Article
Perspettiva Ewropea dwar is-sostenibbiltà
- Bulgarian (bg)
- Czech (cs)
- Danish (da)
- German (de)
- Greek (el)
- English (en)
- Spanish (es)
- Estonian (et)
- Finnish (fi)
- French (fr)
- Hungarian (hu)
- Icelandic (is)
- Italian (it)
- Lithuanian (lt)
- Latvian (lv)
- Maltese (mt)
- Dutch (nl)
- Norwegian (no)
- Polish (pl)
- Portuguese (pt)
- Romanian (ro)
- Slovak (sk)
- Slovenian (sl)
- Swedish (sv)
- Turkish (tr)
Intervista ma’ Gerben-Jan Gerbrandy
Gerben-Jan Gerbrandy ilu membru tal-Parlament Ewropew fil-Grupp tal-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa sa mill-2009. Huwa politiku tal-partit liberali Olandiż ‘Demokrati 66’.
X’inhi l-akbar sfida li qed iħabbat wiċċu magħha l-ambjent? Kif nistgħu nindirizzawha?
‘L-akbar sfida hija l-isfruttament żejjed ta’ riżorsi naturali. Il-konsum tal-bniedem imur lil hinn mill-konfini naturali tal-pjaneta tagħna. Il-mod kif ngħixu, b’mod aktar speċifiku l-mod kif immexxu l-ekonomija tagħna, sempliċiment mhuwiex sostenibbli.
Il-popolazzjoni tad-dinja se tilħaq id-disa’ biljuni fi ftit deċennji u se teħtieġ 70 % aktar ikel. Konsegwentement, sfida oħra hija biex insibu modi kif nitimgħu l-popolazzjoni tagħna li qed tikber meta diġà qed niffaċċjaw skarsezza ta’ bosta riżorsi.
Sabiex nindirizzaw dawn l-isfidi, irridu naġġustaw il-prinċipji fundamentali tal-ekonomija tagħna. Ngħidu aħna, l-ekonomiji tagħna ma jagħtux valur ekonomiku lil għadd kbir ta’ benefiċċji li nirċievu mingħajr ħlas. Il-valur ta’ foresta jittieħed inkunsiderazzjoni meta tinbidel f’injam, iżda mhux meta tinżamm sħiħa. B’xi mod, il-valur tar-riżorsi naturali għandu jiġi riflessi fl-ekonomija.‘
Nistgħu verament nibdlu l-prinċipji fundamentali tal-ekonomija tagħna?
‘Qed naħdmu dwar dan. Naħseb li ninsabu ferm viċin sabiex insibu modi kif ninkludu l-valur sħiħ tar-riżorsi naturali fl-ekonomija.
Iżda aktar importanti minn hekk, tliet xpruni qed jisforzaw lill-industrija sabiex issir aktar effiċjenti fl-użu ta’ riżorsi. L-ewwel wieħed hija l-iskarezza ta’ riżorsi. Fil-fatt, qed nosservaw dik li jien insejħilha ‘rivoluzzjoni industrijali ekoloġika’. L-iskarsezza ta’ riżorsi tisforza lill-kumpaniji sabiex jistabbilixxu proċessi għall-irkupru u l-użu mill-ġdid ta’ riżorsi, jew sabiex ifittxu modi alternattivi kif jużaw ir-riżorsi b’mod effiċjenti.
Il-pressjoni mill-konsumaturi hija xprun ieħor. Ħares lejn ir-riklami. Il-manifatturi l-kbar tal-karozzi ma għadhomx jitkellmu dwar il-veloċità, iżda dwar il-prestazzjoni ambjentali. Barra minn hekk, il-ħaddiema saru ferm aktar konxji mid-dehra talkumpanija li qed jaħdmu fiha.
It-tielet xprun hija l-leġiżlazzjoni. Għandna ħtieġa kontinwa li ntejbu l-leġiżlazzjoni ambjentali għaliex mhux kollox jista’ jinkiseb permezz ta’ pressjonijiet tas-suq, skarsezza ta’ riżorsi u pressjoni mill-konsumaturi.’
X’inhu l-aktar fattur importanti li jiddetermina l-għażliet tal-konsumaturi?
‘Mingħajr dubju, il-prezz. Għal sezzjonijiet kbar mis-soċjetà, huwa lussu li wieħed jagħżel għal xi raġuni oħra li mhijiex ilprezz. Iżda xorta għadu possibbli li wieħed jagħżel li jikkonsma prodotti tal-ikel staġjonali u lokali, jew prodotti friski, u dawn spiss ikunu saħansitra irħas. Hemm benfiċċji ċari għas-saħħa għal dawk l-individwi u għas-soċjetà inġenerali.
L-għażla ta’ alternattiva aktar xierqa tiddependi fuq l-infrastruttura kif ukoll fuq l-għarfien tan-nies dwar l-impatt tagħhom fuq l-ambjent. Jekk ma jkun hemm l-ebda infrastruttura tat-trasport pubbliku, ma nistgħux nistennew li n-nies ma jkomplux imorru għax-xogħol bil-karozza.
Jew, fil-każ ta’ leġiżlazzjoni, jekk ma nistgħux nispjegaw il-valur ta’ ċerti regoli jew liġijiet, ikun kważi impossibbli li ninfurzawhom. Irridu ninvolvu lin-nies u nikkonvinċuhom.
Spiss dan jeħtieġ it-traduzzjoni talgħarfien xjentifiku fil-lingwa ta’ kuljum għall-benefiċċju mhux biss taċ-ċittadini, iżda anki ta’ dawk li jfasslu l-politiki.’
X’jista’ jrendi l-konferenza ta’ Rio+20 bħala waħda ta’ ‘suċċess’?
‘Għandna bżonn ta’ riżultati konkreti, bħal ftehim dwar qafas istituzzjonali ġdid jew miri speċifiċi dwar l-ekonomija ekoloġika. Iżda, anki mingħajr riżultati konkreti, il-konferenza tista’ ssir ferm influwenti.
Jiena ferm favur il-ħolqien ta’ qorti internazzjonali għad-delitti ambjentali jew sistema istituzzjonali li tkun tipprevjeni t-tip ta’ negozjati li ma jistgħux jimxu ’l quddiem li esperjenzjajna fis-serje riċenti ta’ negozjati ambjentali.
Indipendentement mill-progress fit-twaqqif ta’ istituzzjonijiet bħal dawn, is-sempliċi fatt li qed niddiskutu u nippruvaw insibu soluzzjonijiet konġunti diġà huwa pass enormi ’l quddiem. Sa ftit taż-żmien ilu, in-negozjati ambjentali globali qasmu d-dinja fi tnejn: il-pajjiżi żviluppati u dawk fil-fażi ta’ żvilupp.
Nemmen li qed nimxu lil hinn minn dan l-approċċ antitetiku. Minħabba d-dipendenza ekonomika ogħla tagħhom fuq riżorsi naturali, bosta pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp se jkunu fost dawk l-uħud affettwati mill-iskarsezza globali ta’ riżorsi. Jekk il-konferenza ta’ Rio tikkonvinċi lil ħafna minnhom sabiex jadattaw għal prattiki aktar sostenibbli, jien inqisha bħala suċċess kbir.’
F’dan il-kuntest, l-Ewropa tista’ tgħin lillpajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp?
‘Il-kunċett ta’ ekonomija ekoloġika mhuwiex biss relevanti għall-pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp; fil-fatt, jipprevedi perspettiva aktar fit-tul. Bħalissa, bosta pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp qed ibigħu r-riżorsi naturali tagħhom bi prezzijiet baxxi ħafna. Il-prospetti ta’ rendiment f’qasir żmien huma tentazzjoni, iżda dawn jistgħu jfissru wkoll li l-pajjiżi jitilfu mill-benesseri kif ukoll mit-tkabbir fil-ġejjieni.
Iżda nemmen li dan qed jinbidel. Il-gvernijiet qed jitħassbu dejjem aktar dwar l-implikazzjonijiet fit-tul tal-esportazzjoni ta’ riżorsi. L-industrija f’bosta pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp bdiet tinvesti fis-sostenibbiltà wkoll. Bħall-kontrapartijiet tagħhom fid-dinja żviluppata, dawn iħabbtu wiċċhom ma’ skarsezza ta’ riżorsi. Dan huwa inċentiv finanzjarju ferm b’saħħtu għall-kumpaniji madwar id-dinja.
Fil-fehma tiegħi, naħseb li nistgħu ngħinu billi niftħu s-swieq agrikoli tagħna u nippermettu lil dawn il-pajjiżi sabiex jiġġeneraw aktar valur miżjud. Bħalissa, il-kumpaniji barranin jiġu u jieħdu estratti ta’ riżorsi, u ftit li xejn ikun hemm kontribuzzjoni ekonomika millpoplu lokali.
L-agrikoltura inġenerali hija kruċjali. Jekk inħarsu ’l quddiem lejn l-isfidi marbutin mal-produzzjoni globali tal-ikel, jidher biċ-ċar li għandha bżonn ta’ aktar ikel u dan jeħtieġ li nżidu l-effiċjenza tal-produzzjoni fil-pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp. Iż-żieda fil-produzzjoni agrikola fil-pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp tkun qed tnaqqas anki l-importazzjonijiet ta’ ikel min-naħa tagħhom.’
Bħala ċittadin Ewropew, xi jfisser għalik ‘għajxien sostenibbli’?
‘Ifisser serje ta’ affarijiet żgħar, bħal ngħidu aħna tilbes flokk tas-suf minflok ma żżid it-temperatura tat-tisħin tad-dar, tuża t-trasport pubbliku minflok ma ssuq, u ma tivvjaġġax bl-ajru, jekk dan ikun possibbli. Ifisser ukoll li ngħarraf lit-tfal tiegħi u lilloħrajn dwar il-kunċett ta’ sostenibbiltà u l-impatti tal-għażliet tagħhom ta’ kuljum.
Minħabba l-pożizzjoni tiegħi, ma nistax ngħid li dejjem huwa possibbli li jiġi evitat l-ivvjaġġar bl-ajru. Iżda din hija r-raġuni għalfejn irridu nrendu t-trasport bl-ajru ferm aktar sostenibbli, u dan jgħodd bl-istess mod għax-xejriet ta’ konsum insostenibbli kollha l-oħrajn li għandna. Dik hija l-isfida tal-ekonomija ekoloġika.’
Gerben-Jan Gerbrandy, Parlament Ewropew
Permalinks
- Permalink to this version
- 766642f6476c4b689e5a221d50bf4404
- Permalink to latest version
- EVR3C1GP78
Temporal coverage
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/sinjali/signals-2012/intervista/perspettiva-ewropea-dwar-is-sostenibbilta or scan the QR code.
PDF generated on 01 Feb 2023, 10:59 AM
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn