All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
It-tisħin globali jwassal għal perjodi twal ta’ nixfa. In-nixfa tiffavorixxi għadd dejjem jiżdied ta’ nirien forestali.
Ivan Beshev, Bulgarija (ImaginAIR)
Fl-2009, tim konġunt Ingliż u Ġermaniż ta’ riċerkaturi wettqu riċerka lil hinn mix-xatt tan-Norveġja b’tip ta’ sonar normalment użat biex ifittex il-ħut. It-tim ma kienx hemm biex ifittex il-ħut iżda biex josserva wieħed mill-gassijiet b’effett ta’ serra l-aktar b’saħħithom, il-metan, rilaxxat mill-qiegħ tal-baħar li qiegħed “jinħall”. L-iskoperti tagħhom kienu biss waħda mill-ħafna twissijiet matul iż-żmien dwar l-impatti potenzjali tat-tibdil fil-klima.
Fir-reġjuni viċin il-poli, parti mill-massa tal-art jew mill-qiegħ tal-baħar hija ffriżata b’mod permanenti. Skont xi estimi, dan is-saff — magħruf bħala permafrost — jikkontjeni darbtejn l-ammont ta’ karbonju li jinstab fil-preżent fl-atmosfera. Taħt kondizzjonijiet iktar sħan, dan il-karbonju jista’ jiġi rilaxxat minn bijomassa li tkun qiegħda titħassar jew bħala dijossidu tal-karbonju jew bħala metan.
“Il-Metan huwa gass b’effett ta’ serra aktar minn 20 darba iktar b’saħħtu mid-dijossidu tal-karbonju,” jwissi l-Professur Peter Wadhams mill-Università ta’ Cambridge. “Għaldaqstant issa qegħdin nirriskjaw li niffaċċjaw aktar tisħin globali u tidwib iktar veloċi fl-Artiku”.
L-emissjonijiet tal-metan jirriżultaw minn attivitajiet tal-bniedem (l-aktar l-immaniġġjar tal-agrikoltura, tal-enerġija u tal-iskart) u sorsi naturali. Hekk kif jiġi rilaxxat fl-atmosfera, il-metan għandu ħajja ta' madwar 12-il sena. Għalkemm huwa kkunsidrat bħala gass relattivament b’għomru qasir, il-ħajja tiegħu għadha xorta twila biżżejjed biex jiġi ttrasportat lejn reġjuni oħra. Minbarra li huwa gass b’effett ta’ serra, il-metan huwa wkoll kontributur għall-formazzjoni tal-ożonu troposferiku, li fih innifsu huwa sustanza maġguri li tniġġes u li teffettwa s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent fl-Ewropa.
Id-dijossidu tal-karbonju jista’ jkun l-aktar responsabbli għat-tisħin globali u għat-tibdil fil-klima iżda mhuwiex l-uniku wieħed. Ħafna komposti gassużi jew ta' partikulati oħra, magħrufa bħala “forzaturi il-klima”, għandhom influwenza fuq l-ammont ta’ enerġija solari (inkluża s-sħana) li d-Dinja żżomm u l-ammont li tirrifletti lura fl-ispazju. Dawn l-aġenti li jisfurzaw il-klima jinkludu sustanzi ewlenin li jniġġsu l-arja bħall-ożonu, il-metan, materja partikulata u l-ossidu nitruż.
Il-materja partikulata hija sustanza kumplessa li tniġġes. Skont il-kompożizzjoni tagħha jista’ jkollha effett li tkessaħ jew li ssaħħan il-klima lokali u globali. Pereżempju, l-iswed tal-karbonju, wieħed mill-kostitwenti ta’ PM fina huwa riżultat tal-ħruq inkomplet tal-fjuwils, jassorbi radjazzjoni solari u infraħamra fl-atmosfera u għaldaqstant għandu effett li jsaħħan.
Tipi oħra ta’ PM li jikkontjenu komposti tal-kubrit jew tan-nitroġenu għandhom l-effett oppost. Għandhom it-tendenza jaġixxu bħala mirja żgħar, u jirriflettu l-enerġija tax-xemx biex b’hekk iwasslu biex ikessħu. F’termini sempliċi, jiddependi fuq il-kulur tal-partikula. Partikuli “bojod” għandhom it-tendenza li jirriflettu d-dawl tax-xemx, filwaqt li partikuli “suwed” u “kannella” jassorbuh.
Fenomenu simili iseħħ fuq l-art. Xi wħud mill-partikuli jiddepożitaw bix-xita u bil-borra jew sempliċiment jaqgħu fuq l-art. Iżda l-iswed tal-karbonju jista’ jivvjaġġa kemxejn fit-tul mill-post tal-oriġini tiegħu u jsib ruħu fuq kisja borra u silġ. Fi snin riċenti, depożiti tal-iswed tal-karbonju fl-Artiku sewdu ħafna s-superfiċji bojod u naqqsu r-rata li biha jirriflettu, li jfisser li l-pjaneta tagħna żżomm aktar sħana. B’din is-sħana addizzjonali, id-daqs tas-superfiċji bojod qiegħed dejjem jonqos aktar malajr fl-Artiku.
Huwa ta’ interess, li ħafna proċessi klimatiċi huma kkontrollati mhux b’kostitwenti maġġuri tal-atmosfera tagħna iżda b’xi gassijiet li jinsabu biss f’ammonti żgħar ħafna. L-aktar komuni ta’ dawn hekk magħrufa bħala traċċi ta’ gass, id-dijossidu tal-karbonju, jikkostitwixxi biss 0.0391 % tal-arja. Kwalunkwe varjazzjoni f’dawn l-ammonti żgħar ħafna għandha l-qawwa teffettwa u tbiddel il-klima tagħna.
Il-“kulur” tagħhom mhuwiex l-uniku mezz li bih partikuli sospiżi fl-arja jew depożitati fuq l-art jistgħu jeffettwaw il-klima. Parti mill-arja tagħna tikkonsisti fi fwar tal-ilma — molekoli żgħar ta' ilma sospiżi fl-arja. Fil-forma aktar kondensata tagħhom, nafuhom bħala sħab. U l-partikoli għandhom rwol importanti f’kif iseħħ is-sħab; kemm idum; kemm jista’ jirrifletti radjazzjoni solari; x’tip ta’ preċipitazzjoni jistgħu jiġġeneraw u fejn; eċċ. Is-sħab huma bl-aktar mod ovvju essenzjali għall-klima tagħna; il-konċentrazzjonijiet u l-kompożizzjoni ta’ materja partikulata jistgħu infatti jbiddlu l-ħin u l-post ta’ mudelli tradizzjonali tax-xita.
Tibdil f’ammonti u f’mudelli ta’ preċipitazzjoni għandhom spejjeż ekonomiċi reali u soċjali, minħabba li x’aktarx jeffettwaw il-produzzjoni globali tal-ikel u b’konsegwenza il-prezzijiet tal-ikel.
Ir-rapport tal-AEA "Tibdil fil-klima, impatti u vulnerabbiltà fl-Ewropa 2012" juri li r-reġjuni kollha fl-Ewropa huma effettwati minn tibdil fil-klima, biex b’hekk tkun ikkawżata firxa wiesgħa ta’ impatti fuq is-soċjetà, l-ekosistemi u s-saħħa tal-bniedem. Skont ir-rapport, temperaturi medji ogħla kienu osservati fl-Ewropa, u dan flimkien ma’ preċipitazzjoni li qiegħda tonqos fir-reġjuni tan-nofs in-nhar u preċipitazzjoni li qiegħda tiżdied fl-Ewropa ta’ Fuq. Barra minn hekk, krosti tas-silġ u glaċieri qegħdin idubu u l-livelli tal-baħar qegħdin jogħlew. Dawn ix-xejriet huma kollha mistennija jkomplu.
(c) Dovile Zubyte, ImaginAIR/EEA
Għalkemm m’għandniex għarfien komplet ta’ kif il-klima tagħna tista’ teffettwa l-kwalità tal-arja u viċi versa, riċerka riċenti tindika li din ir-relazzjoni reċiproka tista’ tkun iktar b’saħħitha milli kien stmat qabel. Fil-valutazzjonijiet tiegħu mill-2007, il-Panel Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima — il-korp internazzjonali stabbilit biex jivvaluta tibdil fil-klima — jipprevedi tnaqqis fil-kwalità tal-arja fi bliet fil-ġejjieni minħabba tibdil fil-klima.
F’ħafna reġjuni tul id-dinja, it-tibdil fil-klima hu mistenni jeffettwa lit-temp lokali, inkluża l-frekwenza ta’ mwieġ ta’ sħana u episodji ta’ arja staġnata. Aktar dawl tax-xemx u temperaturi iktar sħan mhux biss jistgħu jipprolongaw il-perjodi ta’ żmien li fihom huma elevati l-livelli tal-ożonu, iżda jistgħu wkoll iżidu aktar il-konċentrazzjonijiet għoljin tal-ożonu. Dawn mhumiex ċertament aħbarijiet tajbin għall-Ewropa t’isfel, li qiegħda diġà tissielet ma’ episodji eċċessivi ta’ ożonu troposferiku.
Diskussjonijiet internazzjonali dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima qablu li t-temperatura globali medja tiżdied b’limitu ta’ 2° Celsius aktar mil-livelli tal-era pre-industrijali. Għad mhuwiex ċert jekk id-dinja hijiex ser tirnexxi f’li tnaqqas emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra biżżejjed biex tilħaq il-mira ta’ 2-gradi. Fuq il-bażi ta’ diversi trajjetorji ta’ emissjonijiet differenti, il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent identifika vojt bejn l-impenni għat-tnaqqis fl-emissjonijiet u t-tnaqqis li neħtieġu biex nilħqu il-mira. Huwa ċar li huma meħtieġa aktar sforzi fit-tnaqqis tal-emissjonijiet sabiex jiżdiedu ċ-ċansijiet tagħna li nillimitaw iż-żieda fit-temperatura għal żewġ (2) gradi.
Xi reġjuni — bħall-Artiku — huwa maħsub li ser jisħnu ħafna aktar. Temperaturi iktar sħan kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar huma mistennija jeffettwaw il-livelli tal-umdità fl-atmosfera, u dan jista’ mbagħad jeffettwa mudelli ta’ preċipitazzjoni. Għad mhuwiex ċar sa fejn il-konċentrazzjonijiet ogħla jew iktar baxxi ta’ fwar tal-ilma fl-atmosfera jistgħu jeffettwaw il-mudelli tal-preċipitazzjoni jew il-klima globali u lokali.
Madankollu, l-impatti tat-tibdil fil-klima jkunu parzjalment jiddependu fuq kif reġjuni differenti jaddattaw għat-tibdil fil-klima. Azzjonijiet ta’ adattament — minn ippjanar urban aħjar għall-adattament tal-infrastruttura bħal bini u trasport — diġà qegħdin iseħħu fl-Ewropa, iżda aktar azzjonijiet ta' dan it-tip ser ikunu meħtieġa fil-ġejjieni. Spettru wiesa’ ta’ miżuri jista’ jintuża biex ikun hemm adattament għat-tibdil fil-klima. Pereżempju, li jinżergħu iktar siġar u jiżdiedu l-ispazji ħodor (parks) f’żoni urbani jtaffi l-effetti ta’ mewġiet ta’ sħana, filwaqt li jtejjeb ukoll il-kwalità tal-arja.
(c) Bojan Bonifacic, ImaginAIR/EEA
Ħafna forzaturi klimatiċi huma sustanzi komuni li jniġġsu. Miżuri biex jaqtgħu l-emissjonijiet tal-iswed tal-karbonju, tal-ożonu jew ta’ prekursuri tal-ożonu huma ta’ benefiċċju kemm għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll għall-klima. Gassijiet b’effett ta’ serra u sustanzi li jniġġsu l-arja jikkondividu l-istess sorsi ta’ emissjoni. Għaldaqstant jeżistu benefiċċji potenzjali li jistgħu jkunu ottenuti billi jiġu llimitati l-emissjonijiet ta’ wieħed jew l-ieħor.
L-Unjoni Ewropea timmira li jkollha ekonomija aktar kompetittiva b’dipendenza aktar baxxa fuq fjuwils fossili u inqas impatt fuq l-ambjent sal-2050. F'termini konkreti, il-Kummissjoni Ewropea timmira li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra domestiku tal-UE bi 80-95 % meta pparagunat mal-livelli tagħhom tal-1990 sa dik id-data.
It-tranżizzjoni għal ekonomija b’karbonju baxx, u tnaqqis sostanzjali għall-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, ma jistgħux jintlaħqu mingħajr il-formazzjoni mill-ġdid tal-konsum tal-enerġija tal-Unjoni. Dawn l-għanjiet tal-politika jimmiraw li jilħqu tnaqqis fid-domanda finali tal-enerġija; użu aktar effiċjenti tal-enerġija; aktar enerġjia rinnovabbli (eż. mix-xemx, mir-riħ, ġeotermali u idro); u inqas użu ta’ fjuwils fossili. Jipprevedu wkoll applikazzjoni usa’ ta’ teknoloġija, bħall-ġbir u l-ħżin tal-karbonju, fejn emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju minn faċilità industrijali jinġabru u jinħażnu taħt l-art, l-aktar f’formazzjonijiet ġeoloġiċi minn fejn ma jistax jiġi rilaxxat fl-atmosfera.
Xi wħud minn dawn it-teknoloġiji — b’mod partikolari l-ġbir u l-ħżin tal-karbonju — jistgħu ma jkunux dejjem l-aħjar soluzzjoni fit-tul. Madankollu, billi ammonti kbar ta’ karbonju jiġu pprevenuti milli jiġu rilaxxati fl-atmosfera fi żmien qasir u medju, dan jista’ jgħinna nimmitigaw it-tibdil fil-klima sa dak il-mument meta tibdil strutturali fit-tul jibda jkun effettiv.
Ħafna studji jikkonfermaw li politiki effettivi dwar il-klima u l-arja jistgħu jibbenefikaw lil xulxin. Politiki li jimmiraw lejn it-tnaqqis ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja jistgħu jgħinu biex iżommu ż-żieda tat-temperatura medja globali taħt iż-żewġ gradi. U politiki klimatiċi li jimmiraw lejn it-tnaqqis tal-iswed tal-karbonju u emissjonijiet tal-metan jistgħu jnaqqsu l-ħsara għal saħħitna u għall-ambjent.
Iżda mhuwiex il-każ li l-politiki kollha klimatiċi u dwar il-kwalità tal-arja huma neċessarjament ta' benefiċċju reċiproku. It-teknoloġija użata għandha rwol importanti. Pereżempju, xi teknoloġiji użati għall-ħżin tal-karbonju li jinqabad jistgħu jintużaw biex itejbu l-kwalità tal-arja fl-Ewropa, iżda oħrajn jistgħu ma jintużawx. Bl-istess mod, is-sostituzzjoni ta’ fjuwils fossili b’fjuwils bijoloġiċi tista’ tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u tgħin biex jintlaħqu miri klimatiċi. Iżda fl-istess ħin, tista’ żżid l-emissjonijiet ta’ materja partikulata u sustanzi karċinoġeni oħra li jniġġsu l-arja, u b’hekk jiddeterjoraw il-kwalità tal-arja fl-Ewropa.
Sfida għall-Ewropa hi li tiżgura li l-politiki għall-arja u klimatiċi għall-għaxar snin li ġejjin jippromwovu u jinvestu f’xenarji u teknoloġiji pożittivi li huma reċiprokament rinfurzanti.
(c) Ivan Beshev, ImaginAIR/EEA
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/sinjali/signals-2013/artikoli/tibdil-fil-klima-u-fl-arja or scan the QR code.
PDF generated on 24 Mar 2023, 01:27 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 12 March 2023 21:56 from version 23.1.28
Software version: EEA Plone KGS 23.3.11
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn