Article
It-triq lejn sostenibbiltà globali
- Bulgarian (bg)
- Czech (cs)
- Danish (da)
- German (de)
- Greek (el)
- English (en)
- Spanish (es)
- Estonian (et)
- Finnish (fi)
- French (fr)
- Hungarian (hu)
- Icelandic (is)
- Italian (it)
- Lithuanian (lt)
- Latvian (lv)
- Maltese (mt)
- Dutch (nl)
- Norwegian (no)
- Polish (pl)
- Portuguese (pt)
- Romanian (ro)
- Slovak (sk)
- Slovenian (sl)
- Swedish (sv)
- Turkish (tr)
L-ewwel darba li ltaqgħet il-komunità internazzjonali kollha biex jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet tal-ambjent tad-dinja kien fil-Konferenza tan-NU dwar l-Ambjent tal-Bniedem (Stokkolma, 1972). Il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), li se jkun qed jiċċelebra l-40 anniversarju tiegħu fl-2012, ġie stabbilit wara din il-konferenza, bħall-ministeri tal-ambjent f’bosta pajjiżi madwar id-dinja.
Żvilupp sostenibbli jfisser bosta affarijiet għal bosta persuni. Madankollu, definizzjoni storika mill-1987 tispjegah bħala: ‘Żvilupp li jilħaq il-ħtiġijiet tal-preżent mingħajr ma jikkomprometti l-abilità tal-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni biex jilħqu l-ħtiġijiet proprji tagħhom’ (ir-rapport tal-Kummissjoni Brundtland ‘Il-Futur Komuni Tagħna’). Dawn il-‘ħtiġijiet’ mhumiex biss interessi ekonomiċi iżda anki l-bażi ambjentali u soċjali li fuqha tissawwar il-prosperità globali.
F’Ġunju 1992, persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet minn 172 pajjiż iltaqgħu f’Rio de Janeiro għall-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent u l-Iżvilupp. Il-messaġġ tagħhom kien ċar: ‘xejn inqas minn trasformazzjoni tal-attitudnijiet u l-imġiba tagħna mhu se jġib il-bidliet meħtieġa’. Is-Summit tal-1992 kien jirrappreżenta bidla importanti biex il-kwistjonijiet ambjentali u dawk relatati mal-iżvilupp jiddaħħlu bil-qawwa fl-arena pubblika.
Is-‘Summit dwar id-Dinja’ sawwar il-bażi għal diversi ftehimiet internazzjonali importanti dwar l-ambjent:
- Aġenda 21 — pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp sostenibbli
- id-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp
- id-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji dwar il-Foresti
- il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima
- il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika
- il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni.
Eżattament għoxrin sena wara s-Summit storiku ta’ Rio, id-dinja se tiltaqa’ għal darb’oħra biex tiddiskuti u tiddeċiedi kif l-aħjar timxi ’l quddiem. Is-Summit dwar id-Dinja tal-2012 se jkun ir-raba’ summit ta’ dan it-tip u jirrappreżenta kisba kbira oħra fl-isforzi internazzjonali għall-kisba ta’ żvilupp sostenibbli. L-ekonomija ekoloġika u l-governanza ambjentali globali se jkunu fuq nett tal-aġenda.
Nirrappreżenta aktar minn nofs il-popolazzjoni dinjija. Aħna l-maġġoranza siekta. Tajtuna siġġu f’din is-sala, iżda l-interessi tagħna mhumiex fuq il-medja. X’jeħtieġ biex wieħed ikollu sehem f’din il-kwistjoni? Lil dawk li jinfluwenzaw lill leġiżlaturi? Influwenza mill korporazzjonijiet? Flus? Ilkom tinnegozjaw tul ħajti kollha. F’dak iż-żmien, ma rnexxilkomx twettqu l-iskopijiet, ma lħaqtux il-miri, u ma żammejtux kelmtkom.
Anjali Appadurai, student tal-College of the Atlantic, meta tkellem f’isem l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fid-9 ta’ Diċembru 2011, f’Durban, l-Afrika t’Isfel
Data ta’ għeluq tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Klima
Ma hemm l-ebda triq mgħaġġla u ħafifa lejn is-sostenibbiltà. It-tranżizzjoni teħtieġ sforz kollettiv minn dawk li jfasslu l-politiki, in-negozji u ċ-ċittadini wkoll. F’ċerti mumenti, dawk li jfasslu l-politiki jridu jipprovdu inċentivi biex jippromwovu l-innovazzjoni jew l-appoġġ għal negozji li jirrispettaw l-ambjent.
F’każijiet oħrajn, il-konsumaturi jista’ jkollhom iġarrbu spejjeż żejda marbutin mal-proċessi ta’ produzzjoni aktar sostenibbli. Jista’ jkollhom jitolbu prodotti li jirrispettaw aktar lill-ambjent mill-manifatturi tal-marki favoriti tagħhom jew inkella jagħżlu prodotti aktar sostenibbli. Id-ditti jridu jiżviluppaw proċessi ta’ produzzjoni nodfa u jesportawhom madwar id-dinja.
Problemi kumplessi, soluzzjonijiet kumplessi
Il-kumplessità tal-istrutturi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet globali tagħna tirrifletti l-kumplessità li nsibu fl-ambjent. Huwa diffiċli li jinstab il-bilanċ ġust bejn il-leġiżlazzjoni, l-inizjattivi tas-settur privat u l-għażliet talkonsumaturi. Daqstant ieħor huwa diffiċli li jinstab il-‘livell ġust’ li jittieħed fil-mira — li jvarja bejn lokali sa globali.
Il-politika ambjentali ssir aktar effettiva jekk tiġi deċiża u implimentata fuq skali differenti, u l-‘livell it-tajjeb’ ivarja skont il-kwistjoni kkonċernata. Ara l-ġestjoni tal-ilma. L-ilma frisk huwa riżorsa lokali li hija suxxettibbli għal pressjonijiet globali.
Il-ġestjoni tal-ilma fil-Pajjiżi l-Baxxi, pereżempju, issir mill-awtoritajiet lokali iżda hija soġġetta għal-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea. Il-ġestjoni tal-ilma fil-Pajjiżi l-Baxxi mhux biss trid tindirizza l-kwistjonijiet lokali u x’jiġri fil-pajjiżi ġirien fejn hemm l-għejun taxxmajjar. It-tisħin globali huwa mistenni jgħolli l-livelli tal-ilma, li jfisser li l-Bords Olandiżi dwar l-Ilma jridu jibdew jippjanaw għal dan.
Ħafna mill-politiki u l-istituzzjonijiet globali eżistenti, inkluż il-UNEP, ġew stabbiliti għaliex is-soluzzjonijiet lokali jew nazzjonali naqsu milli jindirizzaw il-problemi, u l-koordinazzjoni globali jew internazzjonali kienet mistennija tikseb riżultati aħjar. L-UNEP inħoloq wara l-Konferenza ta’ Stokkolma għaliex il-parteċipanti qablu li ċerti kwistjonijiet ambjentali jistgħu jiġu indirizzati aħjar fil-livell globali.
Ħtieġa ta’ impenn imġedded
Illum, il-kummerċ globali jippermetti lil ħafna minna li ngawdu t-tadam u l-banana tul is-sena kollha, kif ukoll prodotti li jgħaqqdu flimkien komponenti minn madwar id-dinja. Din l-għaqda ġġib magħha bosta vantaġġi iżda tista’ ġġib anki riskji. It-tniġġis ikkawżat minn persuna oħra jista’ jispiċċa f’darek. Din l-għaqda tfisser li aħna ma nistgħux inwarrbu r-responsabbiltà tagħna fil-protezzjoni tal-ambjent globali.
Il-Konvenzjoni Qafas tal-UN dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) kienet waħda mill-kisbiet tas-Summit dwar id-Dinja ta’ Rio tal-1992. Għandha l-għan li tistabbilizza l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra, li jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima. Is-suċċess ta’ diversi ftehimiet internazzjonali, bħall-UNFCCC, jiddependi mill-impenn tal-partijiet involuti. Sfortunatament, jekk numru limitat biss ta’ pajjiżi jieħdu l-impenn, aktarx li dan ma jkunx biżżejjed biex jiġi protett l-ambjent, anki jekk dawn isegwu l-prinċipji ta’ ekonomija ekoloġika bis-sħiħ.
Is-summit ta’ din is-sena joffri opportunità biex jiġġedded l-impenn globali għassostenibbiltà. Bħala ċittadini, konsumaturi, xjenzjati, mexxejja ta’ negozji u dawk li jfasslu l-politiki, ilkoll kemm aħna rridu nassumu r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tagħna — kif ukoll għall-passività tagħna.
Silta mid-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp
Il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, 3-14 ta’ Ġunju 1992, Rio de Janeiro, Brażil
- Prinċipju 1: Il-bniedem huwa fil-qalba tat-tħassib għall-iżvilupp sostenibbli. Huwa intitolat għal ħajja b’saħħitha u produttiva f’armonija man-natura.
- Prinċipju 2: L-Istati, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali, għandhom id-dritt sovran li jisfruttaw ir-riżorsi tagħhom stess skont il-politiki ambjentali u ta’ żvilupp tagħhom, u r-responsabbiltà li jiżguraw li l-attivitajiet fi ħdan il-ġurisdizzjoni jew kontroll tagħhom ma jikkawżawx ħsara għall-ambjent ta’ Stati oħrajn jew ta’ żoni lil hinn mil-limiti ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali.
- Prinċipju 3: Id-dritt għall-iżvilupp irid jiġi sodisfatt biex l-ekwitabbiltà tilħaq il-ħtiġijiet ta’ żvilupp u ambjentali tal-ġenerazzjonijiet attwali u dawk tal-ġejjieni.
- Prinċipju 4: Biex jinkiseb żvilupp sostenibbli, il-protezzjoni ambjentali għandha tikkostitwixxi parti integrali mill-proċess ta’ żvilupp u ma tistax titqies iżolata minnu.
- Prinċipju 5: L-Istati kollha u l-persuni kollha għandhom jikkooperaw fil-kompitu essenzjali li jeliminaw il-faqar bħala rekwiżit indispensabbli għall-iżvilupp sostenibbli, biex jonqsu d-diskrepanzi flistandard tal-għajxien u jiġu sodisfatti aħjar il-ħtiġijiet tal-parti l-kbira tal-persuni tad-dinja.
Għal aktar tagħrif
- Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ Rio+20 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli: www.uncsd2012.org/rio20
- Forum tal-Partijiet Interessati dwar is-Summit dwar id-Dinja: www.earthsummit2012.org
Permalinks
- Permalink to this version
- 329a2667c32e4c7cbb2dc32919e01bda
- Permalink to latest version
- 3OVIK2TSUB
Temporal coverage
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/sinjali/signals-2012/artikoli/it-triq-lejn-sostenibbilta-globali or scan the QR code.
PDF generated on 31 Jan 2023, 09:18 AM
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn