Skart u riżorsi materjali
- Bulgarian (bg)
- Czech (cs)
- Danish (da)
- German (de)
- Greek (el)
- English (en)
- Spanish (es)
- Estonian (et)
- Finnish (fi)
- French (fr)
- Hungarian (hu)
- Icelandic (is)
- Italian (it)
- Lithuanian (lt)
- Latvian (lv)
- Maltese (mt)
- Dutch (nl)
- Norwegian (no)
- Polish (pl)
- Portuguese (pt)
- Romanian (ro)
- Slovak (sk)
- Slovenian (sl)
- Swedish (sv)
- Turkish (tr)
Abbażi tal-ġestjoni li biha jiġi ġestit, l-iskart jista’ jkollu impatt kemm fuq is-saħħa tal-bniedem kif ukoll fuq l-ambjent permezz ta’ emissjonijiet fl-arja, il-ħamrija, l-ilma tal-wiċċ u l-ilma ta’ taħt l-art. Iżda jista’ jirrappreżenta wkoll telf ta’ riżorsi materjali (permezz ta’ metalli u materjali riċiklabbli oħrajn), u għandu potenzjal bħala sors ta’ enerġija.
L-iskart huwa ġġenerat fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja materjali:
- estrazzjoni (skart tal-minjieri);
- produzzjoni u distribuzzjoni (skart industrijali, perikoluż u tal-imballaġġ);
- konsum ta’ prodotti u servizzi (muniċipali, u skart tat-tagħmir elettriku u elettroniku);
- trattament (eż. issortjar tar-residwi minn faċilitajiet ta’ riċiklaġġ, jew gagazza mill-inċineraturi).
Ġestjoni tajba tal-iskart tista’ tipproteġi s-saħħa pubblika u tkun ta' benefiċċju għall-ambjent filwaqt li tagħti l-għajnuna tagħha għall-konservazzjoni tar-riżorsi naturali.
Fl-2008, ġew iġġenerati madwar 5.2 tunnellata ta’ skart għal kull persuna fl-UE. Attivitajiet relatati mal-kostruzzjoni u demolizzjoni, il-minjieri u tal-barrieri, u l-manifattura huma l-akbar kontributuri, iżda kull sena, kull ċittadin tal-UE jiġġenera wkoll bejn wieħed u ieħor 444 kg ta’ skart domestiku.
Preċedentement, iż-żieda fil-konsum u x-xejra lejn djar iżgħar kienu fatturi ewlenin fil-ġenerazzjoni tal-iskart muniċipali. Iżda dawn il-fatturi jidhru li huma separati mill-ġenerazzjoni tal-iskart muniċipali: il-ġenerazzjoni tal-iskart muniċipali għal kull persuna fl-UE-27 stabbilizzat ruħha mill-1999 sal-2010. L-Istati Membri jvarjaw bil-kbir kemm f’termini tal-iżvilupp tagħhom ta’ ġenerazzjoni tal-iskart kif ukoll fid-daqs tiegħu.
L-UE rat bidla ċara fil-ġestjoni tal-iskart. Fl-2010, parti kbira (37%) mill-iskart solidu muniċipali (li jirrappreżenta 10% mill-iskart totali ġġenerat fl-UE) kien għadu qiegħed jintrema fil-miżbliet. Illum ix-xejra hija r-riċiklaġġ/il-kompost (38%), jew l-inċinerazzjoni b’irkupru tal-enerġija (21%), minflok, għal flussi ta’ skart differenti.
Ir-riċiklaġġ iħalli benefiċċji għall-ambjent billi jidderieġi l-iskart ’il bogħod mill-miżbliet, biex b’hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet li jniġġsu. Jgħin ukoll biex jissodisfa d-domanda materjali tal-produzzjoni ekonomika, hekk kif jillimita l-ħtieġa għall-estrazzjoni u l-irfinar tal-materja prima.
Ir-riċiklaġġ joffri wkoll benefiċċji ekonomiċi u soċjali importanti: jiġġenera tkabbir ekonomiku, irawwem l-innovazzjoni, jiġġenera l-impjiegi, u jgħin jassigura d-disponibbiltà ta’ riżorsi kritiċi. Ir-riċiklaġġ huwa vitali għal prijorità politika ewlenija Ewropea u globali: il-bidla lejn ekonomija ekoloġika li tiġġenera l-prosperità filwaqt li żżomm ambjent b’saħħtu u ekwità soċjali għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
Id-direttivi dwar l-iskart tal-UE jiskoraġġixxu r-rimi fil-miżbliet u jippromwovu r-riċiklaġġ/l-irkupru tal-iskart. Fattur importanti għall-importanza ekonomika dejjem tikber tar-riċiklaġġ hija ż-żieda fid-domanda għall-materja, speċjalment f’ekonomiji Ażjatiċi li qegħdin jisplodu.
Politiki tal-UE
L-istrumenti u l-istrateġiji legali l-aktar riċenti tal-UE jagħtu prijorità għall-prevenzjoni tal-iskart, jiġifieri d-diżakkoppjar tal-ġenerazzjoni tal-iskart mit-tkabbir ekonomiku u l-impatti ambjentali. Eżempji huma d-Direttiva Qafas riveduta dwar l-Iskart (WFD) (2008/98/KE), l-Istrateġija Tematika dwar il-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart u s-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-Komunità Ewropea (EAP).
Il-WFD tipprovdi l-qafas ġenerali għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-iskart fl-UE. Tintroduċi u tiddefinixxi kunċetti bażiċi u tistabbilixxi prinċipji ta’ ġestjoni tal-iskart bħall-ġerarkija tal-iskart (Fig. 1), fejn il-prevenzjoni tal-iskart hija l-għażla ppreferuta.
Figura 1: Ġerarkija tal-iskart
Il-WFD tobbliga lill-Istati Membri joħolqu programmi ta’ prevenzjoni tal-iskart sa mhux aktar tard mit-12 ta' Diċembru 2013. L-EEA hija mistiedna sabiex tirrevedi l-progress tal-pajjiżi fit-tlestija u fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi.
Il-WFD tistabbilixxi miri ta’ riċiklaġġ ambizzjużi għall-iskart tal-karti, il-plastik u l-ħġieġ mid-djar kif ukoll mill-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni.
Il-leġiżlazzjoni tal-UE tistabbilixxi wkoll rekwiżiti stretti għall-miżbliet u l-inċineraturi: il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet ta’ trattament tal-iskart huma regolati mid-Direttiva dwar il-Miżbliet (199/31/KE), id-Direttiva dwar l-Inċinerazzjoni tal-Iskart (2000/76/KE), u d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (2010/75/UE). Għal flussi ta’ skart speċjali (eż. l-iskart tal-imballaġġ, il-vetturi li ma għadhomx jintużaw u t-tagħmir elettriku u elettroniku tal-iskart), il-ġerarkija tal-iskart issarrfet f’miri konkreti favur ir-riċiklaġġ u/jew l-irkupru.
Approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja fit-tfassil tal-politika jiżgura li l-impatti jiġu vvalutati mill-bidu sal-aħħar, u jevita li l-impatti jiġu “moħbija” billi jmexxihom lejn pajjiżi jew stadji ta’ produzzjoni/konsum oħrajn.
Attivitajiet tal-EEA
Il-valutazzjonijiet tal-iskart tal-EEA għandhom l-għan li jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ politiki għall-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, inkluż l-implimentazzjoni ta’ strateġiji tematiċi dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, dwar il-prevenzjoni tal-iskart u r-riċiklaġġ, u tal-Pjan Direzzjonali lejn Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi.
L-attivitajiet jinkludu:
- valutazzjonijiet u rapporti perjodiċi dwar l-iskart (eż. ir-riżorsi materjali u l-valutazzjoni tematika tal-iskart fl-istat tar-rapport ambjentali (SOER) 2010, u r-riżorsi naturali u l-kapitolu dwar l-iskart fis-sinteżi tal-2010 tal-SOER);
- appoġġ għall-pajjiżi li jivvalutaw il-ġestjoni tal-iskart tagħhom (eż. il-valutazzjonijiet tal-pajjiżi għall-2010 tal-SOER dwar l-iskart)
- rapporti u valutazzjonijiet tematiċi dwar l-iskart (eż. ir-rwol tar-riċiklaġġ f'ekonomija ekoloġika; u vjaġġi transkonfinali ta' skart fl-UE).
- analiżi politika (eż. ġestjoni tal-iskart tal-imballaġġ, devjazzjoni tal-iskart mill-miżbliet, u Politiki Ewropej ta' riċiklaġġ fir-rigward tar-riċiklaġġ reali miksub);
- studji dwar il-prospettivi u x-xenarji (eż. il-benefiċċji tal-passat u tal-futur minn ġestjoni tal-iskart muniċipali fl-Ewropa);
- indikaturi dwar l-iskart, eż. ġenerazzjoni tal-iskart muniċipali, u ġenerazzjoni u riċiklaġġ tal-iskart tal-imballaġġ;
- analiżijiet u ġbir ta’ informazzjoni dwar il-politiki nazzjonali tal-pajjiżi membri tal-EEA (eż. skedi informattivi tal-pajjiżi dwar il-politiki tal-iskart);
- appoġġ għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-membri tal-EEA u l-pajjiżi li jikkooperaw (eż. b’workshops regolari);
- kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien fuq l-iskart.
Il-grupp ta’ produzzjoni u konsum sostenibbli tal-EEA jmexxi x-xogħol tal-aġenzija fuq l-iskart. L-attivitajiet jiġu implimentati permezz ta’ kooperazzjoni maċ-Ċentru Topiku Ewropew dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli (ETC/SCP) u b’kollaborazzjoni man-netwerk tal-pajjiżi tal-EEA, l-Eionet. L-Eurostat qiegħed jiġbor dejta dwar l-iskart; ilu jospita ċ-Ċentru tad-Dejta Ambjentali dwar l-Iskart sa mill-2008.
Prospettivi
L-EEA sejra tappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-membri tal-EEA u lill-pajjiżi li jikkooperaw b’għadd ta’ indikaturi ġodda dwar l-iskart u kunċett għar-reviżjoni tal-programmi ta’ prevenzjoni tal-iskart. Sejra tiffinalizza wkoll analiżi riċenti dwar it-taxxi fuq il-miżbliet, il-vjaġġi transkonfinali tal-iskart, kif ukoll il-potenzjal tar-riżorsi għall-metalli kritiċi fl-iskart elettroniku fl-Ewropa. Dawn l-attivitajiet sejrin jikkontribwixxu għal implimentazzjoni aħjar tal-politiki dwar l-iskart fl-UE. L-iskart huwa wkoll wieħed mill-oqsma ta’ prijorità għolja fil-proġetti ta’ kooperazzjoni internazzjonali tal-EEA mal-pajjiżi Ewropej ġirien.
Dokument Azzjonijiet
Jaqsmu ma 'oħrajn