All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Press Release
Ir-rapport, ‘L-ambjent ta’ l-Ewropa – Ir-raba’ evalwazzjoni’, ġie ppreżentat f’Belgrad, is-Serbja, fis-sessjoni tal-ftuħ tas-sitt konferenza ministerjali tal-proċess ‘Ambjent għall-Ewropa’ li saret taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UNECE).
Ir-rapport, li huwa l-aħħar f’sensiela ta’ evalwazzjonijiet ta’ l-ambent pan-Ewropew ippubblikati mill-EEA matul dawn l-aħħar 15-il sena, jevalwa l-progress ambjentali fi 53 pajjiż – żona b’popolazzjoni totali ta’ aktar minn 870 miljun ruħ. Ir-reġjun jinkludi: L-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu u l-Asja Ċentrali (EECCA), ix-Xlokk ta’ l-Ewropa (SEE), kif ukoll l-Ewropa tal-Punent u Ċentrali (WCE).
Implimentazzjoni aħjar tal-politiki eżistenti u l-iffissar ta’ miri ċari u realistiċi hija rakkomandazzjoni prinċipali tar-rapport. Madankollu, sistema komuni ta’ informazzjoni dwar l-ambjent hija wkoll meħtieġa b’mod urġenti sabiex tindirizza n-nuqqas ta’ informazzjoni ambjentali affidabbli, aċċessibbli u komparabbli madwar ir-reġjun.
“Jeħtieġ li nsaħħu aktar ir-rieda li naġixxu fuq kwistjonijiet ambjenali tul ir-reġjun pan-Ewropew. Dan jeħtieġ fehim aħjar tal-problemi li niffaċċjaw, in-natura u d-distribuzzjoni tagħhom matul soċjetajiet u ġenerazzjonijiet. Analiżi, evalwazzjoni, komunikazzjoni u edukazzjoni għandhom jgħinu sabiex tingħeleb din il-‘lakuna ta’ informazzjoni’ u għandhom jippreparaw aħjar lil dawk li jeħtieġ li jaġixxu,” qalet il-Professur Jacqueline McGlade, id-Direttur Eżekuttiv ta’ l-EEA.
Ħafna mill-pressjonijiet ambjentali fir-reġjun ġejjin minn attivitajiet ekonomiċi bħall-agrikoltura, it-turiżmu, it-trasport u l-enerġija, jgħid ir-rapport. Il-mudelli attwali tal-konsum u l-produzzjoni wkoll jpoġġu domanda dejjem akbar fuq ir-riżorsi naturali, u hekk ipoġġu l-ambjent tagħha f’aktar riskju.
L-impatti assoċjati huma wiesgħa: il-kwalità ta’ l-ilma, ta’ l-arja u tal-ħamrija tvarja ħafna tul ir-reġjun pan-Ewropew. Aktar minn 100 miljun ruħ m’għandhomx aċċess għal ilma tax-xorb mingħajr periklu u sanitazzjoni. F’bosta pajjiżi fl-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu, l-Asja Ċentrali u x-Xlokk ta’ l-Ewropa, il-kwalità tal-provvista ta’ l-ilma u tas-sanitazzjoni ddeterjorat matul dawn l-aħħar 15-il sena bl-aktar li tiġi affettwata tkun il-popolazzjoni rurali, jgħid ir-rapport.
Minkejja xi suċċess f’dak li għandu x’jaqsam mat-tniġġis ta’ l-arja, il-livelli attwali – l-aktar ta’ l-ossidu tan-nitroġenu, tal-partikuli fini u ta’ l-ożonu fil-livell ta’ l-art – huma stmati li jnaqqsu l-istennija medja tal-ħajja fil-pajjiżi ta’ l-Ewropa tal-Punent u Ċentrali bi kważi sena u jheddu l-iżvilupp b’saħħtu tat-tfal. Fl-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu u l-Asja Ċentrali, is-sitwazzjoni hija preżunta li hija daqstant ieħor skoraġġanti: hawnhekk bosta mill-emissjonijiet li jniġġsu l-arja żdiedu b’10% mill-2000 ‘l hawn b’riżultat ta’ l-irkupru ekonomiku, iż-żidiet fil-volum tat-trasport u l-effikaċja fqira persistenti tal-politiki dwar it-tniġġis ta’ l-arja.
Ir-rapport, li jinkludi evalwazzjoni komprensiva ta’ l-ambjent marittimu tul ir-reġjun pan-Ewropew, jesprimi tħassib partikulari rigward is-sajd eċċessiv, l-ewtrofikazzjoni u l-pressjonijiet dejjem jikbru fuq l-ambjenti kostali. It-tnixxijiet aċċidentali kbar taż-żejt naqsu fl-ibħra Ewropej. Madankollu, il-ħruġ taż-żejt minn attivitajiet ta’ kuljum għadu sinifikanti.
Għall-bijodiversità, il-mira li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità sa l-2010 mhix se tintlaħaq mingħajr sforzi addizzjonali konsiderevoli. Iktar minn 700 speċi Ewropej huma fil-periklu ta’ l-estinzjoni, fosthom numru ta’ speċi ikoniċi bħalma huma l-linċi ta’ l-Iberja, b’riżultat tal-qerda, id-degradazzjoni u d-disturb ta’ l-ambjent naturali.
L-effetti tat-tibdil fil-klima fuq is-soċjetà u r-riżorsi naturali huma diġà viżibbli madwar id-dinja kollha. Huma pproġettati li jsiru saħansitra aktar evidenti – anki jekk l-emissjonijiet globali tal-gassijiet tas-serra naqsu drastikament. Ir-rapport jenfasizza l-urġenza ta’ adattament għar-riskji potenzjali ta’ impatti futuri tal-bidla fil-klima.
“Il-Ministri indikaw il-konferenza ta’ Belgrad bħala ‘konferenza ta’ kunsinna’. Ir-rapport tagħna juri li kien hemm progress. Naqqasna xi ftit
mit-tniġġis ta’ l-arja u tejjibna t-trattament ta’ l-ilma mormi. Madankollu, f’era ta’ bidla, għad baqa’ kwistjonijiet importanti, bħall-klima, il-bijodiversità u
t-theddidiet għas-saħħa relatati ma’ l-ambjent. Biex inwieġbu għal dawn il-kwistjonijiet ambjentali kumplessi, neħtieġu kooperazzjoni tul ir-reġjun pan-Ewropew kif ukoll
appoġġ finanzjarju u tekniku mmirat,” qalet il-Professur McGlade.
Ara r-rapport sħiħ hawn:
http://www.eea.europa.eu/pan-european/fourth-assessment
L-ambjent ta’ l-Ewropa – Ir-raba’ evalwazzjoni
Ir-rapport ‘L-ambjent ta’ l-Ewropa – Ir-raba’ evalwazzjoni’, li huwa r-riżultat ta’ kooperazzjoni bla preċedent fil-qsim ta’ l-informazzjoni, għandu l-għan li jipprovdi informazzjoni aġġornata u affidabbli dwar l-interazzjonijiet bejn l-ambjent u s-soċjetà u li jixħet dawl fuq il-progress lejn il-miri ambjentali fuq il-livell pan-Ewropew.
Minn Kiev għal Belgrad
Il-proċess ‘Ambjent għall-Ewropa’(EfE) illum ilaqqa’ flimkien 56 pajjiż minn madwar tliet kontinenti biex jindirizzaw flimkien l-isfidi ambjentali. Il-proċess huwa sħubija unika tal-pajjiżi membri fi ħdan ir-reġjun tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UNECE). Il-proċess EfE jinkludi wkoll organizzazzjonijiet tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti rappreżentati fir-reġjun, organizzazzjonijiet intergovernattivi oħra, ċentri ambjentali reġonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u gruppi oħra importanti.
B’appoġġ għal dan il-proċess, l-EEA ħejjiet sensiela ta’ evalwazzjonijiet ta’ l-ambjent għar-reġjun pan-Ewropew sabiex tipprovdi informazzjoni rilevanti għall-politika, aġġornata u affidabbli dwar l-interazzjonijiet bejn l-ambjent u s-soċjetà.
L-ewwel evalwazzjoni komprensiva ta’ l-istat ta’ l-ambjent pan-Ewropew kienet ippreżentata f’Sofia fl-1995. Evalwazzjonijiet aġġornati ġew ippreżentati fil-Konferenzi Ministerjali f’Aarhus fl-1998 u f’Kiev fl-2003.
Dan huwa r-raba’ rapport fis-sensiela. Fejn huwa possibbli, ir-rapport jevalwa l-progress, b’mod prinċipali kontra l-miri tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni għall-Ambjent tal-Komunità Ewropea u l-Istrateġija Ambjentali għall-Pajjiżi ta’ l-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu u l-Asja Ċentrali.
Ir-rapport, ‘L-ambjent ta’ l-Ewropa – Ir-raba’ evalwazzjoni’ ikopri 53 pajjiż: l-Albanija, l-Andorra, l-Armenja, l-Awstrija, l-Azerbajġan, il-Belarus, il-Belġju, il-Bosnia u Herzegovina, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġeorġja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Islanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Kazakastan, il-Kirgiżtan, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, Malta, ir-Repubblika tal-Moldova, Monako, il-Montenegro, l-Olanda, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, il-Federazzjoni Russa, San Marino, is-Serbja, is-Slovakja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, l-Iżvizzera, it-Taġikistan, it-Turkija, it-Turkmenistan, l-Ukraina, ir-Renju Unit u l-Uzbekistan.
Dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
L-EEA hija bbażata f’Kopenħagen. L-aġenzija timmira li tgħin sabiex jinkiseb titjib sinifikanti u miżurabbli fl-ambjent ta’ l-Ewropa permezz tal-provvediment ta’ informazzjoni f’waqtha, immirata, rilevanti u affidabbli għal min jagħmel il-politika u għall-pubbliku.
Biex issir taf aktar dwar l-EEA, żur il-websajt tagħna: http://www.eea.europa.eu
Brendan Killeen
Uffiċjal għall-Istampa
Telefon: +45 33 36 72 69
Mowbajl:+45 23 68 36 71
Marion Hannerup
Kap tal-Komunikazzjoni u Affarijiet Korporattivi
Telefon: +45 33 36 71 60
Mowbajl:+45 51 33 22 43
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/pressroom/newsreleases/il-ministri-jridu-jg127aqqdu-l-forzi-sabiex-jiksbu-ambjent-b2019sa127127tu-g127ar-regjun-pan-ewropew or scan the QR code.
PDF generated on 14 Oct 2024, 02:05 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn