All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Hekk kif tispiċċa s-sena, l-attenzjoni tad-dinja ffukat fuq sejħa waħda għall-azzjoni — jeħtieġ li nindirizzaw b’mod urġenti t-tibdil fil-klima u nwaqqfu u nreġġgħu lura t-telf tal-bijodiversità.
Taħditiet globali dwar il-klima, komunement imsejħa COPs dwar il-klima (Konferenza tal-Partijiet), ilaqqgħu flimkien rappreżentanti ta’ pajjiżi mid-dinja kollha biex jindirizzaw u jaqblu dwar sensiela ta’ kwistjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima, inklużi l-mitigazzjoni — kif jitnaqqsu l-emissjonijiet globali, l-adattament — l-għajnuna lill-pajjiżi biex iħejju għal għadd dejjem jikber ta’ impatti negattivi tat-tibdil fil-klima, u l-finanzi — min iħallas għal xiex.
Fuq il-post, il-COPs dwar il-klima jattendu għalihom madwar tletin sa erbgħin elf parteċipant irreġistrati, inklużi mexxejja minn aktar minn 100 pajjiż, għexieren ta’ eluf ta’ delegati, għexieren ta’ eluf ta’ osservaturi (bħal rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u ż-żgħażagħ) u eluf ta’ ġurnalisti. L-eżitu ta’ negozjati intensi fil-COPs hu dejjem kompromess. Madankollu, dawn it-taħditiet jgħinu biex jiġu deskritti l-viżjoni u t-trajettorja globali, fejn il-pajjiżi kollha u l-partijiet ikkonċernati differenti, inklużi ż-żgħażagħ u l-komunitajiet indiġeni, ikollhom vuċi u jistgħu jilħqu udjenzi globali.
Il-COP dwar il-klima li saret fi Glasgow (COP26) fl-2021 kellha l-għan li tpoġġi lid-dinja fit-triq ta’ żero nett sal-2050 u żżomm l-1.5 gradi ta’ tisħin li jistgħu jintlaħqu — identifikati l-ewwel mill-Ftehim ta’ Pariġi fil-kuntest tal-COP21 fl-2015. Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-pajjiżi qablu, fost l-oħrajn, dwar sensiela ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet li jibnu fuq il-Ftehim ta’ Pariġi.
Bil-Patt ta’ Glasgow, il-COP26 enfasizzat l-emerġenza, appellat għal azzjoni aċċellerata, it-tnaqqis gradwali tal-enerġija mill-faħam u l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji fuq il-fjuwils fossili “ineffiċjenti”. Il-Patt appella wkoll għal żieda fl-appoġġ għall-adattament u wegħda li ssir enfasi fuq it-telf u l-ħsara fil-konferenza li jmiss. Saru ftehimiet u avviżi oħra fil-COP26 dwar il-foresti, il-metan, il-karozzi u l-finanzi privati. Minkejja n-nuqqasijiet u l-kompromessi tagħha, il-progress fin-negozjati kien tanġibbli u żamm il-mira ta’ 1.5 gradi fis-seħħ.
Sena wara, il-COP27 f’Sharm el-Sheikh, l-Eġittu, saret f’Novembru f’kuntest u f’realtà globali kompletament differenti. Din ġiet organizzata fl-isfond tal-gwerra fl-Ukrajna, prezzijiet għoljin tal-enerġija bi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-provvista tal-enerġija, rati għoljin ta’ inflazzjoni, b’impatt fuq l-Ewropej f’ekonomija fraġli ta’ wara l-pandemija, u impatti katastrofiċi tat-tibdil fil-klima.
L-ottimiżmu globali tal-aħħar minuta ta’ Glasgow ma kienx f’Sharm el-Sheikh. Ħafna, inkluż il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Franz Timmermans, ikkonkludew li l-ħtieġa għal tnaqqis urġenti u drastiku fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mhijiex akkumpanjata minn miżuri u impenji konkreti espressi mill-pajjiżi fil-COP27. Fi kliemu, “qed niffaċċjaw dilemma morali. Minħabba li dan il-patt mhuwiex biżżejjed fir-rigward tal-mitigazzjoni”.
Fl-istess ħin, il-pajjiżi qablu li joħolqu fond ġdid biex jgħin lill-pajjiżi l-aktar vulnerabbli, affettwati minn telf u ħsara minħabba l-impatti tat-tibdil fil-klima. Mistoqsijiet dwar min se jħallas u kemm, min jibbenefika u min jiddeċiedi, jibqgħu miftuħa. Minkejja l-kuntest attwali, Timmermans ikkonferma mill-ġdid il-pożizzjoni u l-impenn tal-UE li tilħaq l-għanijiet tagħha dwar il-klima u l-ambjent, u l-appoġġ kontinwu tal-UE għal dawk l-aktar vulnerabbli. Ir-realtà attwali tagħna tagħmel il-ħtieġa għal azzjoni klimatika urġenti u deċiżiva saħansitra aktar meħtieġa.
Rappreżentanti mid-dinja kollha reġgħu ltaqgħu f’Diċembru, din id-darba f’Montreal, il-Kanada, biex jaqblu dwar azzjoni globali għall-protezzjoni tan-natura. Id-dinja ilha titlef id-diversità bijoloġika tagħha b’rata allarmanti u t-tnaqqis qed jaċċellera. Madwar miljun speċi bħalissa qed jiffaċċjaw l-estinzjoni u ħafna ekosistemi, vitali għall-pjaneta u l-benesseri tagħna, jinsabu fix-xifer ta’ ħsara irriversibbli. Għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri, jeħtieġ li b’mod urġenti nwaqqfu u nreġġgħu lura t-telf tal-bijodiversità u nirrestawraw iż-żoni naturali mad-dinja kollha u fl-Ewropa.
Il-COP attwali dwar il-bijodiversità, komunement imsejħa COP15 (peress li hija l-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika), għandha l-għan li twettaq qafas globali tal-bijodiversità ta’ wara l-2020. Il-qafas jistabbilixxi 21 mira, inkluża l-mira li sal-2030 tiġi protetta 30 % tal-pjaneta tagħna. Jirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa għal azzjoni globali urġenti iżda jenfasizza wkoll il-ħtieġa li nittrasformaw il-mudelli ekonomiċi, soċjali u finanzjarji tagħna sabiex jitwaqqfu u jitreġġgħu lura x-xejriet attwali.
B’mod speċifiku, l-azzjoni tinvolvi l-protezzjoni u r-restawr ta’ aktar żoni tal-art u tal-baħar, u l-indirizzar ta’ attivitajiet mhux sostenibbli f’setturi ewlenin bħall-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd.
Jekk jirnexxilniex inreġġgħu lura x-xejriet jiddependi minn dak li nagħmlu fuq il-post. Pereżempju, it-30 % li għandhom jitqiegħdu taħt protezzjoni jeħtieġ li jinkludu hotspots globali tal-bijodiversità. Il-mod kif nipproteġu dawn ż-żoni huwa importanti wkoll. L-iskemi ta’ protezzjoni jeħtieġ li jippermettu li n-natura tirkupra. Dawn iż-żoni jistgħu jkunu wkoll l-akbar alleat tagħna fit-tnaqqis tal-gassijiet serra fl-atmosfera billi jservu bħala bjar ta’ karbonju, u biex ilaħħqu mal-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima.
Kemm fil-COP dwar il-klima kif ukoll fil-COP dwar il-bijodiversità, qed niddiskutu l-istess problema u l-istess soluzzjoni. It-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità huma żewġ sintomi tal-istess problema.
Aħna, fl-Ewropa u fid-dinja, qed nikkunsmaw aktar riżorsi milli tista’ tipprovdi l-pjaneta tagħna. Il-mod kif nipproduċu l-prodotti u s-servizzi li nikkunsmaw qed jikkawża t-tibdil fil-klima u qed issir degradazzjoni tad-dinja naturali. Il-kriżijiet reċenti xeħtu dawl ukoll fuq l-inugwaljanzi eżistenti, li sfortunatament qed jikbru, f’termini ta’ benefiċċji minn naħa waħda, u l-impatti fuq is-saħħa, il-vulnerabbiltajiet klimatiċi u l-għajxien f’riskju min-naħa l-oħra.
Illum, l-ispejjeż tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali jistgħu jkunu qed jaffettwaw lil xi wħud minna aktar minn oħrajn. Iżda aħna lkoll milquta u fuq medda twila ta’ żmien dawn l-impatti se jikbru sakemm ma nużawx dan id-deċennju kruċjali quddiemna biex inreġġgħu lura x-xejriet attwali. Dawn il-COPs iħeġġuna lkoll nieħdu azzjoni kuraġġuża u nuru solidarjetà mal-ħajja kollha fid-Dinja.
Futur ieħor huwa possibbli. Nistgħu naġġustaw u nadottaw drawwiet ġodda, nibnu sistemi ġodda. Flimkien, nistgħu niktbu storja oħra għall-pjaneta tagħna fejn ilkoll nibbenefikaw minn natura aktar b’saħħitha u klima stabbli u fejn irnexxielna nimminimizzaw ir-riskji u l-impatti. Fl-2030, nistgħu nkunu pass eqreb lejn dak il-futur.
Hans Bruyninckx
Direttur Eżekuttiv tal-EEA
Editorjal ippubblikat fil-Bulettin tal-EEA, Diċembru 2022
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/articles/il-klima-in-natura-u or scan the QR code.
PDF generated on 08 Oct 2024, 05:01 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn