-pjan se jkollu bżonn jiffoka aktar fuq l-effiċjenza tal-enerġija u t-titjib tal-interkonnettività tan-networks tal-enerġija u l-grilji tal-elettriku. Il-Kummissjoni Ewropea se jkollha bżonn ukoll tressaq sal-aħħar ta’ dan ix-xahar pjan biex tħares lejn is-sigurtà tal-provvista għal żmien qasir sa medju għax-xitwa li ġejja.
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Liġi Ewropea dwar il-Klima kienu diġa’ impenjaw lill-UE fit-triq lejn in-newtralità klimatika għall-2050 bi stadji importanti ambizzjużi, inkluż it-tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet sal-2030. Minħabba l-iżviluppi riċenti, huwa ċar li l-UE se jkollha bżonn timplimenta miżuri saħansitra aktar ambizzjużi. Dan ma għandux għalfejn jirriżulta f’xi devjazzjoni mill-kors ġenerali. Għall-kuntrarju, it-tnaqqis tad-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili jista’ tabilħaqq iħeġġiġna biex inħaffu t-tranżizzjoni tal-enerġija.
Il-gwerer iġibu magħhom qerda u telf imminenti. It-telf maħluq minn din il-gwerra ma jitkejjilx biss mit-telf tal-ħajjiet jew tal-proprjetà. Għal dawk milquta, huwa t-telf ta’ maħbubin, familja u ħbieb, li xejn u ħadd ma jista’ qatt jieħu posthom. It-telf tas-sens ta’ dar sikura u fiduċja fl-“oħrajn” huwa daqstant ieħor diffiċli biex jerġa’ jinkiseb. Dak li jinqered fi kwistjoni ta’ sekondi jista’ jieħu għexieren ta’ snin biex jinbena mill-ġdid.
Il-gwerer għandhom ukoll riperkussjonijiet fit-tul fuq l-ambjent. Skont il-firxa tal-qerda kkawżata mill-gwerra u t-tip ta’ arsenal użat, is-sustanzi kimiċi tossiċi fl-ilma, fil-ħamrija u fl-arja jafu jibqgħu jeżistu għal għexieren ta’ snin li ġejjin, u jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem, lill-ħabitats u lill-ispeċi. Minbarra t-tniġġis, ir-residwi, l-iskart u l-qerda tal-ekosistemi, il-gwerer u r-rikostruzzjoni li tiġi warajhom huma intensivi ħafna fir-riżorsi, u jeżerċitaw pressjonijiet u domandi addizzjonali fuq l-enerġija u l-materjali tal-kostruzzjoni.
Il-gwerra x’aktarx li taffettwa wkoll il-provvista globali tal-qamħ, li min-naħa tagħha tista’ tgħolli l-prezzijiet globali tal-ikel u tikkawża skarsezzi f’xi reġjuni. Tkun xi tkun il-kawża, dawn ix-xokkijiet u l-kriżijiet jaffettwaw lil xi nies u reġjuni aktar minn oħrajn. Id-dmir u l-valuri Ewropej tagħna jġegħluna nuru solidarjetà ma’ dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna.
Il-ħsibijiet tiegħi jmorru għall-Ukreni kollha milquta minn din il-kriżi. Nista’ nittama biss li din l-aggressjoni tintemm malajr u b’mod paċifiku mingħajr aktar telf.
Hans Bruyninckx
Direttur Eżekuttiv tal-EEA
Editorjal ippubblikat fil-Bulettin tal-EEA, Marzu 2022
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/articles/solidarjeta-fl-ewropa-fi-zminijiet or scan the QR code.
PDF generated on 02 Dec 2024, 06:17 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn