Vetturi elettriċi: għażla intelliġenti għall-ambjent

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 10 Jan 2019 Mibdul l-aħħar 25 Feb 2019
7 min read
Il-vetturi elettriċi, huma aħjar mill-karozzi li jaħdmu bil-petrol jew bid-diżil għall-klima u għall-kwalità tal-arja tagħna? Aħna poġġejna flimkien ma’ Andreas Unterstaller, espert tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) dwar it-trasport u l-ambjent biex niddiskutu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-vetturi elettriċi, li huwa l-għan ċentrali tar-rapport ġdid tal-EEA.
© Hannes Egler on Unsplash

© Hannes Egler on Unsplash

Tista’ tgħidilna dwar is-sejbiet ewlenin tar-rapport reċenti tal-EEA?

Dan l-aħħar, l-EEA ppubblikat rapport ġdid dwar il-Mekkaniżmu ta’ Rappurtar dwar it-Trasport u l-Ambjent (TERM, Transport and Environment Reporting Mechanism). Il-konklużjoni bażika hija li f’dak li għandu x’jaqsam mat-tibdil fil-klima u l-kwalità tal-arja, il-karozzi elettriċi huma ferm aktar preferibbli minn karozzi li jaħdmu bil-petrol jew minn dawk li jaħdmu bid-diżil. Għall-kuntrarju ta’ xi dubji pubbliċi u inċertezzi dwar il-benefiċċji ambjentali tal-karozzi elettriċi, ix-xjenza qed issir dejjem aktar ċara. Anki bit-taħlita tal-elettriku attwali fl-Ewropa, li għadha tinkludi ħafna elettriku mill-faħam, hemm benefiċċji ċari. Dawn il-benefiċċji se jkomplu jiżdiedu aktar ma jgħaddi ż-żmien, hekk kif l-Ewropa tuża aktar enerġija rinnovabbli fil-futur.

Dan huwa wkoll wieħed mill-ewwel rapporti li jġib perspettiva ta’ ekonomija ċirkolari fid-diskussjoni dwar il-karozzi elettriċi, u jagħti ħafna attenzjoni għall-użu mill-ġdid, għall-manifattura mill-ġdid u għar-riċiklaġġ. Saru ħafna studji xjentifiċi dwar l-impatti fuq iċ-ċiklu tal-ħajja tal-vetturi electriċċi. Fl-EEA, ġbarna flimkien dan l-għarfien u għamilnieh aċċessibbli għall-udjenza usa’. Hemm bżonn li ntejbu l-użu mill-ġdid u r-riċiklar ta’ karozzi elettriċi u l-komponenti tagħhom biex innaqqsu kemm jista’ jkun l-impatt tal-produzzjoni tagħhom fuq l-ambjent. Il-fażi tat-tmiem tal-ħajja hija partikolarment importanti għall-vetturi eletriċċi. Dawn fihom ħafna metalli u materja prima kritika oħra li jistgħu jikkunsmaw ammonti kbar ta’ enerġija biex jiġu pproċessati u xi kultant jinvolvu sustanzi tossiċi fil-produzzjoni tagħhom. Għalhekk, huwa ta’ benefiċċju kbir jekk nistgħu nirkuprawhom minn karozzi eżistenti u nerġgħu nużawhom. Jekk nistgħu nieħdu komponent sħiħ bħal batterija u nużawha f’applikazzjoni differenti, dan jista’ verament inaqqas l-impatt ambjentali globali b’mod sinifikanti.

X’jista’ jsir biex il-karozzi elettriċi jsiru aktar sostenibbli u biex jiġu rrealizzati b’mod sħiħ il-benefiċċji ambjentali u tas-saħħa tagħhom?

Fir-rapport nenfasizzaw xi tagħlimiet importanti. L-ewwel nett, irridu niżguraw li l-provvista tal-elettriku użata biex isiru u jitħaddmu l-karozzi elettriċi tiġi minn sorsi rinnovabbli. Ir-rapport tagħna juri li dan huwa verament l-akbar fattur ewlieni ta’ influwenza fuq il-prestazzjoni ambjentali u tas-saħħa tagħhom. It-tieni nett, irridu niżguraw li dawn il-karozzi jservu fit-tul. Li tieħu l-massimu mill-kilometraġġ ta’ kull karozza elettrika li qed tiġi prodotta huwa essenzjali. Għalhekk, jekk jinstaqu biss għal 70 000 kilometru (km) u wara jintremew, il-prestazzjoni ambjentali ġenerali tagħhom ma tkunx daqshekk tajba meta mqabbla ma’ karozzi konvenzjonali minħabba l-enerġija żejda użata għall-produzzjoni tagħhom — aktar minn dik ta’ karozza konvenzjonali. Iżda ladarba jinstaqu għal 150 000 km jew aktar, il-paragun jiffavorixxi bis-sħiħ il-karozzi elettriċi. Fl-aħħar nett, meta jkun hemm bżonn li tintrema karozza elettrika, jeħtieġ li nagħmlu l-aħjar użu mill-materjali tagħha.

Kif tipparaguna karozza elettrika tipika ma’ vettura tal-petrol jew tad-diżil? Dawn huma 100 % nodfa fir-rigward ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra? 

Huwa importanti ħafna li jingħad li l-ebda karozza qatt xi darba se tkun 100 % nadifa. Il-wasla tal-karozza elettrika ma tibdilx dan. Dak li qed ngħidu huwa li jekk verament għandek bżonn tuża karozza, karozza elettrika hija l-aħjar għażla għall-ambjent. Madankollu, l-użu tat-trasport pubbliku jew sempliċement li tmur għax-xogħol bil-mixi jew bir-rota dejjem se jkun ħafna aħjar għall-ambjent. Karozza tibqa’ karozza; li tissostitwixxi tip b’ieħor mhux ser issolvi problemi tat-trasport bħall-konġestjoni.

Il-muturi elettriċi huma sempliċement aktar effiċjenti minn magni tal-kombustjoni. Għalhekk ħafna mill-enerġija li tpoġġiet fil-batterija tispiċċa tintuża biex tinstaq il-karozza. Speċjalment meta il-vetturi elettriċi qed jinstaqu fil-bliet, dawn jaħlu inqas enerġija. Barra minn hekk, m’hemm l-ebda emissjonijiet mill-egżost ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja bħall-ossidi tan-nitroġenu u l-partikuli. Madankollu nsibu partikuli meta tibbrekja u meta jitgħerrew t-tajers, iżda b’mod ġenerali jkun hemm inqas partikuli meta mqabbla ma’ karozza tal-petrol jew tad-diżil. Il-vetturi elettriċi jistgħu jnaqqsu l-ħsejjes, b'mod speċjali b’veloċitajiet aktar baxxi fejn huma inqas storbjużi minn karozzi konvenzjonali.

Mil-lat ta’ saħħa, il-benefiċċju ewlieni huwa relatat mal-kwalità tal-arja. Xorta waħda se jkollok xi tniġġis tal-arja mill-elettriku li jikkonsmaw il-karozzi elettriċi. Madankollu, dan tipikament ikun ġej minn impjanti tal-enerġija li jista’ jkollhom kontrolli aħjar tat-tniġġis milli tista’ timplimenta b’karozza konvenzjonali u normalment jinsabu aktar 'il bogħod minn żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni.

Liema pajjiżi qegħdin minn ta’ quddiem fir-rigward tal-promozzjoni u tal-użu tal-vetturi elettriċi?

Ħafna pajjiżi Ewropej huma attwalment pjuttost attivi fil-promozzjoni tal-użu tagħhom, speċjalment in-Norveġja, li mplimentat politiki ambizzjużi biex jintlaħaq is-sehem akbar ta’ karozzi elettriċi kif wkoll infrastruttura tajba għall-iċċarġjar tagħhom. Sar ukoll ħafna xogħol fl-Olanda, kif ukoll ir-Renju Unit u Franza. Jekk dawn jittieħdu flimkien, globalment l-Unjoni Ewropea hija waħda mill-atturi ewlenin, flimkien mall-Istati Uniti u ċ-Ċina. Kollha qed jinvestu ħafna fil-mobilità elettrika.

Xi ngħidu dwar it-tħassib tal-konsumaturi dwar kwistjonijiet bħall-punti tal-iċċarġjar u l-kontijiet tal-elettriku? 

Ħafna mit-tħassib tal-konsumatur huma dwar jekk hemmx biżżejjed punti tal-iċċarġjar tul l-awtostradi jew fil-postijiet tal-parkeġġ kif ukoll il-pressjoni fuq is-sistemi ta’ distribuzzjoni u l-ispejjeż tal-elettriku tagħna. Bħalissa ftit li xejn għandna karozzi elettriċi fit-triq. Xi bliet għandhom aktar minn oħrajn, iżda b’mod ġenerali, madwar 1.5 % tal-flotta l-ġdida tal-karozzi fl-Ewropa mibjugħa s-sena l-oħra kienu karozzi elettriċi (batteriji elettriċi u ibridi rikarikabbli). Għalhekk jeħtieġ li l-infrastruttura tikber hekk kif aktar u aktar karozzi elettriċi jidhru fit-toroq tagħna. F’xi wħud mill-ibliet il-kbar, l-infrastruttura hija diġà tajba u l-għadd ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku kien qed jikber b’mod rapidu f’dawn l-aħħar snin.

Iva, il-kont tad-dawl se jogħla, iżda l-ispejjeż għall-karozza elettrika ser jkunu orħos minn dawk ta’ karozza normali li taħdem bil-petrol jew bid-diżil. Dan jgħin biex tpatti għall-prezz għoli tax-xiri tal-karozzi elettriċi matul iż-żmien.

It-tgħarrif tal-2016 tal-EEA dwar il-"Vetturi elettriċi u s-settur tal-enerġija — l-impatti fuq l-emissjonijiet futuri tal-Ewropa" stħarrġet l-impatti fuq is-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku tagħna. Li kieku 80 % tal-karozzi kollha kellhom ikunu elettriċi fl-2050, il-konsum tal-elettriku tal-UE probabbli jitla’ b’madwar 10 %. Il-biċċa l-kbira tad-domanda għall-elettriku xorta tiġi mill-industrija u minn unitajiet domestiċi privati. B’mod simili għall-infrastruttura tal-iċċarġjar, is-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku wkoll se jkollha bżonn tevolvi hekk kif jibdew jinstaqu aktar karozzi elettriċi fit-triq. Din hija sfida iżda l-UE diġà qed tagħmel l-istess għall-integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-sistema ta’ distribuzzjoni.

X’qed tagħmel l-UE u l-Kummissjoni Ewropea biex tippromwovi l-użu tagħhom?

L-UE kollettivament nefqet biljuni ta’ ewro fir-riċerka rilevanti matul dawn l-aħħar għaxar snin u qed tirsisti għal espansjoni rapida tal-infrastruttura tal-iċċarġjar. Qiegħda wkoll tinvesti ħafna u tippromwovi infrastruttura alternattiva għall-fjuwils, li tinkludi ċarġers tal-vetturi elettriċi, speċjalment fuq il-kurituri ewlenin ta’ tranżitu Ewropej.

Barra minn hekk, l-UE qed taħdem bis-sħiħ għall-iżvilupp tal-produzzjoni tal-batteriji fl-Ewropa, minħabba li l-batteriji tal-karozzi elettriċi bħalissa huma prinċipalment prodotti fil-Ġappun, fiċ-Ċina u fil-Korea t’Isfel. Fl-aħħar nett, l-UE qed tagħmel regoli u standards komuni għall-vetturi elettriċi u għall-infrastruttura tal-iċċarġjar sabiex inti tkun tista’ tiċċaqlaq b’mod ħieles fl-Ewropa.

Andreas Unterstaller

Kontenut relatat

Temporal coverage

Dokument ta’ Azzjonijiet
Artikoli
Menu
Abbonamenti
${inkiteb} biex tirċievi r-rapporti tagħna (stampati jew/u f’forma elettronika) u n-newsletter elettronika ta’ kull tliet xhur.
Segwina