All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Inħossu li ttrattajna l-kwistjonijiet dwar il-kwalità tal-arja tajjeb ħafna fl-ibliet il-kbar. Eżempju wieħed juri dan perfettament: il-projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq u l-bejgħ ta’ fjuwil bituminuż (jew fumigat) f’Dublin fl-1990. Kollegi tar-riċerka medika ħarsu lejn l-effetti ta’ din id-deċiżjoni, u nnutaw li 360 mewta li setgħet tiġi pprevenuta ġew evitati f’Dublin kull sena mill-1990.
Madankollu, bliet ta’ daqs medju xorta għandhom kwalità tal-arja ħażina, u l-awtoritajiet issa qegħdin iħarsu lejn leġiżlazzjoni ġdida biex jittrattaw dan bit-twessiegħ tal-projbizzjoni fuq il-bejgħ ta’ fjuwil bituminuż lill-ibliet żgħar ukoll.
Fl-Irlanda, id-Dipartiment tal-Ambjent, tal-Komunità u tal-Gvern Lokali huwa l-korp uffiċjali li jittratta l-kwalità tal-arja u kwistjonijiet relatati. Sadanittant l-Aġenzija għall-Protezzjoni Ambjentali (Irlandiża) taġixxi bħala l-fergħa operazzjonali ta’ dak id-Dipartiment. Hemm responsabbiltajiet definiti b’mod ċar bejn id-Dipartiment u l-Aġenzija fir-rigward ta’ kif gwida dwar oqsma ta’ politika rilevanti tgħaddi għal-livell tal-awtorità lokali.
Dublin hija mikrokożmu ta’ bliet kbar oħrajn madwar l-Unjoni Ewropea. Jeżistu ħafna similaritajiet f’termini ta’ kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu trattati. L-obesità, il-kanċer, u problemi kardjovaskolari huma l-kwistjonijiet primarji tas-saħħa pubblika mal-UE, inkluża l-Irlanda.
Il-Kunsill irrikonoxxa li ħafna mix-xogħol li jagħmel huwa rilevanti għas-saħħa pubblika. Eżempju wieħed li naħseb ta’ min wieħed iqajjem huwa proġett fejn għaqqadna l-kwalità tal-arja u l-parteċipazzjoni pubblika. Il-proġett twettaq diversi snin ilu flimkien maċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-UE. Bl-isem ta’ “People Project” (Proġett tan-Nies), dan żvolġa tul sitt ibliet Ewropej u ħares lejn is-sustanza karċinoġena li tniġġes l-arja, il-benżen. Wara rispons li għalih kien hemm abbonament eċċessiv għal volontiera fuq programm nazzjonali fuq ir-radju, ħarriġna lil persuni biex iwettqu l-kompitu ta’ strumenti ta’ monitoraġġ li jimxu u jitkellmu dwar il-kwalità tal-arja. Dawn libsu tesseri tal-benżen sabiex setgħu jimmonitorjaw l-esponiment tagħhom għall-benżen f’ġurnata partikolari. Imbagħad ħarisna lejn il-livelli tal-kwalità tal-arja u kif l-imġiba tagħhom ta’ kuljum kellha impatt fuq saħħithom.
Il-volontiera kollha ngħatalhom feedback mir-riżultati tagħhom. Aneddotu ħelu minn dan il-proġett kien l-aħbar serja li jekk tixtieq tnaqqas l-esponiment tiegħek għall-karbonju aromatiku poliċikliku, aġent li jikkawża l-kanċer, m’għandekx taqli l-bejken! Volontier wieħed li kien jaħdem mal-grill tal-bejken f’kafetterija lokali kellu livelli għoljin ħafna ta’ esponiment.
Il-punt serju minn dan l-aneddotu huwa li għandha nħarsu lejn l-interazzjoni ta’ sustanzi li jniġġsu kemm fil-magħluq kif ukoll fuq barra, f’kombinazzjoni.
Eżempju wieħed jispikka b’mod ċar — il-projbizzjoni fuq it-tipjip fl-2004. L-Irlanda kienet l-ewwel pajjiż fid-dinja biex tipprojbixxi t-tipjip fil-postijiet tax-xogħol. Din il-projbizzjoni ppermettiet li niffukaw fuq il-kwistjoni tal-esponiment fuq il-post tax-xogħol filwaqt li tejbet il-kwalità tal-arja.
Huwa interessanti minbarra dan li ninnutaw li industrija waħda li sofriet minn din il-projbizzjoni, li forsi kien ikun diffiċli li wieħed ibassar, kienet l-industrija tad-dry clean. In-negozju tagħhom naqas mill-2004 purament minħabba l-projbizzjoni fuq it-tipjip. Għalhekk xi drabi jista’ jkollok impatti li ma tkunx ipprevedejt.
L-infurmar taċ-ċittadini huwa parti essenzjali mill-inizjattivi tagħna u x-xogħol tagħna minn jum għall-ieħor. Il-Kunsill tal-Belt ta’ Dublin jipproduċi rapporti annwali li jipprovdu sommarju tal-kwalità tal-arja għas-sena preċedenti. Dawn ir-rapporti kollha jinstabu onlajn. Barra minn hekk, l-EPA (Irlandiż) għandu netwerk tal-monitoraġġ tal-arja, li jikkondividi informazzjoni mal-awtoritajiet lokali u maċ-ċittadini.
Eżempju ieħor, li huwa uniku għal Dublin, huwa proġett introdott din is-sena bl-isem ta’ Dublinked, li jiġbor informazzjoni mill-Kunsill u jqiegħdha għad-dispożizzjoni pubblika. Din tista’ tkun dejta ġġenerata mill-awtoritajiet lokali, minn kumpaniji privati li jagħtu servizzi fil-belt, u minn residenti. Fil-Komunikazzjoni tagħha mill-2009, il-Kummissjoni Ewropea tinnota li l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni mis-settur pubbliku għandu valur stmat ta’ EUR 27 miljun. Dan huwa wieħed mill-inizjattivi tal-Kunsill tal-Belt biex jerġa’ jagħti bidu għall-ekonomija.
Il-Kunsill tal-Belt ta’ Dublin kien involut wara stedina mill-AEA u mill-Kummissjoni Ewropea. Rajna l-proġett bħala opportunità biex nikkondividu mudelli ta’ prattika tajba u biex nitgħallmu mill-kondiviżjoni ta’ esperjenzi rilevanti.
Permezz tal-proġett, innutajna kemm kienu avvanzati bliet oħra fl-iżvilupp ta’ inventarji ta’ emissjonijiet, u f’li jkollhom mudell tal-kwalità tal-arja għall-belt tagħhom. Għalhekk dan kien inċentiv biex il-Kunsill tal-Belt ta’ Dublin jagħmel progress fejn jidħlu dawk il-kompiti. Imbagħad ħassejna li ma kienx ta’ valur tajjeb għall-flus jekk il-Kunsill waħdu ħares lejn inventarju tal-emissjonijiet u l-ħolqien ta’ mudell tal-kwalità tal-arja. Għalhekk poġġejna bilqiegħda mal-Aġenzija Irlandiża għall-Protezzjoni Ambjentali biex inħarsu lejn mudell nazzjonali li kien qiegħed jiżviluppa, li seta’ jintuża wkoll f’livell reġjonali. Imbagħad bdejna naħdmu fuq dak.
Martin Fitzpatrick huwa Uffiċjal Prinċipali għas-Saħħa Ambjentali fil-monitoraġġ tal-kwalità tal-arja u l-unità tal-istorbju tal-Kunsill tal-Belt ta’ Dublin, fl-Irlanda.
Il-proġett pilota għall-implimentazzjoni tal-arja jiġbor bliet madwar l-Ewropa biex jilħqu ftehim aħjar tas-saħħiet, l-isfidi u l-ħtiġiet tal-ibliet, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja u suġġetti dwar il-kwalità tal-arja inġenerali. Il-proġett pilota jitmexxa konġuntement mad-Direttorat Ġenerali dwar l-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. L-ibliet li qegħdin jipparteċipaw fil-proġett jinkludu Antwerp, Berlin, Dublin, Madrid, Malmö, Milan, Pariġi, Ploiesti, Plovdiv, Praga u Vjenna. Ir-riżultati tal-proġett pilota ser jiġu ppubblikati aktar tard fl-2013.
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/sinjali/signals-2013/intervista/dublin-jittratta-l-impatti-fuq or scan the QR code.
PDF generated on 31 Mar 2023, 09:32 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 12 March 2023 21:56 from version 23.1.28
Software version: EEA Plone KGS 23.3.11
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn