Sistema Komuni ta' Informazzjoni Ambjentali (SEIS)

Biddel il-lingwa
Page Mibdul l-aħħar 09 Aug 2016, 03:15 PM
Is-"Sistema Komuni ta' Informazzjoni Ambjentali (SEIS)" – ġiet stabbilita biex ittejjeb il-ġbir, l-iskambju u l-użu ta’ dejta ambjentali u informazzjoni fl-Ewropa kollha. Is-SEIS għandha l-għan li toħloq sistema ta’ informazzjoni ambjentali integrata, li tista’ tiġi attivata onlajn (web-enabled), u għall-Ewropa kollha billi tissimplifika u timmodernizza sistemi u proċessi ta’ informazzjoni eżistenti.

X’inhi SEIS?

Storja:  Fi Frar 2008, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (KE) "Lejn Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS)" ipproponiet soluzzjoni għall-isfida ta’ l-informazzjoni ambjentali ta’ l-Ewropa.  Minn dakinhar, SEIS saret inizjattiva kollaborattiva tal-KE flimkien maż-ŻEE u t-39 pajjiż tal-Eionet (Netwerk Ewropew għall-informazzjoni u l-osservazzjoni ambjentali). Fil-fatt, l-implimentazzjoni ta’ SEIS ilha fil-qalba tax-xogħol tagħna sa mill-2009 u għadha tirfed il-Programm ta’ Ħidma Multiannwali 2014-2018 u x-xogħol tagħna ta’ kuljum.

Miri:  SEIS għandha l-għan li toħloq sistema ta’ informazzjoni ambjentali mtejba għall-Ewropa. Hija l-ixprunatur ewlieni għat-tkabbir tal-bażi tat-tagħlim tagħna u tintegra minjiera ta’ informazzjoni mill-Eionet u minn netwerks u sieħba oħra, xjenza taċ-ċittadini, crowd sourcing, u inizjattivi ġodda ta’ ġbir ta’ informazzjoni ambjentali bħal Copernicus.  Dawn l-għanijiet huma mirfuda minn netwerk ta’ fornituri ta’ informazzjoni pubblika li jaqsmu d-dejta u l-informazzjoni ambjentali tagħhom.  SEIS tgħin tissimplifika, tiffaċilita u timmodernizza l-proċessi u s-sistemi eżistenti tagħhom, u tagħmilhom li jistgħu jiġu attivati onlajn (web-enabled).  Hija sistema deċentralizzata għalkemm integrata li ttejjeb il-kwalità, id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-fehim ta’ informazzjoni ambjentali.

SEIS hija wkoll dwar bidla fl-approċċ, minn pajjiżi jew reġjuni individwali li jirrapportaw dejta lil organizzazzjonijiet internazzjonali speċifiċi, għall-ħolqien tas-sistemi onlajn tagħhom b’servizzi li jagħmlu informazzjoni disponibbli għal utenti multipli - kemm persuni kif ukoll magni. Bidla bħal din issir f’fażijiet, sabiex jiġi żgurat li SEIS tibqa’ xprunatur għall-aċċess għall-informazzjoni ambjentali u l-integrazzjoni tagħha fl-ekonomija bbażata fuq l-għarfien.

Seba’ prinċipji ta' SEIS:  SEIS hija bbażata fuq 'prinċipji'.  L-informazzjoni għandha tkun:

  1. Immaniġġjata kemm jista’ jkun qrib possibbli tas-sors tagħha.
  2. Tinġabar darba u tiġi kondiviża ma’ oħrajn għal diversi finijiet.
  3. Disponibbli immedjatament sabiex taqdi faċilment l-obbligi ta’ rappurtar.
  4. Aċċessibbli faċilment għall-utenti kollha.
  5. Aċċessibbli sabiex tippermetti paraguni fl-iskala ġeografika xierqa u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini.
  6. Disponibbli għal kollox għall-pubbliku ġenerali u fil-livell nazzjonali fil-lingwa(i) nazzjonali rilevanti.
  7. Appoġġjata minn standards ta’ softwer komuni, b’xejn u miftuħ.

 

Għan ewlieni trasversali ta’ SEIS huwa li tipprovdi aċċess għal informazzjoni ambjentali, u timmassimizza u tespandi l-użu tagħha. L-informazzjoni ħafna drabi hija maħluqa biex isservi għan wieħed, iżda ġeneralment hemm ħafna potenzjal għal użi oħra. L-applikazzjoni tal-prinċipji SEIS tagħmel dan iktar faċli. Pereżempju, informazzjoni dwar għargħar, filwaqt li hija meħtieġa sabiex jiġu miġġielda impatti potenzjali ta’ għargħar, hija importanti ħafna wkoll għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni u għal dawk li se jixtru dar sabiex jevalwaw ir-riskji tal-proprjetà.

Opportunitajiet teknoloġiċi:  B’mod ċar, SEIS teħtieġ li tieħu vantaġġ u trawwem l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICTs).  ICTs qed jagħmluha dejjem iktar faċli li l-informazzjoni tiġi kondiviża, kemm bejn individwi, gruppi magħluqa u komunitajiet sħaħ onlajn.  Eżempji ta’ ICTs jinkludu sensers, satelliti, servizzi ta’ mapep interattivi, servizzi onlajn u applikazzjonijiet tal-mowbajl.

ICTs huma partikolarment importanti sabiex jipprovdu dejta f’ħin reali li tista’ tintuża għal deċiżjonijiet immedjati — minn gvernijiet nazzjonali li jimmaniġġjaw emerġenzi sa ċittadini li jippjanaw il-ġurnata tagħhom abbażi ta’ informazzjoni dwar it-temp lokali jew il-kundizzjonijiet tat-traffiku.

Spejjeż imnaqqsa:  Tnaqqis fil-piż amministrattiv ta’ awtoritajiet pubbliċi, u l-iffrankar assoċjat tal-ispejjeż minn effiċjenzi mtejba, huma benefiċċji addizzjonali ta’ SEIS.  Pereżempju, sistemi elettroniċi awtomatiċi qed jibdew jissostitwixxu ħafna mir-riżorsi umani li issa huma ddedikati għall-iskambju ta’ informazzjoni 

Tliet pilastri:  SEIS funzjonali għandha tkun strutturata fuq tliet pilastri: kontenut, infrastruttura u kooperazzjoni.  L-ewwel, is-sistema jeħtieġ li tidentifika t-tipi ta’ kontenut (dejta) meħtieġ, kif ukoll sorsi potenzjali.  It-tieni, infrastruttura teknika effettiva li tista’ tiġi attivata onlajn (web-enabled) li tieħu vantaġġ sħiħ mill-iktar ICTs avvanzati, inklużi servizzi onlajn (fejn magni jitkellmu ma’ xulxin mingħajr il-bżonn ta’ l-involviment tal-bniedem li jiswa ħafna flus u huwa inqas effiċjenti.  It-tielet, l-istruttura ta’ kooperazzjoni u governanza hija meħtieġa sabiex timmaniġġja r-riżorsi umani, l-inputs u n-netwerking.

Ħafna applikazzjonijiet:  L-applikazzjoni tas-seba’ prinċipji u t-tliet pilastri ta’ SEIS qed issir dejjem iktar rilevanti u neċessarja għal kwalunkwe netwerk ibbażat fuq il-kondiviżjoni ta’ l-informazzjoni, inkluż l-Eionet taż-ŻEE. 

Iż-ŻEE qed timmodernizza s-sistema ta’ informazzjoni proprja tagħha abbażi tal-prinċipji SEIS. Iż-ŻEE tipprovdi dejta assoċjata bħala parti mis-servizz ta’ dejta semantika, iżżomm map viewers interattivi u kollaborattivi u ġeneralment tippromwovi Stat tal-Informazzjoni Ambjentali onlajn u aġġornat permezz tas-sit elettroniku tagħha.

Inizjattivi relatati oħrajn ta’ SEIS li huma ta’ rilevanza llum:

Copernicus - timplimenta servizzi ta’ monitoraġġ li joffru l-potenzjal ta’ dejta ta’ osservazzjoni tad-Dinja

INSPIRE - ittejjeb l-aċċess u l-istandardizzazzjoni ta’ dejta ambjentali għal integrazzjoni aħjar

ENI – l-estensjoni ta’ SEIS għall-viċinat Ewropew

GEO/GEOSS - bini ta’ Sistema tas-Sistemi ta’ l-Osservazzjoni Globali tad-Dinja

UN-GGIM – tipprovdi dejta u informazzjoni għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti

Għal iktar informazzjoni dwar SEIS:

Kontenut relatat

Aħbarijiet u artikoli

Pubblikazzjonijiet relatati

Ara wkoll

Geographic coverage

Europe
Dokument ta’ Azzjonijiet
Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
Kongens Nytorv 6
1050 Kopenħagen K
id-Danimarka
Telefown: +45 3336 7100