All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
F’Mejju 2011, l-Apple Store fil-Fifth Avenue fi New York kien ippakkjat b’folol ġejjin minn madwar id-dinja biex jixtru l-aħħar mudell ta’ iPad2 ta’ Apple. Kulma ġie kkonsenjat dakinhar inbiegħ f’temp ta’ sigħat. Il-ħanut tal-Fifth Avenue kien wieħed minn dawk b’xortih tajba. Ħafna mill-ħwienet ta’ Apple madwar id-dinja setgħu biss jieħdu l-ordnijiet u jikkonsenjawhom ġimgħat wara.
Id-dewmien ma kienx ikkawżat minn ippjanar difettuż tad-direzzjoni tan-negozju, jew minn kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ suċċess mhux previst. Kien ikkaġunat minn serje ta’ diżastri fuq in-naħa l-oħra tal-pjaneta. Ħamsa mill-komponenti ewlenin tal-iPad2 kienu manifatturati fil-Ġappun fi żmien it-terremot tal-11 ta’ Marzu 2011. Il-produzzjoni ta’ wħud minn dawn il-komponenti setgħet faċilment tkun trasferita lejn il-Korea t’Isfel jew l-Istati Uniti, iżda mhux hekk il-kumpass diġitali. Wieħed mill-manifatturi ewlenin tiegħu kien jinsab 20 km ‘l bogħod mir-reatturi ta’ Fukushima u kellu jagħlaq l-impjant tiegħu.
Fid-dinja interkonnessa tagħna, il-vjaġġ ta’ diversi apparati elettroniċi jibda f’xi minjiera, x’aktarx f’pajjiż li qed jiżviluppa, u jkompli f’ċentru ta’ żvilupp ta’ prodott, spiss f’pajjiż żviluppat. Illum, il-produzzjoni ta’ laptops, mowbajls, karozzi, kameras diġitali jeħtieġu elementi rari tad-dinja, bħal neodimju, lantanju u ċerju. Għad li ħafna pajjiżi għandhom riżervi mhux sfruttati, l-estrazzjoni tiswa l-flus, u f’ċerti każijiet hija tossika u radjuattiva.
Wara l-estrazzjoni, ir-riżorsi materjali jkunu ġeneralment ittrasportati lejn post ta’ pproċessar u mibdula f’diversi komponenti ta’ prodotti, li mbagħad jintbagħtu lil postijiet oħrajn għall-immuntar. Sakemm nixtru l-apparat tagħna, id-diversi komponenti tiegħu diġà jkunu daru d-dinja, u fi kwalunkwe stadju tal-vjaġġ tagħhom, ikunu ħallew l-impronta tagħhom fuq l-ambjent.
L-istess jiġri fil-każ tal-ikel fuq l-imwejjed tagħna, l-għamara fis-salott tagħna u l-fjuwil fil-karozzi tagħna. Ħafna mill-materjali u r-riżorsi jiġu estratti, ipproċessati fi prodott konsumabbli jew servizz, u ttrasportati fid-djar fil-biċċa l-kbira urbani tagħna. Pereżempju, il-forniment ta’ ilma frisk fid-djar Ewropej ma jfissirx biss estrazzjoni tal-kwantità użata minn sors ta’ ilma. Biex l-ilma jitlesta għall-konsum, neħtieġu infrastruttura u enerġija biex nittrasportawh, naħżnuh, nittrattawh u nsaħħnuh. Ladarba ‘jintuża’, inkunu għadna neħtieġu aktar infrastruttura u enerġija biex narmuh.
Biex nagħmlu tazza kafè standard fil-Pajjiżi l-Baxxi, neħtieġu madwar 140 litru ta’ ilma. L-akbar parti assoluta hija meħtieġa biex titkabbar il-pjanta tal-kafè. Saħansitra aktar impressjonanti huwa l-fatt li biex tiġi prodotta kilogramma waħda ta’ ċanga, neħtieġu medja ta’ 15 400 litru ilma.
Sors: Water Footprint Network
Għall-ewwel, uħud mill-impatti ambjentali li jħallu warajhom il-livelli u x-xejriet ta’ konsum tagħna ma jinħassux. Il-ġenerazzjoni tal-elettriku biex niċċarġjaw il-mowbajls u niffriżaw l-ikel tagħna terħi emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju fl-atmosfera, li jikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima. It-trasport u l-faċilitajiet industrijali jerħu sustanzi li jniġġsu l-arja bħal ossidi tal-kubrit u ossidi tan-nitroġenu, li huma ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem.
Il-miljuni ta’ persuni li jmorru lejn in-Nofsinhar fis-sajf joħolqu iktar pressjonijiet fuq id-destinazzjonijiet tal-vaganza tagħhom. Minbarra l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra mill-vjaġġ tagħhom, il-ħtieġa tagħhom għal akkomodazzjoni żżid id-domanda għal riżorsi materjali u enerġija mis-settur tal-kostruzzjoni. Iż-żieda staġjonali fil-popolazzjoni lokali titlob estrazzjoni tal-ilma żejda għal skopijiet ta’ sanità u kumdità matul ix-xhur nixfin tas-sajf. Dan ifisser ukoll li jrid jiġi ttrattat aktar drenaġġ, jiġi ttrasportat aktar ikel lejn dawn iż-żoni u jiġu ġestiti volumi akbar ta’ skart.
Minkejja l-inċertezza dwar sa fejn jaslu eżattament l-impatti ambjentali tagħna, huwa ċar li l-livelli u x-xejriet attwali ta’ estrazzjoni ta’ riżorsi ma jistgħux ikomplu. Fi kliem sempliċi, għandha kwantitajiet limitati ta’ riżorsi vitali, bħal raba’ u ilma. Dak li spiss jibda bħala problema lokali — skarsezza ta’ ilma, tneħħija ta’ siġar fil-foresti għall-bur, jew emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa minn faċilità industrijali — faċilment jistgħu jsiru problema globali u sistemika, li taffettwana lkoll.
Indikatur wieħed ta’ konsum ta’ riżorsi hija l-impronta ekoloġika, żviluppata mill-Global Footprint Network. Dan jikkalkola li l-konsum tal-pajjiżi f’termini ta’ użu ta’ art madwar id-dinja, inkluż l-użu tal-art indirett għall-produzzjoni ta’ prodotti u l-assorbiment ta’ emissjonijiet ta’ CO2. Skont din il-metodoloġija, fl-2007 kull bniedem kien iħalli impronta korrispondenti għal 2.7 ettari globali.
Dan jaqbeż sew il-1.8 ettari globali disponibbli għal kull wieħed minna biex insostnu l-konsum tagħna mingħajr ma nipperikolaw il-kapaċità produttiva talambjent (Global Footprint Network, 2012). F’pajjiżi li qed jiżviluppaw, id-differenza kienet aktar sorprendenti. Il-pajjiżi tal-EEA kkonsmaw 4.8 ettari globali għal kull resident minkejja ‘bijokapaċità’ disponibbli ta’ 2.1 ettari globali għal kull persuna (Global Footprint Network, 2011).
Il-kilba u l-ħtieġa tagħna li nikkonsmaw riżorsi naturali tippreżenta biss naħa waħda tal-kwistjoni. Il-bini ta’ djar ta’ villeġġjatura fi Spanja, it-tkabbir tat-tadam fil-Pajjiżi l-Baxxi, is-safar fit-Tajlandja jfissru wkoll impjiegi, dħul u finalment, sostenn u kwalità ta’ ħajja aħjar għall-bennejja, il-bdiewa u l-aġenti tal-ivjaġġar. Għal bosta persuni madwar id-dinja, dħul ogħla jfisser il-possibblità li jintlaħqu l-ħtiġijiet bażiċi. Iżda mhuwiex faċli li jiġi definit x’jikkostitwixxi ‘ħtieġa’ u dan ivarja b’mod konsiderevoli skont il-perċezzjonijiet kulturali u l-livelli ta’ dħul.
Għal dawk li jaħdmu f’minjieri ta’ elementi rari tad-dinja fil-Mongolja ta’ ġewwa, fiċ-Ċina, l-estrazzjoni mill-minjieri tfisser sigurtà alimentari għall-familji tagħhom u edukazzjoni għat-tfal tagħhom. Għall-ħaddiema tal-fabbriki fil-Ġappun, din tista’ tfisser mhux biss ikel u edukazzjoni, iżda anki ftit ġimgħat ta’ vaganza fl-Ewropa. Għal uħud fost il-folol li jimlew il-ħanut ta’ Apple, il-prodott finali jista’ jikkostitwixxi għodda professjonali ta’ bilfors, u għal oħrajn strument ta’ divertiment. Il-ħtieġa għal divertiment ukoll hija ħtieġa tal-bniedem. L-impatt tiegħu fuq l-ambjent jiddependi minn kif aħna nilħqu dik il-ħtieġa.
Il-vjaġġ tal-apparati elettroniċi, tal-ikel u tal-ilma tal-vit ma jintemmx f’darna. Aħna nżommu s-sett tat-televiżjoni jew il-kamera sakemm ma jibqgħux moda jew kompatibbli mad-DVD player tagħna. F’ċerti pajjiżi tal-UE, madwar terz tal-ikel mixtri jintrema. Mela x’ingħidu għall-ikel mormi saħansitra qabel nixtruh? Kull sena, fis-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea, jintremew 2.7 biljun tunnellata ta’ skart.
Iżda fejn imur dan iż-żibel kollu? It-tweġiba qasira hija ‘fejn ma narawhx’. Ftit minnu huwa nnegozjat — legalment u illegament — fis-swieq globali. It-tweġiba t-twila hija ferm aktar ikkomplikata. Jiddependi fuq x’‘jintrema’ u ‘fejn’. Aktar minn terz tal-piż tal-iskart iġġenerat fit-32 pajjiż tal-EEA jikkonsisti fi skart tal-bini u demolizzjoni, marbut mill-qrib mal-‘isplużjonijiet’ ekonomiċi. Kwart ieħor huwa l-iskart tal-minjieri u tat-tħaffir f’barrieri. Għad li finalment l-iskart kollu huwa xprunat minn konsum tal-bniedem, huwa biss inqas minn għaxra fil-mija tal-piż tal-iskart totali li ġej mid-djar.
L-għarfien tagħna dwar l-iskart huwa nieqes daqskemm hija d-dejta dwar il-konsum tagħna, iżda huwa ċar li għad baqgħalna ħafna x’nagħmlu fir-rigward tal-ġestjoni tal-iskart. Bħala medja, kull ċittadin tal-UE juża 16-17-il tunnellata ta’ materjali fis-sena u ħafna minn dan l-ammont, illum jew għada, isir skart. Dan l-ammont jitla’ għal madwar 40- 50 tunnellata għal kull persuna jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-estrazzjoni mhux użata (eż. t-tħaffir żejjed fil-minjieri) u rucksacks ekoloġiċi (il-kwantità totali tal-materjal naturali li hija mfixkla f’ekosistema naturali) tal-importazzjonijiet.
Il-leġiżlazzjoni, bħad-direttivi tal-UE dwar il-miżbliet, il-vetturi li ma għadhomx jintużaw, il-batteriji, l-imballaġġ u l-iskart tal-imballaġġ, għenet lill-Unjoni Ewropea biex talloka sehem kbir tal-iskart muniċipali tagħha mill-miżbliet għal faċilitajiet ta’ inċenerazzjoni u riċiklaġġ. Fl-2008, ġie rkuprat 46 % tal-iskart solidu fl-UE. Il-bqija ntbagħat għal inċenerazzjoni (5 %) jew miżbla (49 %).
It-tagħmir elettroniku għad-djar, il-kompjuters, l-apparat tad-dawl u t-telefons, kollha fihom sustanzi perikolużi li huma ta’ theddida għall-ambjent, iżda jinkludu wkoll metalli ta’ valur. Fl-2005, it-tagħmir elettriku u elettroniku fis-suq ġie stmat li fih 450 000 tunnellata ram u seba’ tunnellati deheb. Fil-Borża tal-Metalli ta’ Londra, dawn il-metalli jkunu jiswew bejn wieħed u ieħor EUR 2.8 biljun u EUR 328 miljun, rispettivament, fi Frar 2011. Minkejja varjazzjonijiet sinifikanti bejn il-pajjiżi Ewropej, hija biss parti żgħira minn dan it-tagħmir elettroniku li bħalissa tinġabar u tintuża mill-ġdid u tiġi rriċiklata meta tintrema.
Anki l-metalli prezzjużi ‘mormija bħala skart’ għandhom dimensjoni globali. Minn Hamburg, il-Ġermanja tesporta madwar 100 000 karozza użata kull sena barra l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari lejn l-Afrika u l-Lvant Nofsani. Fl-2005, dawn il-karozzi kien fihom madwar 6.25 tunellati ta’ metalli tal-grupp tal-platinu. Għall-kuntrarju tal-UE, ħafna mill-pajjiżi li jimportawhom huma nieqsa mir-regolamenti u l-kapaċità meħtieġa biex iżarmaw u jirriċiklaw dawn il-karozzi użati.
Dan jirrappreżenta telf ekonomiku u jwassal għal estrazzjoni addizzjonali, xi ħaġa li tikkawża danni evitabbli lill-ambjent, spiss barra l-UE.
Ġestjoni aħjar tal-iskart muniċipali toffri benefiċċji sinifikanti — billi tibdel l-iskart tagħna f’riżorsi ta’ valur, filwaqt li tiġi evitata ħsara lill-ambjent, inklużi emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra, u tnaqqis tad-domanda għal riżorsi ġodda.
Nieħdu l-eżempju tal-karti. Fl-2006, ġew irriċiklati qrib is-70 % tal-karti minn skart solidu muniċipali, ekwivalenti għal kwart mill-konsum totali tal-prodotti tal-karti. Żieda fir-rata ta’ riċiklaġġ għal 90% tkun tippermettielna nissodisfaw aktar minn terz tad-domanda għal karti permezz ta’ materjal riċiklat. Dan ikun qed inaqqas it-talba għal riżorsi ġodda u jwassal għal inqas ħela ta’ karti mibgħuta f’miżbla jew għall-ħruq, u inqas emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra.
Mhumiex il-konsum jew il-produzzjoni minnhom infushom li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Huma l-impatti ambjentali ta’ ‘x’nikkunsmaw’, fejn u kemm, u ‘kif nipproduċu’. Mil-livelli lokali sa globali, dawk li jfasslu l-politiki, in-negozji u s-soċjetà ċivili kollha kemm huma jridu jieħdu sehem biex l-ekonomija tibda tirrispetta aktar l-ambjent.
L-innovazzjoni teknoloġika toffri bosta soluzzjonijiet. L-użu ta’ enerġija nadifa u trasport nadif għandu impatt iżgħar fuq l-ambjent u jista’ jilħaq uħud minn ħtiġijietna, jekk mhux kollha kemm huma. Iżda t-teknoloġija mhijiex biżżejjed.
Is-soluzzjoni tagħna ma tistax tikkonċerna biss ir-riċiklaġġ jew l-użu mill-ġdid ta’ materjali biex inkunu nistgħu nħaffru għal ammonti iżgħar ta’ riżorsi. Ma nistgħux nevitaw milli nikkonsmaw irriżorsi, iżda li nistgħu nagħmlu huwa li nikkonsmaw bil-għaqal. Nistgħu nirrikorru għal alternattivi aktar nodfa u nagħmlu l-proċessi ta’ produzzjoni tagħna aktar ekoloġiċi u nitgħallmu nittrasformaw l-iskart f’riżorsa.
Politiki aħjar, infrastruttura aħjar u inċentivi addizzjonali ċertament li huma meħtieġa iżda dawn jistgħu iwittulna biss parti mit-triq. L-aħħar fażi tal-vjaġġ tiddependi mill-għażliet tal-konsum. Ikunu xi jkunu l-isfond u l-età tagħna, id-deċiżjonijiet tagħna ta’ kuljum biex nixtru ċerti prodotti u servizzi għandhom impatt fuq x’jiġi prodott u kemm. Bl-istess mod, il-bejjiegħa bl-imnut jistgħu jinfluwenzaw x’jitqiegħed fuq l-ixkafef u jistgħu jagħtu spinta ’l quddiem lit-talba għal alternattivi sostenibbli fil-katina ta’ provvista.
Aktarx li ftit tal-ħsieb quddiem l-ixkafef tas-supermarket jew il-barmil taż-żibel ikun bidu tajjeb għat-tranżizzjoni personali għall-għajxien sostenibbli. Nista’ nuża l-ikel li fadal mill-bieraħ minflok narmih? Nista’ nissellef din il-magna minflok ma nixtriha? Fejn nista’ nirriċikla l-mowbajl l-antik?…
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/sinjali/signals-2012/artikoli/minn-minjiera-ghal-skart-u or scan the QR code.
PDF generated on 29 Mar 2023, 01:39 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 12 March 2023 21:56 from version 23.1.28
Software version: EEA Plone KGS 23.3.11
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn