li jmiss
preċedenti
punti

Article

Naqsmu r-rikkezzi tan-natura

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 29 Jul 2011 Mibdul l-aħħar 21 Mar 2023
Photo: © EEA/John McConnico
Minn fost it-8.2 biljun tunnellata ta’ materjali kkonsmati fis-27 pajjiż tal-UE fl-2007, il-minerali kienu jammontaw għal 52 %, il-fjuwils fossili għal 23 %, il-bijomassa għal 21 % u l-metalli għal 4 %. (SOER 2010)

Eluf ta’ kilometri lil hinn mill-Ewropa, fl-Istat ta’ Orissa, mrekkna mal-Bajja ta’ Bengal, jgħaddu eluf ta’ trakkijiet li jagħmlu ħafna storbju. Dan huwa l-Lvant tal-Indja, il-fawwara leġġendarja tal-ġid minerali tal-Indja u sors ewlieni ta’ materjali għat-tkabbir industrijali globali fil‑passat. Il-ġid minerali f’din il-parti tal-Indja għadu fost l-aktar importanti fid-dinja u jista’ jkun li r-rivoluzzjoni industrijali tagħha għadha biss fil bidu.

In-nies tribali li jgħixu fil-foresta hawnhekk għandhom ħafna x’jitilfu u ftit x’jiggwadanjaw. It-tribujiet tal-foresta mhumiex imħarsa sewwa – id-drittijiet tagħhom qatt ma ġew stabbiliti jew rikonoxxuti kif suppost. F’villaġġ tribali żgħir li jinsab fil-qalba tal-foresti li jkopru d-distrett ta’ Gajapati, il-koppja miżżewġa Gangi Bhuyan u żewġha Sukru Bhuyan jgħixu mal-familja żagħżugħa tagħhom fil-foresta u madwarha.

Għal madwar ħames xhur tas-sena huma jitimgħu lill-familja tagħhom mill-plott ta’ art ta’ madwar tomna u nofs li jikkultivaw fit-tarf tal‑foresta madwar Raibada, il-villaġġ tagħhom. Matul dan iż-żmien, huma jaħsdu wkoll ħxejjex, żrieragħ, frott, mediċina u materjali tal-bini (bħal ħaxix) mill-foresta. Għal erba’ xhur oħra, il foresta tkun il-provvista tal-ikel prinċipali tagħhom. Mingħajr il-foresta jispiċċaw imutu bil‑ġuħ. Għat-tliet xhur li jifdal, huma jkunu sforzati jemigraw lejn żoni urbani kbar bħal Bangalore jew Mumbai fejn jaħdmu xogħol manwali.

Il-ġid taħt l-art – il-faqar fuqha

Orissa, li tinsab fil-Lvant peninżulari tal-Indja fuq il-Bajja ta’ Bengal, hija mogħnija b’varjetà ta’ minerali. Tabilħaqq, l-Istat huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar Stati għonja fir-riżorsi fil-pajjiż. F’termini ta’ kwalità, il-minerali li nsibu f’Orissa huma meqjusa fost l-aqwa fid-dinja.

Bl-abbundanza ta’ riservi tiegħu, li fil-biċċa l-kbira tagħhom għadhom ma ġewx esplorati, ta’ faħam, ħadid mhux maħdum, bauxite, chromite, franka, dolomit, manganiż, granit, landa, nikil, vanadju u ħaġar prezzjuż, dan l-Istat qiegħed jesperjenza qabża enormi fl-industrijalizzazzjoni. Għal xi ftit minerali partikulari, Orissa tikkostitwixxi wkoll sehem sinjifikanti tar-riservi tad-dinja, mhux biss f’termini ta’ kwantità iżda wkoll ta’ kwalità. Huwa għalhekk li l-kumpaniji internazzjonali qegħdin fil-kju biex jiksbu aċċess.

Uħud mill-minerali jintużaw fl-Indja stess, iżda ammont imdaqqas ta’ minerali jmorru xi mkien ieħor: iċ-Ċina, il-Ġappun, l-Afrika ta’ Isfel, ir-Russja, il-Korea ta’ Isfel, il-Korea ta’ Fuq, it-Tajlandja, il-Malasja, l-Indonesja, l-Ukraina, in-Nepal u l-Istati Uniti u, ovvjament, l-Unjoni Ewropea (Ota, A.B.,2006).

Il-qasmiet tad-dinja globali tagħna

Orissa, bil-kombinazzjoni tagħha ta’ ġid taħt l-art u faqar fuqha, hija xempju ta’ bosta qasmiet fid-dinja globali tagħna. Hawnhekk jiltaqgħu flimkien l-inugwaljanza, il-ġirja sfrenata għar‑riżorsi naturali u l-immigrazzjonijiet sforzati. Waqt li t-tħaffir fil-minjieri f’Orissa jġib benefiċċji ekonomiċi għaż-żona, dan il-qligħ ma jinqasamx b’mod ugwali. Għat-tribujiet tal-foresta, il prezz huwa għoli minħabba li d-djar tagħhom jinsabu fil-periklu hekk kif il-kumpaniji tal-minjieri qegħdin dejjem aktar ifittxu li jiksbu aċċess għall‑art tagħhom.

Sittin fil-mija tal-popolazzjonijiet tribali ta’ Orissa jgħixu fuq art li taħtha jinsab midfun il-ġid minerali. Madankollu, tradizzjonalment, huma ma għandhom ebda rekord ta’ drittijiet fuq din l-art. Għal xi żmien kienu ġew spustati n-nies tribali biex ikunu jistgħu jsiru l-proġetti ta’ żvilupp, inklużi l-attivitajiet fil-minjieri. Iżda l-iskala tal-ispustament inbidlet fl-aħħar deċennji, bl-iżviluppi ekonomiċi mill-1991 ‘il hawn iżidu l-għadd u t-tixrid tal-ispustamenti (Ota, A.B., 2006).

L-impatti dejjem jiżdiedu tal-użu tar-riżorsi tal-Ewropa

Fl-Ewropa, aħna niddependu ħafna fuq ir-riżorsi naturali biex nistimolaw il-ġid u l-iżvilupp ekonomiku tagħna. L-użu tagħna tar-riżorsi issa jaqbeż id-disponibbiltà lokali u qegħdin niddependu dejjem aktar fuq ir-riżorsi minn bnadi oħra fid-dinja.

Fil-fatt, aktar minn 20 % tal-materja prima li nużaw fl-Ewropa huma importati. Barra minn hekk, aħna nużaw ħafna aktar materja prima indirettament, billi nimportaw ukoll prodotti lesti magħmula fi bnadi oħra.

Id-dipendenza tagħna fuq l-importazzjonijiet hija partikolarment serja fir-rigward tal‑karburanti u l-prodotti tal-minjieri. Iżda l-Ewropa hija wkoll importatur nett tal-għalf u ċ-ċereali għall-produzzjoni tal-laħam u l-ħalib fl-Ewropa. Barra minn hekk, aktar minn nofs il-provvisti tal-ħut tal-UE huma importati; wara li eżawrejna l-istokkijiet tal-ħut tagħna stess, issa qegħdin nagħmlu l-istess fi bnadi oħra.

Il-pressjonijiet ambjentali relatati mal-estrazzjoni tar-riżorsi u l-produzzjoni ta’ oġġetti ta’ kummerċ – bħall-iskart iġġenerat, jew l-ilma u l-enerġija użati – jaffettwaw lill-pajjiżi tal-oriġini. L-impatti tar-riżorsi jistgħu jkunu sinjifikanti – fil-każ ta’ kompjuters jew telefons ċellulari dawn jistgħu jkunu fuq skala ta’ bosta gradi ta’ importanza akbar mill-prodott innifsu. Madankollu, minkejja l-importanza tagħhom, dawn il-pressjonijiet rari jkunu riflessi fil-prezzijiet jew sinjali oħrajn li jiggwidaw lill‑konsumaturi fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

Eżempju ieħor tar-riżorsi naturali inkorporati fil-prodotti ta’ kummerċ huwa l-ilma meħtieġ fir-reġjuni fejn jitkabbru ħafna prodotti tal-ikel u tal-fibra li jiġu esportati. Tali produzzjoni tirriżulta f’esportazzjoni indiretta u sikwit impliċita tar-riżorsi tal-ilma. Pereżempju, 84 % tal-użu tal-ilma relatat mal-qoton tal-UE isir barra l-UE, l-aktar f’reġjuni fejn l-ilma huwa skars, b’irrigazzjoni intensiva.

Fejn imorru l-benefiċċji tan-natura

L użu tar-riżorsi naturali huwa marbut ma’ firxa ta’ kwistjonijiet ambjentali u soċjoekonomiċi. L-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità (il‑proċess TEEB) – analiżi ewlenija tal‑importanza ekonomika globali tal‑bijodiversità – tixħet dawl fuq ir-rabtiet bejn it-telf tal‑bijodiversità u l-faqar.

Ir-riċerkaturi tat-TEEB fittxew li jidentifikaw il-benefiċjarji immedjati ta’ ħafna mis-servizzi tal-ekosistemi u l-bijodiversità. ‘It-tweġiba’, jikteb Pavan Sukhdev, Kap tal-Inizjattiva għal Ekonomija Ħadra tal-UNEP, ‘hija li dawn huma l-aktar il-foqra. L-aktar mezzi ta’ għajxien affettwati huma l-biedja ta’ sussistenza, ittrobbija tal-annimali, is-sajd u x-xogħol informali fil-foresti – il-maġġoranza tan-nies foqra fid-dinja huma dipendenti fuqhom’ (KE, 2008).

L-impatt tat-telf tal-bijodiversità fl-Indja għandu wkoll implikazzjonijiet serji għan-nisa, minħabba li dan jaffettwa severament ir rwol tagħhom bħala dawk li jiġbru l-prodotti mill-foresta. L-istudji fir-reġjuni tribali ta’ Orissa u Chattisgarh irreġistraw kif id-deforestazzjoni rriżultat f’telf ta’ mezzi ta’ għajxien, nisa li jkollhom jimxu distanza ta’ erba’ darbiet aktar biex jiġbru l-prodotti tal-foresta u fin-nuqqas ta’ aċċess tagħhom għal pjanti mediċinali li ġew eżawriti. Dan it-telf inaqqas id-dħul, iżid l-istrapazz u jaffettwa s-saħħa fiżika. Hemm ukoll evidenza li turi li l-istatus relattiv tan-nisa fi ħdan il-familja huwa ogħla f’villaġġi afforestati tajjeb, fejn il-kontribut tagħhom għad-dħul tal-familja jkun akbar milli f’villaġġi li għandhom nuqqas ta’ riżorsi naturali (Sarojini Thakur, 2008).

Fl-Ewropa, aħna ta’ spiss inkunu protetti mill‑impatti diretti tad-degradazzjoni ambjentali – għall-inqas għal żmien qasir. Iżda għan-nies foqra li jiddependu direttament fuq l-ambjent għall-ikel u l-kenn, l-effetti jistgħu jkunu gravi. Dawk l-aktar dgħajfa fis-soċjetà sikwit ikollhom iġorru l-akbar piż mill-qerda tas-sistemi naturali, waqt li jgawdu ftit jew xejn mill-benefiċċji.

It-telf annwali mill-kapital naturali huwa tipikament stmat għal ftit punti perċentwali, ftit li xejn impressjonanti, tal-PDG. Madankollu, jekk nerġgħu nesprimu dawn f’termini umani, fuq il-bażi tal-prinċipju tal-ekwità u l-għarfien tagħna ta’ fejn suppost imorru l-benefiċċji tan-natura – jiġifieri għall-foqra – imbagħad l-argument għat‑tnaqqis ta’ tali telf jikseb saħħa konsiderevoli.

Dan il-punt japplika madwar id-dinja kollha. Huwa jirrigwardja d-dritt tan-nies foqra tad‑dinja għal flussi tal-għajxien min-natura, li jikkomprendu nofs il-benesseri tagħhom jew aktar, u li huma jsibuha impossibbli biex jissostitwixxu (KE, 2008).

ForestIl-kapital naturali u s-servizzi tal-ekosistema

Il-kunċetti ta’ ‘kapital naturali’ u ‘servizzi tal-ekosistema’ huma fil-qalba taddiskussjonijiet dwar ir-relazzjoni tal-umanità mal-ambjent. Sabiex nifhmuhom, ikun utli li nikkunsidraw fil-fatt x’jagħmlu għalina s-sistemi naturali.

Ħu l-foresti, pereżempju. Il-foresti jistgħu jipprovdu kull xorta ta’ ikel: frott, għasel, faqqiegħ, laħam u l-bqija. Jekk ikunu ġestiti tajjeb, dawn jistgħu jipprovdu fluss sostenibbli ta’ riżorsi, bħal injam, għall-ekonomija. Iżda l-foresti jagħmlu wkoll ħafna aktar minn hekk. Pereżempju, is-siġar u l-veġetazzjoni jgħinu sabiex jiżguraw klima b’saħħitha lokalment u globalment billi jassorbu s-sustanzi li jniġġsu u l-gassijiet b’effett ta’ serra. Il-ħamrija tal-foresti tiddekomponi l-iskart u tippurifika l-ilma. Barra minn hekk, in-nies sikwit jivvjaġġaw ’il bogħod biex igawdu s-sbuħija u t-trankwillità tal-foresti, jew biex jippratikaw passatempi bħall-kaċċa.

Dawn is-servizzi kollha — li jipprovdu ikel u fibra, li jirregolaw il-klima u l-bqija – huma siewja. Aħna jkollna nħallsu ħafna għal magni li jistgħu jagħmlu l-istess ħaġa. Għal dik ir-raġuni, għandna naħsbu dwar l-ekosistemi bħala forma ta’ kapital, li jipprovdi servizzi lill-proprjetarju iżda sikwit ukoll lil persuni oħrajn fil-qrib u ’l bogħod (bħal fil-każ tar-regolazzjoni tal-klima). B’mod kruċjali, jeħtieġ li aħna nżommu l-kapital naturali tagħna — billi ma nisfruttawx iżżejjed l-ekosistema u billi ma nikkawżawx tniġġis eċċessiv — jekk irridu li jkompli jipprovdi dawn is-servizzi siewja ħafna.

Il-valur tal-bijodiversità fil-foresti tagħna

Ir-raġuni primarja għat-telf tal-bijodiversità tal-foresti hija li l-valur tagħha mhuwiex mifhum sewwa. Pereżempju, id-deċiżjoni li ettaru ta’ foresta għani fil-bijodiversità jiġi konvertit għall-agrikoltura jew il-kostruzzjoni, ġeneralment tkun ibbażata fuq il-benefiċċji immedjati. Ftit li xejn tingħata attenzjoni lill-ħafna servizzi ekoloġiċi li ma jitkejlux u li huma pprovduti minn dawn l-ekosistemi.

Il-mediċina fil-foresti tal-Indja

Minbarra l-flora u l-fawna għonja, l-Indja għandha wkoll wieħed mill-aktar patrimonji għonja ta’ pjanti mediċinali fid-dinja. Daqs 8 000 speċi ta’ pjanti jintużaw regolarment bħala mediċina min-nies tal- Indja, b’bejn 90 u 95 % minn dawn il pjanti ġejjin mill-foresti. Inqas minn 2 000 minn dawn il-pjanti huma ddokumentati uffiċjalment fis-sistema Indjana tal-mediċina. L-informazzjoni dwar il-bqija mhijiex iddokumentata u hija trasmessa biss bil-fomm u bħala għarfien tradizzjonali. Huma biss 49 speċi li qegħdin jintużaw fil-mediċina moderna.

Il-bijodiversità hija forma ta’ assigurazzjoni kontra l-mard tal-bniedem – bank ta’ għarfien li jippossjedi kura potenzjali għal mard bħall-kanċer jew l-AIDS. Pereżempju, il-qoxra tas-siġra ċinkona fiha mediċina li tintuża fil-ġlieda kontra l-malarja. B’mod kritiku, aħna spiss ma nkunu nafu xejn dwar it-telf li ġġarrab is-soċjetà meta tiġi estinta xi speċi.

Din it-taqsima hija bbażata fuq ir-rapport Green accounting for Indian states project: the value of biodiversity in India’s forests (Gundimeda et al., 2006).

Is-setgħa li wieħed jibqa’ fejn ikun

Il-globalizzazzjoni ta’ spiss tkun ikkaratterizzata miċ-ċaqliq – ta’ persuni, prodotti, ġid u għarfien, pereżempju. B’mod ġenerali, li wieħed jibqa’ fejn ikun, ma jiċċaqlaqx, ma jitqiesx fost id-drittijiet umani li aħna nagħtuhom prijorità. Iżda n-nies tal-foresta ta’ Orissa u ħafna oħrajn spiss iħaddnu dan biss: li jkunu jistgħu jibqgħu fejn qegħdin, fejn għandhom l-ikel u l-kenn, kif ukoll il-kuntatti mal‑familja u r-relazzjonijiet tribali tagħhom. Il-foresti huma l-post fejn ġenerazzjonijiet sħaħ ħassewhom protetti u siguri.

Tabilħaqq, hekk kif mewġa kbira ta’ nies qegħdin jiċċaqilqu lejn l-ibliet u ż-żoni urbani, aħna għandna nibdew naħsbu dwar l-għoti tas‑setgħa lin-nies biex jibqgħu fejn qegħdin.

Permalinks

Dokument ta’ Azzjonijiet