Xi tfisser in-natura għalik? Tnediet il-kompetizzjoni tar-ritratti NATURE@work

Biddel il-lingwa
News Ippubblikat 14 Mar 2017 Mibdul l-aħħar 16 Mar 2017, 02:34 PM
In-natura taħdem ħafna biex tipproteġina u ssostnina fil-ħajja tagħna ta' kuljum - fatt li ħafna drabi ma napprezzawħx biżżejjed. In-natura għandha rwol importanti billi tipprovdilna arja nadifa, ilma tax-xorb nadif, ħwejjeġ, ikel u l-materja prima biex nibnu fejn noqogħdu. Benefiċċji oħra mhumiex daqshekk magħrufa, bħar-rwol li għandha fit-taffija ta’ l-effetti tal-bidla fil-klima. Biex nissottolinjaw ir-rwol importanti li għandha n-natura f'ħajjitna, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tistiednek tieħu sehem fil-kompetizzjoni tal-fotografija ‘NATURE@work’ bil-ħsieb li nuru l-benefiċċji li toffrilna n-natura.

Il-kompetizzjoni tal-fotografija annwali ta’ l-EEA timmira li tħeġġeġ lill-Ewropej biex isiru iktar konxji ta' kwistjonijiet ambjentali u l-kompetizzjoni ta' dis-sena tiffoka fuq ix-xogħol tan-natura. Kont taf li l-ispazji ħodor fil-bliet u madwarhom jgħinu fil-protezzjoni ta' djarna mill-għargħar billi jassorbu l-ilma żejjed ta’ l-għargħar, jew li s-siġar u l-parks urbani jgħinu biex ibaxxu t-temperaturi fiż-żoni urbani waqt mewġiet ta' sħana? Bil-ġmiel intrinsiku u r-rikkezza tad-diversità, in-natura hija wkoll sors ta' ispirazzjoni mhux biss għall-arti iżda wkoll għad-disinn ta' magni, djar u ħafna soluzzjonijiet innovattivi.

L-Unjoni Ewropea ilha impenjata fil-protezzjoni tan-natura u l-bijodiversità mis-sebgħinijiet. Dis-sena qed infakkru l-25 anniversarju ta’ l-adozzjoni ta' waħda mil-liġijiet ewlenin tal-protezzjoni tan-natura fl-UE, id-Direttiva ta’ l-Habitats. B'din il-leġiżlazzjoni, l-UE bniet l-ikbar netwerk ta' koordinazzjoni ta' żoni ta' protezzjoni fid-dinja permezz ta' Natura 2000, li tkopri 18% ta’ l-art ta’ l-UE u iktar minn 6% tat-territorji marittimi tagħha. Dawn l-isforzi huma appoġġjati minn LIFE, l-istrument finanzjarju tal-UE għall-ambjent, il-konservazzjoni tan-natura u l-proġetti ta' azzjoni dwar il-klima. L-UE hija attiva wkoll fis-sejbien ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura li jappoġjaw it-tkabbir ekonomiku, joħolqu x-xogħol u jtejbu l-benesseri tagħna.

Il-kompetizzjoni tal-fotografija ‘NATURE@work’ hija miftuħa għaċ-ċittadini Ewropej kollha minn 18-il sena 'l fuq u tistedinhom jissottomettu ritratti dwar kwalunkwe waħda minn dawn it-tliet temi:

  1. NATUREprovides (In-Natura tipprovdi): Tista' tieħu ritratt tal-benefiċċji li n-natura tipprovidilek u li inti tapprezza l-aktar?
  2. NATUREprotects (In-Natura tipproteġi): Qatt innutajt kif in-natura madwarek - fil-kampanja, fil-belt jew raħal tiegħek, tipproteġik?
  3. NATUREinspires (In-Natura tispira): Tista' tara xi ħaġa madwarek li ġiet ispirata min-natura?

 

Ir-rebbieħa f'kull kategorija t'hawn fuq ser jingħataw premju fi flus. Ir-ritratti kollha jistgħu jiġu murija mill-EEA u s-sħab tagħha fl-Ewropa kollha. Tista' tissottometti r-ritratti tiegħek sal-15 ta' Awwissu.

Għal aktar informazzjoni dwar kif tieħu sehem u r-regoli ta' kompetizzjoni (www.eea.europa.eu/competition)

Ir-rebbieħa tas-sena l-oħra tal-kompetizzjoni tal-fotografija ‘My City’ (http://www.eea.europa.eu/highlights/milan-uhersky-brod-nicosia-take)

Temporal coverage

Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
Kongens Nytorv 6
1050 Kopenħagen K
id-Danimarka
Telefown: +45 3336 7100