Article
Il-kwalità tal-arja ġewwa
- Bulgarian (bg)
- Czech (cs)
- Danish (da)
- German (de)
- Greek (el)
- English (en)
- Spanish (es)
- Estonian (et)
- Finnish (fi)
- French (fr)
- Irish Gaelic (ga)
- Croatian (hr)
- Hungarian (hu)
- Icelandic (is)
- Italian (it)
- Lithuanian (lt)
- Latvian (lv)
- Maltese (mt)
- Dutch (nl)
- Norwegian (no)
- Polish (pl)
- Portuguese (pt)
- Romanian (ro)
- Slovak (sk)
- Slovenian (sl)
- Swedish (sv)
- Turkish (tr)
Tista’ tiġi bħala sorpriża għal ħafna minna li l-arja fi triq urbana bi traffiku medju tista’ infatti tkun iktar nadifa mill-arja fis-salott tiegħek. Studji riċenti jindikaw li xi sustanzi li jniġġsu l-arja u li huma ta’ ħsara jistgħu jeżistu f’konċentrazzjonijiet ogħla fi spazji fil-magħluq milli fuq barra. Fl-imgħoddi, it-tniġġis tal-arja fil-magħluq irċieva, b’mod sinifikanti, inqas attenzjoni mit-tniġġis tal-arja fuq barra, speċjalment tniġġis tal-arja ta’ barraminn emissjonijiet industrijali u tat-trasport. Madankollu, fi snin riċenti it-theddid mill-esponiment għat-tniġġis tal-arja ta’ ġewwa sar jidher aktar.
Immaġina dar miżbugħa ġdida, imżejna b’għamara ġdida … Jew post tax-xogħol mimli b’riħa qawwija ta’ prodotti ta’ tindif… Il-kwalità tal-arja fid-djar tagħna, fil-postijiet tax-xogħol jew f’postijiet pubbliċi oħrajn tvarja konsiderevolment, skont il-materjal użat biex jinbnew, jitnaddfu u l-iskop tal-kamra, kif ukoll il-mod li bih nużawhom jew nivventilawhom.
Kwalità ħażina tal-arja ta’ ġewwa tista’ tkun speċjalment ta’ ħsara għal gruppi vulnerabbli bħal tfal, l-anzjani, u dawk b’mard kardjovaskolari u kroniku tan-nifs bħall-ażma.
Xi wħud mis-sustanzi prinċipali li jniġġsu l-arja ta’ ġewwa jinkludu r-radon (gass radjuattiv iffurmat fil-ħamrija), duħħan mit-tabakk, gassijiet jew partikuliminnfjuwils li jinħarqu, sustanzi kimiċi u allerġeni. Il-monossidu tal-karbonju, id-dijossidi tan-nitroġenu, partikuli, u komposti organiċi volatili jistgħu jinsabu kemm fuq barra kif ukoll fuq ġewwa.
Miżuri ta’ politika jistgħu jkunu ta’ għajnuna
Xi sustanzi li jniġġsu l-arja ta’ ġewwa u l-impatti tagħhom għas-saħħa huma magħrufa aħjar u jirċievu aktar attenzjoni pubblika minn oħrajn. Projbizzjonijiet fuq it-tipjip f’postijiet pubbliċi hija waħda minnhom.
F’ħafna pajjiżi, il-projbizzjoni fuq it-tipjip f’diversi postijiet pubbliċi kienet kemxejn kontroversjali qabel ma kienet introdotta l-leġiżlazzjoni rilevanti. Pereżempju, fi żmien jiem mid-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni fuq it-tipjip fi Spanja f’Jannar 2006, kien hemm moviment li kien qiegħed jikber biex jasserixxi dak li ħafna kkunsidraw bħala d-dritt tagħhom li jpejpu f’postijiet pubbliċi ġewwa. Iżda l-projbizzjoni wasslet ukoll għal kuxjenza pubblika akbar. Fil-jiem wara d-dħul fis-seħħ tagħha 25,000 Spanjol kuljum irrikorrew għal konsulenza medika dwar kif jaqtgħu it-tipjip.
Il-perċezzjoni pubblika fir-rigward tat-tipjip f’postijiet pubbliċi u fuq it-trasport pubbliku. Ħafna linji tal-ajru bdew jipprojbixxu t-tipjip fuq titjiriet qosra fis-snin tmenin, segwiti minn dawk b’titjiriet itwal fis-snin disgħin. Illum fl-Ewropa, wieħed lanqas biss tgħaddilu minn rasu li persuni li ma jpejpux jitħallew jiġu esposti għal duħħan sekondarju fuq trasport pubbliku.
Illum ħafna pajjiżi, inklużi l-pajjiżi kollha tal-AEA, għandhom xi leġiżlazzjoni li tillimita jew tipprojbixxi t-tipjip fuq ġewwa f’postijiet pubbliċi. Wara serje ta’ riżoluzzjonijiet u rakkmandazzjonijiet mhux vinkolanti, l-Unjoni Ewropea wkoll adottat fl-2009 riżoluzzjoni li sejħet lill-Istati Membri tal-UE biex japplikaw u jimplimentaw liġijiet għall-protezzjoni sħiħa taċ-ċittadini tagħhom minn esponiment għal duħħan ambjentali tat-tabakk.
Projbizzjonijiet fuq it-tipjip dehru li tejbu l-kwalità tal-arja ta’ ġewwa. Sustanzi ta’ duħħan mit-tabakk li jniġġsu l-arja ambjentali qegħdin jonqsu fil-postijiet pubbliċi. Fir-Repubblika tal-Irlanda, pereżempju, kejl ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja f’postijiet pubbliċi f’Dublin qabel u wara l-introduzzjoni ta’ projbizzjoni fuq it-tipjip wera tnaqqis ta’ mhux aktar minn 88 % għal xi sustanzi li jniġġsu l-arja li jinsabu fid-duħħan tat-tabakk ambjentali.
Bħal fil-każ ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja ta’ barra, l-impatti ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja ta’ ġewwa mhumiex limitati għas-saħħa tagħna biss. Jiġu wkoll bi spejjeż ekonomiċi għoljin. L-esponiment għad-duħħan tat-tabakk fl-ambjent f’postijiet tax-xogħol tal-UE waħdu huwa stmat f’aktar minn EUR 1.3 biljun fi spejjeż mediċi diretti, u aktar minn EUR 1.1 biljun fi spejjeż indiretti marbuta ma’ telf fil-produttività fl-2008.
It-tniġġis mill-arja ta’ ġewwa huwa ħafna iktar minn dak mid-duħħan tat-tabakk
It-tipjip mhuwiex l-uniku sors ta’ tniġġis tal-arja ta’ ġewwa. Skont Erik Lebret mill-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa Pubblika u għall-Ambjent (RIVM) fl-Olanda, “It-tniġġis tal-arja ma jiqafx fuq l-għatba tagħna. Ħafna sustanzi li jniġġsu l-arja ta’ barra jippenetraw fi djarna, fejn aħna nqattgħu l-parti l-kbira tal-ħin tagħna. Il-kwalità tal-arja ta’ ġewwa hija effettwata minn ħafna fatturi oħra, inkluż it-tisjir, fuklari tal-injam, xamgħat jew inċens jinħarqu, l-użu ta’ prodotti tal-konsumatur bħal xama’ u lostri biex innaddfu superfiċji, materjali tal-bini bħall-formaldeide fil-plajwudd, u ritardanti tan-nar f’ħafna materjali. Imbagħad hemm ukoll ir-radon li jiġi mill-ħamrija u minn materjali tal-bini.”
Pajjiżi Ewropej qegħdin jippruvaw jittrattaw xi wħud minn dawn is-sorsi ta’ tniġġis tal-arja ta’ ġewwa. Skont Lebret, “qegħdin nippruvaw nissostitwixxu sustanzi aktar tossiċi b’sustanzi inqas tossiċi jew li nsibu proċessi li jnaqqsu l-emissjonijiet, bħal fil-każ ta’ emissjonijiet tal-formaldeide mill-plajwudd. Eżempju ieħor nistgħu narawh bit-tnaqqis ta’ ċerti materjali li jirrilaxxaw ir-radon użati fil-kostruzzjoni tal-ħitan. Dawn il-materjali intużaw fl-imgħoddi iżda l-użu tagħhom issa huwa pprojbit.”
Li wieħed jgħaddi liġijiet mhuwiex l-uniku mezz biex titjieb il-kwalità tal-arja li nieħdu; nistgħu nieħdu l-passi kollha biex nikkontrollaw u nnaqsu partikuli u sustanzi kimiċi fl-ajru fi spazji magħluqa.
Azzjonijiet żgħar bħall-ventilazzjoni ta’ spazji magħluqa jistgħu jgħinu biex titjieb il-kwalità tal-arja ta’ madwarna. Iżda xi wħud mill-azzjonijiet tagħna b’intenzjoni tajba setgħu infatti kellhom effetti ħżiena. Lebret jissuġġerixxi: “Jmissna nivventilaw, iżda m’għandna qatt nivventilaw iżżejjed minħabba li dan huwa ħela sostanzjali ta’ enerġija. Iwassal għat-tisħin u l-użu ta’ aktar fjuwils fossili, u b’konsegwenza jfisser aktar tniġġis tal-arja. Jmissna narawh bħala użu iktar sensibbli tar-riżorsi tagħna inġenerali.”
Aktar informazzjoni
- Il-Kummissjoni Ewropea dwar is-saħħa pubblika
- Ċentru Konġunt għar-Riċerka dwar il-kwalità tal-arja ta’ ġewwa
- L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa dwar il-kwalità tal-arja ta’ ġewwa
- Għajnuniet biex titjieb il-kwalità tal-arja ta’ ġewwa: Fondazzjoni Ewropea għall-Pulmun
Permalinks
- Permalink to this version
- ffa5c7ee7644443795e6aa967e408b42
- Permalink to latest version
- ZQISA94GKX
Geographic coverage
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/sinjali/signals-2013/artikoli/il-kwalita-tal-arja-gewwa or scan the QR code.
PDF generated on 30 Jan 2023, 12:02 AM
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn