li jmiss
preċedenti
punti

Dwar l-istrumenti politiċi

Page Mibdul l-aħħar 21 Apr 2016
This page was archived on 02 Dec 2015 with reason: Content is outdated
Il-linji politiċi għandhom rwol ewlieni fid-determinazzjoni tal-istat tal-ambjent tagħna. L-UE għandha 35 sena esperjenza ta' tfassil ta' politika, f'liema żmien iddaħħlu fis-seħħ aktar minn 200 att legali u ġew iddefiniti linji strateġiċi. Fil-bidu, il-politika ffukat fuq ir-regolamentazzjoni tal-istandards tekniċi. Gradwalment, il-firxa tal-istrumenti ta' politika twessgħat, filwaqt li ġie rikonoxxut li m'hemm l-ebda għodda politika universali waħdanija li tista' tipprovdi s-soluzzjoni għall-problemi kollha. Is-sitt pjan ta' azzjoni ambjentali tal-UE jippromwovi taħlita ta' strumenti: ir-rekwiżiti legali (miżuri ta' 'kmand u kontroll'), it-trasferiment ta' teknoloġija, l-istrumenti bbażati fuq is-suq, ir-riċerka, id-dispożizzjonijiet ta' respsonsabilità ambjentali, l-akkwist pubbliku favur l-ambjent u l-iskemi u ftehim volontarji. L-istudji tal-effikaċja tal-politika tal-UE juru li l-istruttura istituzzjonali tista' tkun importanti daqs it-tfassil tal-politika nnifisha.

Il-pakkett ta' leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE huwa rikonoxxut bħala wieħed mill-aktar b'saħħtu fid-dinja. Dan jaħdem - meta jiġi implimentat u infurzat b'mod sħiħ. Mingħajru, l-ambjent tagħna jidher differenti mhux ħażin. Aħna naddafna l-ilma u l-arja tagħna, ftit ftit neħħejna xi sustanzi ta' dannu għall-ożonu u rduppjajna r-rati tar-riċiklaġġ tal-iskart. Il-karozzi tagħna jniġġsu inqas; mingħajr l-iżviluppi li saru permezz tal-konvertituri katalitiċi matul l-20 sena li għaddew, xi emissjonijiet kienu jkunu għaxar darbiet aktar mil-livell li huma bħalissa.

Illum, l- Istrateġija tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli tipprovdi l-qafas legali fit-tul li jkopri kollox, immirata lejn sinerġiji bejn l-għanijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali. It-Trattat tal-UE jitlob li l-ħarsien ambjentali jkun integrat fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-linji politiċi kollha tal-Komunità, bħall-enerġija, l-agrikoltura u t-trasport. Din 'l-integrazzjoni ambjentali' tgħin sabiex tipprevjeni l-problemi mill-bidu minflok tuża soluzzjonijiet 'tal-aħħar minuta' biss.

L-UE qed taħdem fuq approċċ aktar integrat għat-tfassil tal-politika, iggwidata bil-prinċipji tal- valutazzjoni tal-impatt u r-regolamentazzjoni aħjar. Dan jinkludi wkoll ir-rakkomandazzjonijiet sabiex tittejjeb il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fl-immaniġġjar tal-effetti li jħallu fuq xulxin ix-xjenza, t-teknoloġiji u s-soċjetà - prerekwiżiti għall-applikazzjoni tal-prinċipju prekawzjonali.

Strumenti bbażati fuq is-suq bħall-permessi negozjabbli ta' sustanzi li jniġġsu u t-taxxi ambjentali qed jitilgħu 'l fuq fl-aġenda tal-UE. Dawn għandhom l-għan li jġibu l-ispejjeż ambjentali u tas-saħħa tal-attivitajiet ekonomiċi fi prezzijiet tas-suq u sabiex ipoġġu prezz fuq l-użu tar-riżorsi naturali bħall-arja, l-ilma u l-ħamrija. Eżempji riċenti huma l-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emmissjoni u t-tassazzjoni ambjentali armonizzata bħad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Prodotti tal-Enerġija u d-Direttiva 'Eurovignette' għat-trasport tal-merkanzija. L-eliminazzjoni ta' sussidji li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent hija wkoll prijorità. Il- Green Paper tal-2007 dwar strumenti bbażati fuq is-Suq għal skopijiet tal-ambjent u l-politika relatata, issaħħaħ l-idea ta' riforma fit-taxxa ambjentali, jiġifieri il-bidla minn tassazzjoni fuq ix-xogħol għal tassazzjoni ambjentali.

'Is-Soċjaliżmu naqas milli jgħid il-verità ekonomika. Il-Kapitaliżmu jista' jonqos milli jgħid il-verità ekoloġika' (Lester Brown, Fortune Brainstorm Conference, 2006).

Permalinks

Dokument ta’ Azzjonijiet