Lil hinn minn Pariġi: l-implimentazzjoni ta' ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 14 Nov 2016 Mibdul l-aħħar 06 Dec 2016, 03:20 PM
F'Diċembru li għadda f'Pariġi, id-dinja stabbilixxiet għaliha nfisha mira ambizzjuża: li tillimita ż-żieda fit-temperatura medja globali ferm inqas minn 2 gradi, filwaqt li timmira li tillimita ż-żieda għal 1.5 gradi ogħla mil-livelli pre-industrijali. Fis-summit tal-G20 aktar kmieni dan ix-xahar, iċ-Ċina u l-Istati Uniti ħabbru l-impenn formali tagħhom li jidħlu fil-ftehim ta' Pariġi. Dan huwa pass kbir 'il quddiem għall-isforz internazzjonali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u jiġi limitat it-tisħin globali. Madankollu, l-impenji attwali ta' tnaqqis magħmulin s'issa minn pajjiżi firmatarji mhumiex biżżejjed biex jilħqu din il-mira ambizzjuża.
Elena Georgiou, My City/EEA

Elena Georgiou, My City/EEA

Il-kontribuzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tal-mira ta' Pariġi huma stabbiliti fil-qafas ta’ l-UE ta’ l-enerġija u l-klima u implimentati permezz ta' serje ta' miżuri. Fl-20 ta' Lulju, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet pakkett ġdid ta' miżuri biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju fl-Ewropa, li għad irid jiġi approvat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

Il-pakkett huwa wieħed mill-passi konkreti proposti biex jinkiseb l-impenn ta’ l-Unjoni Ewropea li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tagħha b'40% sa l-2030 meta mqabbel mal-livelli ta’ l-1990. Il-proposti jinkludu tnaqqis vinkolanti fl-emissjonijiet għall-Istati Membri għall-perjodu 2021-2030 u, għall-ewwel darba, jipprevedu l-inklużjoni ta' użu ta’ l-art u l-forestrija fil-qafas ta’ l-UE tal-klima u l-enerġija 2030.

Il-pakkett ser isaħħaħ il-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija ta’ l-UE b'mod sinifikanti lejn it-trajettorja fit-tul ta’ l-UE lejn ekonomija kompetittiva b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju. Huwa jagħti ħarsa komprensiva lejn l-emissjonijiet mis-setturi kollha ta’ l-ekonomija: it-trasport, il-bini, l-agrikoltura, l-iskart, l-użu ta’ l-art u l-forestrija u jipprevedi tnaqqis fl-emissjonijiet fis-setturi ekonomiċi kollha. Huwa jibni wkoll fuq ir-riforma tas-Sistema ta’ l-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (EU ETS), proposta f'Lulju 2015, li tkopri l-emissjonijiet mis-setturi industrijali u ta’ l-enerġija.

Barra minn hekk, it-tnaqqis fl-emissjonijiet huwa previst li jiġi ffaċilitat permezz ta' numru ta' inizjattivi politiċi speċifiċi għas-settur jew pakketti usa', bħall-istrateġija ta' mobilità b'emissjonijiet baxxi jew il-pakkett tal-ekonomija ċirkolari.

Tfassil ta' approċċi sistematiċi u koerenti

Fi snin reċenti, ħafna mir-rapporti tagħna, inkluż  Europe’s environment – State and outlook 2015 (SOER) (L-Ambjent ta’ l-Ewropa - l-Istat u l-prospetti 2015), ripetutament enfasizzaw l-importanza vitali ta' approċċi sistematiċi. Il-problemi ambjentali tal-lum, inkluż it-tibdil fil-klima, jinvolvu grad għoli ta' kumplessità. Per eżempju, aħna ma nistgħux intejbu l-kwalità ta’ l-arja fl-Ewropa mingħajr trasport b'livell baxx ta' karbonju, bliet imfasslin aħjar, kooperazzjoni internazzjonali msaħħa biex nindirizzaw il-moviment transkonfinali ta’ l-inkwinanti ta’ l-arja, jew netwerk ta' spazji ħodor madwar żoni urbani. It-tibdil fil-klima jista' jaggrava wkoll it-tniġġis ta’ l-arja. L-istess huwa minnu wkoll għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Jeħtieġ li nindirizzaw l-emissjonijiet mis-setturi ekonomiċi kollha u nifhmu l-mudelli tal-produzzjoni u tal-konsum li jiġġeneraw dawn l-emissjonijiet. B'madwar 10 % ta’ l-emissjonijiet globali li bħalissa ġejjin mill-UE, jidher ċar li t-tnaqqis fl-emissjonijiet fl-Ewropa biss mhux ser isolvi din il-problema globali.

Bl-istess mod, il-valutazzjonijiet tagħna regolarment jenfasizzaw il-ħtieġa għal objettivi ta' politika konsistenti u fit-tul. L-introduzzjoni ta' bidliet fundamentali f'sistemi ewlenin tista' tieħu għexieren ta' snin. Il-bini ta' sistema ta' mobilità jew ta' enerġija nadifa u b'livell baxx ta' karbonju jeħtieġ investimenti sostanzjali fl-infrastruttura u r-riċerka dwar teknoloġiji nodfa. Politiki inkonsistenti mingħajr objettivi ċari x'aktarx jimpedixxu l-investimenti f'soluzzjonijiet innovattivi.

Miżuri, investimenti u għarfien

Fl-isfond ta' dan il-qafas ta' politika ta’ l-UE u sinjali inkoraġġanti mill-akbar emittenti tal-gassijiet b'effett ta' serra fid-dinja, l-isfidi li ġejjin jistgħu jinġabru fi tliet raggruppamenti.

L-ewwel raggruppament jikkonsisti f'inputs ta' għarfien. Deċiżjonijiet politiċi sodi jiddependu fuq l-għarfien ibbażat fuq l-evidenza ta' xejriet tal-passat u projezzjonijiet futuri. F'din it-tranżizzjoni, jidher ċar li ser ikollna bżonn dejjem aktar għarfien prospettiv biex jiggwida d-deċiżjonijiet tal-politika tagħna. F'dan il-kuntest, l-EEA għandha l-għan li tipprovdi aktar ċarezza dwar il-kumplessità ambjentali.

It-tieni, hemm l-isfidi relatati ma' interventi u miżuri. Il-qafas ta' politika ta’ l-UE jeħtieġ li jiġi tradott f'inizjattivi konkreti u azzjonijiet fuq il-post minn awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha fl-Istati Membri ta’ l-UE. Dan jeħtieġ koerenza fil-politika u għanijiet fit-tul simili għal dik Ewropea. Implimentazzjoni sħiħa mal-politiki u l-miżuri nazzjonali Membri hija essenzjali.

It-tielet, l-isfidi fir-rigward ta’ l-investimenti jimplikaw li tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju ma tistax tinkiseb permezz ta' investimenti pubbliċi biss. L-investimenti privati jeħtieġ li jiġu mobilizzati wkoll għal proġetti ta' infrastruttura nadifa u riċerka f'teknoloġiji nodfa.

Fil-COP21, f'Pariġi, l-atturi tas-soċjetà ekonomiċi u ċivili kienu strumentali għall-mobilizzazzjoni tan-negozjaturi lejn il-mira aktar ambizzjuża ta' 1.5 grad. Huma ser ikollhom ukoll rwol ewlieni x'jaqdu fl-implimentazzjoni ta' miżuri, id-direzzjoni ta’ l-investimenti u l-kontribuzzjoni għall-għarfien li għandna bżonn.

 

Hans Bruyninckx

Direttur Eżekuttiv tal-EEA

Kontenut relatat

Related briefings

Ara wkoll

Geographic coverage

Austria, Belgium, Bulgaria, Croatia, Cyprus, Czechia, Denmark, Estonia, Finland, France, Germany, Greece, Hungary, Ireland, Italy, Latvia, Lithuania, Luxembourg, Malta, Netherlands, Poland, Portugal, Romania, Slovakia, Slovenia, Spain, Sweden, United Kingdom
Dokument ta’ Azzjonijiet
Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
Kongens Nytorv 6
1050 Kopenħagen K
id-Danimarka
Telefown: +45 3336 7100