All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Tommaso:
“TERM” tfisser Mekkaniżmu ta’ Rappurtar dwar it-Trasport u l-Ambjent. Dan huwa rapport annwali tal-EEA li jħares b’mod ġenerali lejn ix-xejriet u l-isfidi fis-sistema tal-mobilità tal-Ewropa. Joffri wkoll valutazzjoni annwali tas-settur tat-trasport, u jenfasizza x’qed jitjieb u l-aspetti fejn għad fadal xogħol xi jsir.
Ir-rapport TERM huwa parti importanti minn xogħolna fl-appoġġ tal-ambizzjonijiet tal-ambjent u tal-klima tal-Ewropa. S’issa, is-sistema tal-mobilità kellha biss suċċess limitat fit-tnaqqis tal-emissjonijiet u fil-bidla lejn modi tat-trasport aktar sostenibbli. Għarfien f’waqtu u azzjonabbli, bħal dak li huwa ppreżentat fir-rapporti TERM, huwa parti ewlenija biex il-proċess jiġi ggwidat lejn is-sostenibbiltà.
Rasa:
Il-bidla mistennija lejn l-elettrifikazzjoni tat-trasport se tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.
Rasa Narkeviciute
Ir-rapport TERM tal-2021 jibda bil-kwistjoni li t-trasport huwa responsabbli għal madwar kwart tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE. It-trasport bit-triq jirrappreżenta l-akbar sehem ta’ dawn l-emissjonijiet, li żdiedu wkoll bi kważi 30 % matul dawn l-aħħar 30 sena.
Bil-miżuri tal-politika eżistenti, l-emissjonijiet mit-trasport huma projettati li jonqsu, iżda mhux biżżejjed biex is-settur jikkontribwixxi biżżejjed għall-mira tan-newtralità klimatika għall-2050.
L-emissjonijiet mill-karozzi u minn vetturi tqal tal-merkanzija u trakkijiet, żdiedu l-aktar minħabba ż-żieda fid-domanda għat-trasport. Il-vetturi nnifishom saru aktar effiċjenti, b’inqas emissjonijiet għal kull kilometru li jivvjaġġaw, iżda mhux biżżejjed biex ipattu għall-attività li qed tiżdied.
Rasa:
Il-bidla mistennija lejn l-elettrifikazzjoni tat-trasport se tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Iżda dan ifisser ukoll li l-ġenerazzjoni tal-enerġija u l-effiċjenza tagħha se jsiru dejjem aktar importanti. Huwa importanti li l-emissjonijiet ma jiġux sempliċiment trasferiti mit-triq għal impjant tal-enerġija f’post ieħor iżda li nagħmlu l-investimenti meħtieġa fl-enerġija rinnovabbli.
Sabiex tikkontribwixxi għal sostenibbiltà usa’ tat-trasport, l-elettrifikazzjoni jeħtieġ li tkun akkumpanjata minn tibdil fil-mod kif norganizzaw is-sistema tal-mobilità tagħna. Hija meħtieġa bidla lejn modi aktar sostenibbli kif ukoll l-iżgurar li fiċ-ċentru tal-attenzjoni ma jkunx hemm biss l-attività tat-trasport, iżda wkoll l-aċċessibbiltà tal-impjiegi u s-servizzi. Sabiex dan iseħħ, huma meħtieġa politiki wiesgħa. Pereżempju, l-ippjanar tal-ibliet jista’ jiżgura biżżejjed spazju għall-infrastruttura taċ-ċikliżmu filwaqt li jiġu lokalizzati wkoll servizzi, attività kummerċjali, u żoni residenzjali eqreb ta’ xulxin.
Rasa:
Il-Parlament Ewropew reċentement appoġġa l-objettiv propost li sal-2035 jinkisbu emissjonijiet żero minn karozzi u vannijiet ġodda. Jekk l-Istati Membri jaqblu wkoll, dan se jfisser tnaqqis kbir tal-emissjonijiet iġġenerati fuq it-toroq Ewropej matul id-deċennji li ġejjin.
L-iStrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti tinkludi wkoll objettivi relatati mal-bidla lejn modi tat-trasport aktar sostenibbli. Din tinkludi miri biex jiżdiedu l-ferroviji ta’ veloċità għolja, it-traffiku ferrovjarju tal-merkanzija u t-tbaħħir bil-passaġġi fuq l-ilma.
Rasa:
L-EEA tiġbor ammonti kbar ta’ data relatata mal-vetturi u mal-fjuwils minn pajjiżi Ewropej u mill-manifatturi tal-vetturi. Din tinkludi data dwar karozzi, vannijiet, trakkijiet, xarabanks u trejlers ġodda rreġistrati fl-UE, li tippermettilna nevalwaw l-effiċjenza tal-flotta l-ġdida ta’ vetturi. Niġbru wkoll data dwar il-fjuwils użati fit-trasport bit-triq u l-makkinarju mobbli tal-Ewropa. Din tinkludi t-tip u l-kwantità tal-fjuwils li jintużaw kif ukoll l-emissjonijiet assoċjati mal-estrazzjoni, il-proċessjoni u d-distribuzzjoni ta’ dawk il-fjuwils. Għall-bijofjuwils, inħarsu wkoll lejn l-effetti tat-tibdil indirett fl-użu tal-art.
Nanalizzaw din id-data biex nittraċċaw il-progress lejn il-miri ta’ politika permezz ta’ valutazzjonijiet regolari tal-indikaturi li aħna nikkondividu pubblikament fuq is-sit web tagħna. Minbarra li nużaw id-data tagħna stess, nippreparaw ukoll indikaturi rilevanti għall-politika bbażati fuq data usa’ tal-EEA jew dik esterna, pereżempju, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport, u aktar tard din is-sena, is-sehem ta’ xarabanks u ferroviji fit-trasport kollu.
Tommaso:
L-EEA qed taħdem ukoll f’oqsma oħra tas-sistema tal-mobilità u t-trasport. Xi wħud mill-attivitajiet addizzjonali li għaddejjin bħalissa huma fis-settur marittimu u dak tal-avjazzjoni, fejn nippreparaw l-edizzjonijiet il-ġodda ta’ rapporti speċifiċi għas-settur, f’kollaborazzjoni mas-sħab tagħna f’aġenziji oħra tal-UE.
Dawn huma r-Rapport Ambjentali Ewropew dwar it-Trasport Marittimu (European Maritime Transport Environmental Report) f’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u r- Rapport Ambjentali tal-Avjazzjoni Ewropea (European Aviation Environmental Report) f’kollaborazzjoni mal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-Eurocontrol (Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru).
Tommaso:
Bħalissa, qed naħdmu fuq l-edizzjoni li jmiss tar-rapport TERM bil-għan li nippubblikawh aktar tard din is-sena. Se jkun dwar is-suġġett wiesa’ tad-diġitalizzazzjoni fis-sistema tal-mobilità u se jesplora ħafna innovazzjonijiet li saru possibbli permezz tat-teknoloġiji diġitali u kif dawn jista’ jkollhom impatt fuq is-settur, l-ambjent u ħajjitna.
Rasa Narkeviciute u Tommaso Selleri, esperti tal-EEA dwar it-trasport u l-ambjent
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/articles/naghmlu-t-trasport-aktar-sostenibbli or scan the QR code.
PDF generated on 05 Dec 2024, 01:15 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn