All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Il‑bijoenerġija qiegħda fil‑punt fejn se tinbidel f’negozju kbir. Hija diġà s‑sors dominanti ta’ enerġija rinnovabbli (1) fl‑Ewropa u l‑produzzjoni tagħha probabbilment se tiżdied fid‑deċennji li ġejjin. Il‑bijofjuwils ġew rikonoxxuti bħala mod tajjeb kif it‑trasport isir aktar ekoloġiku u kif jiġu evitati importazzjonijiet ta’ żejt bi prezz għoli.
Fl‑2008, is‑suġġett tal‑bijofjuwils kien fit‑titli tal‑aħbarijiet dinjin għal raġunijiet negattivi, prinċipalment f’assoċjazzjoni mal‑prezzijiet tal‑ikel li qed jogħlew. Xogħol l‑EEA dwar il‑bijofjuwils huwa limitat għall‑vantaġġi u l‑iżvantaġġi ambjentali. Anke hawnhekk, teżisti kontroversja.
Pass lejn il‑produzzjoni ta’ bijoenerġija fuq skala kbira jġib riskji ambjentali konsiderevoli, prinċipalment f’termini ta’ tibdil fl‑użu tal‑art. Il‑ħamrija u l‑pjanti huma l‑ikbar żewġ imħażen tas‑CO2 fid‑dinja — u fihom id‑doppju tal‑karbonju li hemm fl‑atmosfera tagħna. Il‑bidla ta’ foresti, pjanuri tal‑pit jew mergħat flimkien għal uċuħ tar‑raba’ tal‑bijofjuwils terħi iktar CO2 milli kieku jitnaqqas.
L‑espansjoni tal‑produzzjoni tal‑uċuħ tar‑raba’ fl‑Ewropa biex tiġi sodisfatta d‑domanda tal‑ikel u tal‑fjuwils flimkien ikollha impatti serji fuq il‑bijodiversità tal‑Ewropa u tagħmel ħsara lill‑ħamrija u lir‑riżorsi tal‑ilma tagħna. L‑effetti sekondarji, hekk imsejħa 'bidliet indiretti tal‑użu tal‑art', iħallu impatt f’postijiet oħra fid‑dinja: hekk kif l‑Ewropa tnaqqas mill‑esportazzjonijiet tal‑ikel, żoni oħra tad‑dinja jżidu l‑produzzjoni tal‑ikel biex jikkumpensaw. L‑impatti fuq il‑prezzijiet globali tal‑ikel jistgħu jkunu sinifikanti.
Madakollu, ir‑riskji fl‑Ewropa jistgħu jitnaqqsu permezz ta’ għażla tajba tal‑uċuħ u l‑ġestjoni. Pereżempju, il‑bijofjuwils prodotti mill‑iskart, mir‑residwi tal‑uċuħ jew tal‑foresterija, tabilħaqq joffru vantaġġi ambjentali. F’dan il‑kuntest, l‑EEA qiegħda tara kif l‑espansjoni f’daqqa tal‑bijoenerġija li hija imminenti tista’ tiżviluppa, u tikkunsidra jekk din tistax tipprovdi l‑enerġija li għandna bżonn mingħajr ma tagħmel ħsara lill‑ambjent.
BijolingwaġġBijomassa: tirreferi għal materja bijoloġika ħajja jew li ma tkunx ilha mejta. Din tista’ tiġi minn uċuħ tar‑raba’, siġar, algi, residwi agrikoli jew tal‑foresti jew minn flussi ta’ skart. Bijoenerġija: it‑tipi kollha ta’ enerġija derivati mill‑bijomassa, inklużi bijofjuwils. Bijofjuwil: fjuwils tat‑trasport likwidi prodotti mill‑bijomassa (2). |
Il‑Kummissjoni Ewropea pproponiet mira obbligatorja: sal‑2020, 20 % tal‑enerġija Ewropea kollha għandha tiġi mill‑enerġiji rinnovabbli (jiġifieri mis‑sorsi rinnovabbli kollha: mir‑riħ, solari, mill‑mewġ, eċċ. kif ukoll mill‑bijoenerġija). Bħalissa, l‑enerġiji rinnovabbli jirrappreżentaw 6.7 % tal‑konsum Ewropew tal‑enerġija. Żewġ terzi ta’ dan jiġu mill‑bijomassa.
Il‑Kummissjoni Ewropea hija wkoll ħerqana biex tippromwovi l‑bijofjwuils — fjuwils għat‑transport — minħabba d‑dipendenza tagħha fuq iż‑żejt. Is‑settur tat‑trasport qiegħed ukoll iżid l‑emissjonijiet ta’ gassijiet serra u jieħu lura mit‑tnaqqis fl‑emissjonijiet miksub minn setturi oħra.
Għaldaqstant il‑Kummissjoni għamlet proposta biex il‑bijofjuwils ikunu jagħmlu 10 % tal‑fjuwils tat‑trasport bit‑toroq sal‑2020, sakemm dawn jistgħu jiġu ċertifikati bħala sostenibbli. Dejta mill‑2007 turi li l‑bijofjuwils jirrappreżentaw 2.6 % tal‑fjuwils tat‑trasport bit‑toroq fl‑UE.
Biex jintlaħaq l‑10 %, l‑Unjoni Ewropea għandha żżid il‑produzzjoni u l‑importazzjonijiet tal‑bijofjuwil fi żmien meta l‑bijofjuwils jinsabu fiċ‑ċentru ta’ dibattiti ekoloġiċi u ekonomiċi kumplessi.
Il‑mira Ewropea tal‑bijofjuwil hija mdawra minn iktar u iktar dibattitu. Il‑Parlament Ewropew reċentament talab għal garanzija li 40 % tal‑mira ta’ 10 % jiġu minn sorsi li ma jikkompetux mal‑produzzjoni tal‑ikel. Il‑Kumitat Xjentifiku tal‑EEA stess wissa li ż‑żieda fis‑sehem tal‑bijofjuwils li jintużaw fit‑trasport għal 10 % hija ambizzjuża żżejjed u għandha tiġi sospiża.
Il‑promozzjoni ta’ bijofjuwils u bijoenerġija oħra fl‑Ewropa inevitabbilment tikkawża effetti diretti u indiretti fi bnadi oħra.
Pereżempju, fl‑Ewropa aħna nistgħu nipproduċu bijodiżil miż‑żejt tal‑liftija (rapeseed) b’mod sostenibbli, imma mbagħad ikun hemm inqas żejt tal‑liftija disponibbli għall‑produzzjoni ta’ ikel ġewwa u barra l‑Ewropa.
X’aktarx li parti mid‑differenza timtela miż‑żejt tal‑palm. Madankollu, dan ikun iwassal għal telf ta’ foresti tropikali, minħabba li s‑siġar f’pajjiżi bħall‑Indoneżja jinqatgħu biex jagħmlu spazju għal tkabbir ta’ uċuħ supplimentari tal‑palm.
Madwar id‑dinja, id‑domanda għall‑bijofjuwil hija waħda minn ħafna fatturi li qed jikkontribwixxu għaż‑żieda reċenti fil‑prezzijiet tal‑ikel, flimkien mal‑perjodi ta’ nuqqas ta’ xita f’pajjiżi produtturi ewlenin, żieda fil‑konsum tal‑laħam u prezzijiet taż‑żejt li qed jogħlew, eċċ. L‑ Organizzazzjoni għall‑Kooperazzjoni u l‑Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) tistma li l‑miżuri attwali u proposti li jappoġġjaw il‑bijofjuwils fl‑UE u fl‑Istati Uniti jżidu l‑medja tal‑prezzijiet tal‑qamħ, il‑qamħirrum u ż‑żejt veġetali bi 8 %, 10 %, u 33 %, rispettivament, fuq il‑perjodu medju.
Il‑konsum dinji tal‑ikel li qed jiżdied, u d‑domanda addizzjonali għall‑bijofjuwils, qed twassal għal espansjoni tal‑art li tintuża għat‑tkabbir tal‑uċuħ tar‑raba’ madwar id‑dinja u li tieħu post mergħat naturali u foresti tropikali. Dan huwa importanti għax id‑deforestazzjoni u l‑prattiki tal‑biedja huma attwalment responsabbli għal stima ta’ 20 % tal‑emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra. Il‑bidla ta’ foresti f’artijiet għat‑tkabbir tal‑uċuħ tar‑raba’ fuq skala kbira żżid dan is‑sehem u għandha impatti gravi fuq il‑bijodiversità Il‑flora l‑fawna selvaġġi, u l‑kwantità u l‑kwalità tal‑ilma jistgħu jsofru wkoll jekk żoni kbar jiġu konvertiti minn ħabitati naturali jew żoni agrikoli tradizzjonali għal żoni ta’ produzzjoni intensiva għall‑bijoenerġija.
Tentattivi xjentifiċi reċenti biex jiġu stmati l‑impatti ta’ żieda fil‑produzzjoni ta’ bijoenerġija bdew juru riżultati u xejriet u l‑EEA hija ħerqana li tiġbed l‑attenzjoni għal dawn.
Studju fil‑Brażil għamel użu minn immaġini bis‑satellita u stħarriġ fuq l‑art biex juri li r‑rata ta’ konverżjoni ta’ foresti f’art agrikola fl‑Amazzonja hija korrelatata mal‑prezzijiet globali tas‑sojja — iktar ma jkun għoli l‑prezz tas‑sojja, iktar tinqata’ foresta tropikali. U ftit hemm dubju li d‑domanda għal bijoetanol qed timbotta l‑prezzijiet ’il fuq hekk kif wesgħat ta’ acres ta’ sojja jinbdlu f’uċuħ tal‑qamħirrum għall‑bijoetanol tal‑Istati Uniti .
Sadanittant, Tim Searchinger u riċerkaturi mill‑Università ta’ Purdue, fl‑Istati Uniti, użaw mudell agroekonomiku globali biex jesploraw kif it‑tkabbir ta’ qamħirrum u xrika (switchgrass) fuq skala kbira għall‑bijoetanol fl‑Istati Uniti jista’ jwassal biex il‑prodotti agrikoli tal‑ikel jibdew jitkabbru fi bnadi oħra tad‑dinja, fejn il‑foresti u l‑mergħat jiġu konvertiti għal art agrikola biex jagħmlu tajjeb għan‑nuqqas ta’ produzzjoni tal‑ikel.
Ir‑riċerka tagħhom tistma li l‑emissjonijiet ta’ gassijiet serra assoċjati mal‑bijoetanol se jkunu ogħla minn dawk assoċjati mal‑użu tal‑fjuwils fossili, għal 50 sena jew iktar. Dan għaliex il‑mergħat u l‑foresti jaġixxu bħala mħażen tas‑CO2. Il‑konverżjoni tagħhom f’tip ta’ wiċċ tar‑raba’ għall‑produzzjoni tal‑bijofjuwil tneħħi din il‑funzjoni ta’ ħżin. Ikunu jridu jgħaddu deċennji biex il‑benefiċċji jkunu jisbqu l‑punti negattivi.
L‑impatti fuq il‑bijodiversità u r‑riżorsi naturali bħall‑ilma huma iktar diffiċli biex jitkejlu. Iż‑żieda fil‑produzzjoni tal‑qamħirrum fil‑Punent ċentrali tal‑Istati Uniti, pereżempju, thedded il‑ħajja fil‑baħar tal‑Golf tal‑Messiku, fejn inħolqot żona mejta ta’ iktar minn 20 000 km2 mill‑inputs għoljin ta’ nutrijenti mill‑Mississippi. Skont studju reċenti, l‑ilħuq tal‑miri tal‑2022 fl‑abbozz ta’ liġi tal‑Istati Uniti dwar l‑enerġija se jżid it‑tagħbijiiet tan‑nitroġenu fil‑Mississippi b’10–34 %.
Fl‑2006, studju tal‑EEA kien jistma li 15 % tad‑domanda mbassra tal‑enerġija Ewropea fl‑2030 tista’ tiġi sodisfatta permezz ta’ bijoenerġija derivata minn prodotti tal‑agrikoltura, il‑forestrija u l‑iskart, bl‑użu ta’ riżorsi Ewropej biss. Din l‑istima tissejjaħ il‑'potenzjal tal‑bijomassa' tal‑Ewropa. L‑istudju impona sett ta’ kundizzjonijiet li jipproteġu l‑bijodiversità u jimminimizzaw l‑iskart biex jiġi żgurat li l‑'potenzjal tal‑bijomassa' ma jagħmilx ħsara lill‑ambjent.
Wara dan, fl‑2008 l‑EEA użat il‑mudell, Green‑X-ENVIRONMENT oriġinarjament maħsub biex jiġu studjati is‑swieq tal‑elettriku rinnovabbli, biex tanalizza kif dan il‑'potenzjal tal‑bijomassa' kompatibbli mal‑ambjent jista’ jintuża fl‑iktar mod li jagħti benefiċċji mil‑lat ambjentali.
L‑istudju jissuġġerixxi li l‑iktar mod li jagħti benefiċċji tal‑użu tal‑potenzjal ta’ bijomassa 'mudellata' ikun li jiġu fornuti 18 % tas‑sħana tal‑Ewropa, 12.5 % tal‑elettriku tagħha u 5.4 % tal‑fjuwils tat‑trasport tagħha mill‑bijomassa sal‑2030.
Permezz tat‑tnaqqis tal‑użu tal‑fjuwil fossili fit‑tliet setturi kollha, dan jista’ jneħħi 394 miljun tunnellata metrika emissjonijiet ta’ dijossidu tal‑karbonju sal‑2020. Tnaqqis fl‑emissjonijiet li hu saħansitra ikbar jinkiseb li kieku jitwaqqfu politiki biex jipprijoratizzaw l‑użu ta’ teknoloġija tal‑Ġenerazzjoni Kombinata ta’ Sħana u Elettriku (Combined Heat and Power – CHP) fil‑ġenerazzjoni tal‑elettriku u s‑sħana. Dan il‑proċess jaqbad is‑sħana li hija prodott sekondarju tal‑produzzjoni tal‑enerġija.
Naturalment, hemm spejjeż involuti. It‑tisħiħ fl‑użu tal‑bijoenerġija jiswa madwar 20 % iktar minn mudell simili ta’ enerġija konvenzjonali sal‑2030. Fl‑aħħar mill‑aħħar, il‑konsumaturi jridu jħallsu l‑prezz.
L‑iżviluppi minn meta beda dan ix‑xogħol sal‑lum, speċjalment iż‑żidiet fil‑prezzijiet globali tal‑ikel, jindikaw li l‑istimi tal‑'potenzjal tal‑bijomassa' x’aktarx huma għolja: probabbilment fl‑Ewropa se tkun disponibbli inqas art għat‑tkabbir ta’ uċuħ tar‑raba’ għall‑bijoenerġija. Il‑prezzijiet taż‑żejt għoljin jistgħu jinfluwenzaw ir‑riżultati wkoll.
Madankollu, xorta joħroġ messaġġ ċar minn dan l‑eżerċizzju: ikun aħjar, f’termini ta’ spejjeż u taffija tal‑effetti tat‑tibdil tal‑klima, li tingħata prijorità lill‑bijoenerġija għall‑ġenerazzjoni tal‑elettriku u s‑sħana bl‑użu ta’ impjanti CHP pjuttost milli wieħed jiffoka fuq il‑fjuwil għat‑trasport.
Biex jiġu evitati l‑impatti negattivi ta’ bidla għall‑bijoenerġija kif deskritt hawn fuq, għandna bżonn politiki b’saħħithom fil‑livell internazzjonali biex ma jitħalliex isir it‑tibdil fl‑użu tal‑art li jżid mal‑problemi ambjentali fit‑tfittxija għall‑bijoenerġija. L‑isfida tidher b’mod ċar li hija globali, u għandna bżonn dibattitu globali dwar kif jitwaqqaf it‑telf fil‑bijodiversità u fl‑istess ħin jiġi indirizzat it‑tibdil fil‑klima, b’kont meħud tal‑bżonn globali għal żieda fil‑produzzjoni tal‑ikel u ż‑żieda inkwetanti tal‑prezz taż‑żejt.
Riċerkaturi tal‑EEA jemmnu li l‑Ewropa għandha b’mod attiv tfittex li tiġġenera l‑ikbar ammont ta’ bijoenerġija li jippermettilha t‑territorju tagħha filwaqt li ssostni bilanċ bejn il‑produzzjoni tal‑ikel, il‑fjuwil u l‑fibra, u mingħajr ma tikkomprometti s‑servizzi tal‑ekosistemi. Għandna nimxu lil hinn mill‑bijofjuwils, u nibdew riċerka u żvilupp serji ta’ bijofjuwils avvanzati (ara l‑kaxxa). Ejja dan nagħmluh b’mod li jqies l‑impatti ambjentali kollha, inklużi l‑effetti fuq il‑ħamrija, l‑ilma u l‑bijodiversità kif ukoll l‑emissjonijiet ta’ gassijiet serra. B’dan il‑mod, l‑UE tista’ tkun fuq quddiem nett fil‑ħolqien ta’ settur tal‑bijoenerġija li hu tabilħaqq sostenibbli.
Wegħda tal‑ġenerazzjoni li jmissIl‑proċessi tal‑produzzjoni ta’ bijofjuwils tat‑tieni ġenerazzjoni jistgħu jużaw varjetà ta’ materja prima li mhijiex maħsuba għall‑produzzjoni tal‑ikel. Dawn jinkludu skart ta’ bijomassa, injam, iz‑zkuk tal‑qamħ u l‑qamħirrum, u wċuħ tar‑raba’ speċjali tal‑enerġija jew tal‑bijomassa bħall‑Miscanthus. Il‑bijofjuwils tat‑tieni ġenerazzjoni jistgħu jwasslu għal iktar tnaqqis sostanzjali tal‑emissjonijiet ta’ gassijiet serra u jistgħu jnaqqsu effetti ħżiena oħra bħalma hu l‑użu tal‑fertilizzanti imma x’aktarx li mhux se jkunu disponibbli fil‑ħin biex jagħtu kontribut sostanzjali għall‑mira ta’ 10 % ta’ bijofjuwils tat‑trasport sal‑2020. Hi meħtieġa ħafna iktar riċerka dwar dawn il‑proċessi ta’ produzzjoni u dwar l‑impatti u l‑opportunitajiet tagħhom. Barra dan, x’aktarx li se tibqa’ l‑kompetizzjoni għall‑art u l‑ilma bejn l‑uċuħ tar‑raba’ dedikati għall‑enerġija u dawk għall‑ikel. |
Referenzi
Donner, S. D. and Kucharik, C. J., 2008. Corn‑based ethanol production compromises goal of reducing nitrogen expert by the Mississippi river. Proceedings of the National Academy of Sciences, vol. 105: 4 513–4 518.
EEA, 2006. Kemm tista’ tipproduċi bijoenerġija l‑Ewropa mingħajr ma tagħmel ħsara lill‑ambjent. Rapport tal‑EEA Nru 7/2006
EurObserver. Biofuels Barometer: http://www.energies‑renouvelables.org/observ‑er/stat_baro/ observ/baro185.pdf.
OECD, 2008. Vaultazzjoni ekonomika tal‑politiki li
jappoġġjaw il‑bijofjuwils. Organizzazzjoni għall‑Kooperazzjoni u
l‑Iżvilupp Ekonomiċi, Pariġi.
(1) L‑enerġija rinnovabbli tinkludi enerġija derivata mir‑riħ, mill‑baħar, mix‑xemx, enerġija mill‑ilma, eċċ.
(2) It‑terminu bijofjuwil jista’ jintuża għall‑fjuwils kollha (solidi, likwidi jew gassużi) għal kwalunkwe skop derivati mill‑bijomassa. Madankollu, fil‑kuntest ta’ din l‑analiżi, dan jirreferi speċifikament għall‑fjuwils għat‑trasport.
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/articles/jekk-ilbijoenergija-tizdied-f2019daqqa-2013-ilbidla-mizzejt-g127allbijoenergija-mhijiex-ming127ajr-riskji or scan the QR code.
PDF generated on 06 Dec 2024, 12:23 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn