Article
L-iskart fil-Groenlandja
- Bulgarian (bg)
- Czech (cs)
- Danish (da)
- German (de)
- Greek (el)
- English (en)
- Spanish (es)
- Estonian (et)
- Finnish (fi)
- French (fr)
- Hungarian (hu)
- Icelandic (is)
- Italian (it)
- Lithuanian (lt)
- Latvian (lv)
- Maltese (mt)
- Dutch (nl)
- Norwegian (no)
- Polish (pl)
- Portuguese (pt)
- Romanian (ro)
- Slovak (sk)
- Slovenian (sl)
- Swedish (sv)
- Turkish (tr)
Intervista ma’ Per Ravn Hermansen
Per Ravn Hermansen jgħix f’Nuuk, il-belt kapitali tal-Groenlandja. Mar jgħix hemm mid-Danimarka biex jaħdem fil-ġestjoni tal-iskart fil-Ministeru għall-Affarijiet Domestiċi, in-Natura u l-Ambjent tal-Groenlandja.
Kif inhi l-ħajja fil-Groenlandja?
‘Il-ħajja f’Nuuk mhijiex differenti wisq minn dik fl-ibliet ta’ daqs medju, bħal ħafna mill-ibliet li wieħed isib fid-Danimarka. Għandek l-istess tip ta’ ħwienet u faċilitajiet. Madwar 15 000 ruħ jgħixu f’Nuuk. Filwaqt li kemm il-Groenlandiż kif ukoll id-Daniż huma mitkellma f’Nuuk, f’villaġġi iżgħar jitkellmu kważi biss bilGroenlandiż.
Ilni ngħix hawn sa mill-1999 u naħseb li n-nies jikkonsmaw tipi ta’ prodotti l-istess bħall-bqija tad-dinja, bħal kompjuters u mowbajls. Naħseb ukoll li n-nies qed isiru aktar konxji mill-problema tal-iskart.’
Għalfejn il-problema tal-iskart fil-Groenlandja hija unika?
‘Madwar 55 000 ruħ jgħixu fil-Groenlandja u bħal fil-bqija tad-dinja, in-nies jiġġeneraw l-iskart. Minn diversi perspettivi, il-‘problema’ tal-iskart fil-Groenlandja hija waħda aktarx komuni. In-negozji u d-djar tal-Groenlandja jiġġeneraw diversi tipi ta’ skart u għandna bżonn namministrawh b’mod li ma nħassrux l-ambjent.
Minn perspettivi oħrajn, il-problema tal-iskart fil-Groenlandja hija unika minħabba d-daqs tagħha, aktar preċiżament minħabba l-villaġġi mifruxin tagħha. Hemm sitt ibliet relattivament kbar, 11-il belt iżgħar u madwar sittin villaġġ bi 30 sa 300 abitant mifruxin tul il-kosta. Il-parti l-kbira tal-popolazzjoni tgħix fuq il-kosta tal-Punent, iżda hemm villaġġi u bliet żgħar matul il-kosta tal-Lvant ukoll.
Huma biss sitt ibliet li għandhom impjanti ta’ inċinerazzjoni u dawn mhumiex biżżejjed biex jittrattaw ammont suffiċjenti ta’ skart inċinerabbli fil-livell ambjentali. U ma hemmx toroq li jgħaqqdu flimkien l-ibliet u l-villaġġi, u dan ifisser li ma nistgħux nittrasportaw faċilment l-iskart lejn l-impjanti ta’ inċinerazzjoni. Primarjament, il-prodotti huma ttrasportati bil-baħar.
Bħalissa, għandna biss idea approssimattiva dwar l-ammont ta’ skart muniċipali ġġenerat fil-Groenlandja u naħsbu li qed jiżdied. Nofs il-villaġġi għandhom dak li jien insejħilhom fran tal-inċinerazzjoni, filwaqt li l-bqija għandhom inċinerazzjoni fil-miftuħ jew miżbliet.
Finalment, naħseb li l-problemi kollha relatati mal-iskart għandhom diversi elementi komuni, iżda kollha huma uniċi. L-iskart huwa problema lokali b’implikazzjonijiet usa’. Is-soluzzjonijiet iridu jieħdu inkunsiderazzjoni din idduwalità.‘
U x’jiġri minn skart perikoluż u skart elettroniku?
‘Il-faċilitajiet fl-ikbar bliet iżarmaw l-iskart elettroniku u jittrattaw l-iskart perikoluż, li mbagħad jinħażnu fuq il-post sakemm jintbagħtu fid-Danimarka. Il-Groenlandja timporta kull tip ta’ prodotti, inklużi ikel, ħwejjeġ u karozzi, li ħafna minnhom jiġu bil-baħar minn Aalborg. L-iskart perikoluż u elettroniku jitgħabba fuq il-bastimenti li jkunu ġabu l-merkanzija u li jkunu sejrin lura lejn id-Danimarka.’
Fis-snin riċenti, il-kumpaniji multinazzjonali tat-tħaffir bdew ifittxu riżervi ta’ żejt jew minerali li għadhom ma ġewx sfruttati. X’jiġri mill-iskart tat-tħaffir?
‘Fil-Groenlandja għandha politika ‘ta’ bieb wieħed’, li tippermetti lill-kumpaniji ta’ tħaffir biex jiksbu l-permessi kollha meħtieġa mill-istess awtorità pubblika. Dan ifisser li huma jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom, li jkunu jkopru l-aspetti kollha tal-operazzjonijiet tagħhom, inkluż l-iskart, lill-Uffiċċju tal-Minerali u ż-Żejt Mhux Maħdum.
Kważi l-attivitajiet kollha tagħhom isiru ftit ‘il bogħod mill-ibliet u l-villaġġi. Għal skart inċinerabbli, il-kumpanniji jistgħu jagħmlu ftehimiet ma’ muniċipalitajiet lokali biex jużaw l-impjanti ta’ inċinerazzjoni. Din id-domanda żejda għal inċinerazzjoni tikkaġuna pressjoni żejda fuq il-kapaċità ta’ inċinerazzjoni lokali.‘
Kif qed tindirizza din il-problema?
‘Waħda mill-għażliet proposti bħalissa tikkonsisti fil-bini ta’ impjanti ta’ inċenerazzjoni reġjonali u t-trasport tal-iskart. Huwa ċar li ma nistgħux nibnu impjanti ta’ trattament tal-iskart f’kull belt. Qed nanalizzaw anki l-ġenerazzjoni tas-sħana — it-tisħin tad-djar billi naħarqu l-iskart.
F’ibliet iżgħar, qed nibdew nistabbilixxu faċilitajiet għaż-żarmar ta’ skart elettroniku u għall-ġestjoni ta’ skart perikoluż. Għal villaġġi iżgħar, qed inqiegħdu kontenituri għall-iskart elettroniku u l-iskart perikoluż, li mbagħad jistgħu jiġu ttrasportati lejn il-faċilitajiet fl-ibliet.
Bħalissa qed nimplimentaw żewġ proġetti piloti għat-trasport ta’ skart inċinerabbli lejn l-ibliet fejn hemm impjanti ta’ inċinerazzjoni.
Il-Gvern tal-Groenlandja għandu pjan ta’ ġestjoni tal-iskart nazzjonali u l-attività li għadni kif semmejt hija parti minn dan il-pjan.’
Per Ravn Hermansen, Ministeru għall-Affarijiet Domestiċi, in-Natura u l-Ambjent tal-Groenlandja
Għal aktar tagħrif
- Ċentru multimedjali tal-EEA: il-film Mission Greenland – For a cleaner future (Missjoni Groenlandja – Għal ġejjieni aktar nadif).
Permalinks
- Permalink to this version
- 6951b962c4eb42e6841052589f078883
- Permalink to latest version
- 9345CNAGSF
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/sinjali/signals-2012/intervista/l-iskart-fil-groenlandja or scan the QR code.
PDF generated on 17 Jan 2021, 04:26 AM
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn