Article
Is-saħħa fi klima li qiegħda tinbidel
- Bulgarian (bg)
- Czech (cs)
- Danish (da)
- German (de)
- Greek (el)
- English (en)
- Spanish (es)
- Estonian (et)
- Finnish (fi)
- French (fr)
- Irish Gaelic (ga)
- Hungarian (hu)
- Icelandic (is)
- Italian (it)
- Lithuanian (lt)
- Latvian (lv)
- Maltese (mt)
- Dutch (nl)
- Norwegian (no)
- Polish (pl)
- Portuguese (pt)
- Romanian (ro)
- Slovak (sk)
- Slovenian (sl)
- Swedish (sv)
- Turkish (tr)
Wara investigazzjoni dettaljata, instab li l-marda kienet iċ-Chikungunya, vajrus li jinġarr mill-insetti u li jiġi trasmess lill-bnedmin mill-Aedes jew ‘tiger mosquito’ aktar komuni fl-Afrika u l-Ażja. Is-sors tal-infezzjoni kien ittraċċat f‘raġel li kien qiegħed għal btala fir-reġjun.
Huwa maħsub li r-raġel marid kien diġà infettat qabel ivvjaġġa lejn l-Ewropa iżda mbagħad ingidem minn tiger mosquito fl-Italja. It-tiger mosquito hija vettur jew trasportatur tal‑vajrus u huwa mifhum li l-insett inkwistjoni xerrdet il-vajrus lil persuna oħra fil-villaġġ. Dan wassal għal sensiela ta’ reazzjonijiet, bit-tiger mosquitoes jigdmu nies infettati u jxerrdu l-vajrus sakemm żviluppat epidemija żgħira.
Nisġa ta’ interazzjonijiet
It-tifqigħa taċ-Chikungunya kienet tiddependi fuq nisġa komplikata ta’ interazzjonijiet u kundizzjonijiet li jikxfu wħud mir-riskji għas‑saħħa u l-isfidi li qegħdin niffaċċjaw f’dinja globalizzata. It-turiżmu, it-tibdil fil-klima, il-kummerċ, iċ-ċaqliq tal-ispeċijiet u s-saħħa pubblika lkoll kellhom sehem fis-sitwazzjoni.
Huwa maħsub li t-tiger mosquito ġiet introdotta fl-Ewropa permezz ta’ firxa ta’ prodotti importati – minn pjanti ornamentali bħal ‘lucky bamboo’ sa tajers użati. Il-larva tan-nemusa nstabet f’ħafna partijiet tal-Ewropa, iżda tgħix biss fuq barra f’pajjiżi aktar sħan fin-Nofsinhar, jew fis-serer aktar lejn it Tramuntana – pereżempju fil-Pajjiżi l-Baxxi.
Id-Deni Dengue u d-Deni tal-Punent tan-Nil jinstabu wkoll fl-Ewropa u jiġu trasmessi wkoll minn gidmiet tan-nemusa. Skont iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) fi Stokkolma, l-Isvezja, mill-ewwel tifqigħa kbira fir-Rumanija fl-1996, l-infezzjoni tad-Deni tal-Punent tan-Nil kienet rikonoxxuta bħala kawża ewlenija ta’ tħassib għas-saħħa pubblika fl-Ewropa. Bħalissa ma hija disponibbli ebda tilqima u l-miżuri ta’ prevenzjoni ewlenin huma mmirati biex inaqqsu l-espożizzjoni għall‑gdim tan-nemusa.
Produzzjoni intensiva tal-ikel
Jista’ jkun li aħna qegħdin noħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tixrid tal-marda infettiva – kundizzjonijiet li qabel ma kinux jeżistu. L-industrijalizzazzjoni tal-produzzjoni tal-ikel, pereżempju, hija kawża għal tħassib ewlieni. Permezz tat-tgħammir intensiv ta’ tip wieħed ta’ annimal, inkunu qegħdin nirriskjaw li nipproduċu ‘monokulturi’ bi ftit varjabbiltà ġenetika. Dawn l-annimali huma suxxettibbli ħafna għal mard li jinħoloq minn iġjene ħażina jew infezzjoni minn annimali selvaġġi, bħal għasafar. Ladarba jkun fil-monokultura, il-mard jista’ jinbidel faċilment u jinxtered saħansitra fost dawk li jaħdmu mal-annimali inkwistjoni. L-użu eċċessiv tal-antibijotiċi sar metodu aċċettat ta’ kumpens għan-nuqqas ta’ reżistenza naturali – prattika li tista’ tikkawża l-problemi tagħha stess.
‘L-agrikoltura effiċjenti moderna, l-istess bħas-saħħa pubblika, tħares lejn ix-xjenza u l-mediċina sabiex tilħaq uħud mid-domandi ta’ dinja globalizzata. Għalkemm ħafna minna bbenifikaw mill-agrikoltura moderna permezz ta’ provvisti tal-ikel irħas u abbundanti, hija tista’ twassal ukoll għal pressjonijiet u problemi mhux previsti,’ jgħid Dr Marc Sprenger, id-Direttur tal‑ECDC.
‘Pereżempju, bħala riżultat tal-użu estensiv tal-antibijotiċi fl-agrikoltura, l-effettività tagħhom tista’ tonqos hekk kif il-bakterja ssir aktar reżistenti, li tista’ potenzjalment tħalli impatt fuq il-bnedmin ukoll,’ jgħid Dr Sprenger.
Innovazzjoni: l-ambjent u s-saħħa
L-isforzi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għandhom itejbu l-kwalità tal-arja
Il-pakkett ta’ Azzjoni dwar il-Klima u l-Enerġija Rinnovabbli (CARE) tal-Unjoni Ewropea huwa maħsub biex:
- inaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’20 % sal-2020
- iżid is-sehem tal-enerġija rinnovabbli b’20 % sal-2020
- itejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija b’20 % sal-2020
L-isforzi meħtieġa sabiex jintlaħqu dawn il-miri għandhom inaqqsu wkoll it-tniġġis tal-arja fl-Ewropa. Pereżempju, it-titjib fl‑effiċjenza fl-użu tal-enerġija u ż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli għandhom iwasslu għal tnaqqis fil-kombustjoni talfjuwil fossili – sors prinċipali tat-tniġġis tal-arja. Dawn l-effetti sekondarji pożittivi ssir referenza għalihom bħala l-’kobenefiċċji’ tal‑politika dwar it-tibdil fil-klima.
Ġie stmat li l-pakkett imsemmi hawn fuq ser inaqqas l-ispiża annwali għall-ilħuq tal‑miri tal-UE dwar it-tniġġis tal-arja b’biljuni ta’ euros. Barra minn hekk, l-iffrankar għas‑servizzi tas-saħħa Ewropej jista’ jkun daqs sitt darbiet akbar minn hekk.
Il-ħtieġa ta’ stampa sħiħa fl-era tat‑tibdil fil-klima
L-ispeċijiet ġodda u l-mard ġdid li jaslu fl-Ewropa huma biss uħud mill-impatti tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa. Ħafna aktar impatti ambjentali u soċjali jistgħu fl-aħħar mill-aħħar jaffettwaw is‑saħħa tal-bniedem permezz tal-bidliet fil-kwalità u l-kwantità tal-ilma, l-arja u l-ikel, u x-xejriet mibdula tat-temp, l-ekosistemi, l-agrikoltura u l-għajxien.
It-tibdil fil-klima jista’ wkoll jaggrava l-problemi ambjentali eżistenti, bħat-tniġġis tal-arja, u jfixkel il-provvisti sostenibbli tal-ilma u s-servizzi sanitarji.
Il-mewġa ta’ sħana fl-Ewropa fis-sajf tal- 2003, b’lista ta’ mwiet li taqbeż is-70 000 ruħ, enfasizzat il-ħtieġa għall-adattament għal klima li qiegħda tinbidel. L-anzjani u persuni b’mard partikolari huma f’riskju ogħla, u l-gruppi żvantaġġjati tal-popolazzjoni huma aktar vulnerabbli. Fiż-żoni urbani ffullati, bil kisi qawwi tal-ħamrija bil bini u b’uċuh tal-art li jassorbu s-sħana, l-effetti tal-mewġiet tas-sħana jistgħu jiġu aggravati minħabba t-tkessiħ insuffiċjenti bil-lejl u ċ-ċirkolazzjoni ħażina tal-arja.
Għall-popolazzjonijiet fl-UE, il-mortalità ġiet stmata li tiżdied b’1–4 % għal kull żieda ta’ grad fit-temperatura ’l fuq minn punt ta’ cut-off (lokalment speċifiku). Matul is-snin għoxrin ta’ dan is-seklu, iż-żieda stmata fil-mortalità relatata mas-sħana li tirriżulta mit-tibdil previst fil-klima tista’ taqbeż il-25 000 fis-sena, l-aktar fir-reġjuni fiċ-ċentru u fin-Nofsinhar tal-Ewropa.
‘Id-diskussjoni li tgħaqqad is-saħħa, l-użu tal-art, l-agrikoltura, it-turiżmu, il-kummerċ u t-tibdil fil-klima jeħtieġ li tiżviluppa b’mod immaġinattiv. Jista’ jkun li bħalissa m’aħniex qegħdin nagħmlu konnessjoni xierqa bejn is-saħħa pubblika u l-ambjent jew it-tibdil fil-klima,’ jgħid Dr Sprenger.
‘Pereżempju, dan l-aħħar jien żort dipartiment tas-saħħa u staqsejt min kien inkarigat mill‑kwistjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima u qaluli li fil-fatt ma kien hemm ħadd. B’dan m’iniex qiegħed ngħaddi ġudizzju fuq xi dipartiment jew awtorità partikolari, iżda fl-istess waqt dan juri li jeħtieġ li nbiddlu l-mod kif naħsbu dwar dawn il-problemi, minħabba li dawn huma kollha konnessi ma’ xulxin,’ jgħid Dr Sprenger.
‘Is-sistemi tas-saħħa pubblika għandhom jibdew jadattaw u jinfetħu għall-possibbiltà ta’ mard ġdid u kundizzjonijiet klimatiċi ġodda. F’mument partikolari, in-nies jistgħu jingħataw dijanjożi ħażina għaliex it-tabib tagħhom ma jkunx familjari ma’ vajrus ġdid. Ħafna pazjenti jkunu jidhru u jinħassu li għandhom vajrus tal‑influwenza. Aħna neħtieġu għodod ġodda sabiex inkunu nistgħu nindirizzaw l-isfidi ġodda bħat-taħriġ, u l-faċilitajiet bħal laboratorji għandhom ikunu flessibbli u adattabbli,’ kompla jgħid.
- Żur is-sit elettroniku tal-ECDC: www.ecdc.europa.eu
- Għal aktar informazzjoni u lista sħiħa tar‑referenzi, irreferi għas-Sinteżi ta’ SOER 2010.
Speċijiet invażivi
It-tiger mosquito tal-Ażja jew l-Aedes albopictus hija waħda mill-aktar eżempji mifruxa ta’ ‘speċi invażiva’. Il-firxa tradizzjonali tagħha hija mill-Pakistan sal-Korea ta’ Fuq. Illum il-ġurnata tinstab mad-dinja kollha u ġiet deskritta bħala ‘l-aktar nemusa invażiva fid-dinja’.
In-nemusa hija biss eżempju wieħed ta’ theddida ferm usa’ għall‑bijodiversità tal-Ewropa, billi l-ispeċijiet barranin jew mhux indiġeni jiġu stabbiliti u jinfirxu madwar il-kontinent bħala riżultat tal-attivitajiet tal-bniedem. L-ispeċijiet barranin jistgħu jinstabu fl‑ekosistemi Ewropej kollha. Il-globalizzazzjoni, partikolarment iż‑żieda fil-kummerċ u t-turiżmu, wasslet għal żieda fin-numru u t-tip ta’ speċijiet barranin li jaslu fl-Ewropa.
Fl-Ewropa ġew irreġistrati madwar 10 000 speċijiet barranin. Xi wħud, bħall-patata u t-tadam, ġew introdotti bi skop u għadhom ekonomikament importanti sal-lum. Speċijiet oħrajn, imsejħa ‘speċijiet barranin invażivi’, jistgħu joħolqu problemi serji għall-ġardinaġġ, l-agrikoltura u l-forestrija, bħala organiżmi li jġorru l-mard jew billi jikkawżaw ħsarat f’kostruzzjonijiet bħal bini u digi.
L-ispeċijiet barranin invażivi jbiddlu wkoll l-ekosistemi li jgħixu fihom u jaffettwaw lill-ispeċijiet l-oħrajn f’dawk l-ekosistemi. Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika tidentifika l-ispeċijiet barranin invażivi bħala waħda mit-theddidiet ewlenin għall‑bijodiversità madwar id-dinja.
Permalinks
- Permalink to this version
- 11485c994786e7e95566da8efe308a9e
- Permalink to latest version
- SW2I3B1OZ5
Geographic coverage
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/sinjali/signals-2011/artikoli/is-sa127127a-fi-klima-li or scan the QR code.
PDF generated on 02 Feb 2023, 05:02 PM
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn