Lenti fuq l-emissjonijiet mill-avjazzjoni u mit-trasport marittimu

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 12 Apr 2018 Mibdul l-aħħar 24 May 2018
L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) reċentement ippubblikat ir-rapport annwali tagħha dwar il-Mekkaniżmu ta’ Rappurtar dwar it-Trasport u l-Ambjent (TERM) li, din is-sena, iffoka fuq l-avjazzjoni u t-trasport marittimu. Dawn iż-żewġ setturi qed jikbru b’pass mgħaġġel, xi ħaġa li qed tħalli wkoll impatt fuq l-ambjent, b'mod partikolari l-emissjonijiet. Staqsejna lil Anke Lükewille, esperta tal-EEA dwar it-tniġġis tal-arja, sabiex tispjega l-punti ewlenin tar-rapport TERM ta’ din is-sena.

 Image © Simon Hadleigh-Sparks, My City /EEA

Ir-rapport TERM ta’ din is-sena investiga l-impatti tal-avjazzjoni u t-trasport marittimu - għaliex intgħażlu dawn is-setturi?

Iddeċidejna li niffukaw fuq l-avjazzjoni u t-trasport marittimu bħala parti mir-rapport TERM tagħna sabiex nitfgħu dawl fuq it-tipi ta’ problemi komuni li dawn iż-żewġ setturi joħolqu f’termini ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra u t-tniġġis tal-arja. L-attivitajiet tal-avjazzjoni, inklużi t-titjiriet iżda anki l-ajruporti nfushom, joħolqu firxa ta’ pressjonijiet negattivi fuq l-ambjent, inklużi l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra, is-sustanzi li jniġġsu l-arja, it-tniġġis akustiku, id-domanda għall-ilma u l-ġenerazzjoni tal-iskart. Barra minn hekk, fl-UE l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra mill-avjazzjoni internazzjonali żdiedu b’aktar mid-doppju mill-1990.

L-attivitajiet marittimi wkoll iwasslu għal emissjonijiet sinifikanti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u sustanzi li jniġġsu l-arja, kif ukoll tniġġis akustiku u tal-ilma. Jekk ma titteħidx azzjoni ulterjuri, l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu globali jistgħu jikkontribwixxu għal 17 % tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju kollha sal-2050. Filwaqt li l-emissjonijiet ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu li jirriżultaw mit-trasport bit-triq naqsu b’mod ġenerali (iżda mhux id-diossidu tal-karbonju), l-emissjonijiet mill-avjazzjoni u mit-trasport marittimu qed ikomplu jiżdiedu. Sal-2050, l-avjazzjoni globali u t-trasport marittimu flimkien huma mistennija li jikkontribwixu għal kważi 40 % tal-emissjonijiet globali tad-diossidu tal-karbonju, sakemm ma jittiħdux aktar azzjonijiet ta’ mitigazzjoni. Dawn is-setturi ġew ivvalutati regolarment bħala parti mill-indikaturi TERM tagħna iżda biss bħala wieħed mis-subsetturi tat-trasport, u indirizzajna l-avjazzjoni fir-Rapport Ambjentali tal-Avjazzjoni Ewropea 2016. Għalhekk, din hija l-ewwel darba li qed nindirizzawhom b’mod speċifiku fir-rapport TERM tagħna.

Għaliex qed jiżdiedu l-emissjonijiet mill-avjazzjoni u mit-trasport marittimu?

Tul dawn l-aħħar snin osservajna l-globalizzazzjoni tal-kummerċ u kemm l-avjazzjoni kif ukoll it-trasport marittimu esperjenzaw tkabbir enormi. Dan wassal għal żieda kostanti fl-emissjonijiet. In-numru ta’ passiġġieri bl-arju fl-Ewropa u globalment, pereżempju, ittripplika mill-1990. Eżempju ieħor huwa aktar kummerċ ma’ ekonomiji emerġenti, li jirriżulta f’distanzi itwal tal-ivjaġġar. Rajna wkoll l-introduzzjoni ta’ titjiriet orħos għall-passiġġieri, bil-linji tal-ajru bi prezz baxx iżidu s-sehem tagħhom fis-suq. Dan l-iżvilupp huwa responsabbli minn ħafna miż-żieda reċenti fit-trasport tal-passiġġieri fl-Ewropa. Il-flotot tal-linji tal-ajru bi prezz baxx b’mod ġenerali huma aktar ġodda u aktar nodfa, iżda s-sehem tat-titjiriet totali rdoppja fuq perjodu ta’ għaxar snin.

Is-setturi tal-avjazzjoni u tat-trasport marittimu kif jistgħu jsiru aktar sostenibbli?

Il-gvernijiet għandu jkollhom rwol ewlieni billi jappoġġjaw l-investiment fir-riċerka, fl-istandards tal-prodotti u fis-sussidji għal teknoloġiji emerġenti ġodda. Miżuri bħat-titjib fl-effiċjenza tal-fjuwil bl-introduzzjoni ta’ materjali eħfef jew għażliet tekniċi oħrajn mhux ser ikunu biżżejjed sabiex jintlaħqu l-miri Ewropej tal-emissjonijiet u s-sostenibbiltà. Il-pubbliku wkoll jista’ jagħmel il-parti tiegħu. Diġà qed naraw dibattitu dwar l-ivvjaġġar sostenibbli u l-imġiba tal-konsumatur, u dan jeħtieġ li jkompli jitrawwem. Dan jista’ jgħin sabiex iġib bidla fl-istili ta’ ħajja u l-modi ta’ trasport użati.

Dawn iż-żewġ setturi x’jistgħu jitgħallmu minn setturi tat-trasport oħrajn?

F’ċerti każijiet, jeżistu alternattivi għall-kombustjoni tal-fjuwils fossili jew saħansitra għall-magna ta' kombustjoni. Ejja nieħdu t-trasport marittimu bħala eżempju. Id-dgħajjes tal-port, li huma parti mis-sistema tat-trasport pubbliku f’Copenhagen, issa qed jaħdmu bil-bijofjuwils. Uħud mill-vapuri tat-traġitt fin-Norveġja, u f’pajjiżi oħrajn, diġà qed jużaw il-batteriji sabiex itejbu l-impronta ambjentali tagħhom. Il-bliet jistgħu jipprovdu infrastruttura għall-vapuri f’portijiet fejn ikun possibbli li jinkiseb l-elettriku minn fuq l-art biex dawn ikunu jistgħu jaqbdu mas-sistema bla ma jħallu l-magna mqabbda. Dan ma jwassalx biss għal tnaqqis fl-emissjonijiet, iżda jgħin ukoll sabiex tittejjeb il-kwalità tal-arja. B’kuntrast għal dan, għall-avjazzjoni, it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra mit-trasport bl-ajru jibqa’ waħda mill-isfidi l-aktar ibsin fis-settur tat-trasport. L-inġenji tal-ajru jidher li ser jibqgħu dipendenti mill-fjuwils fossili fil-futur prevedibbli u d-domanda għat-trasport bl-ajru hija mistennija li tkompla tikber.

Ir-rapport TERM kif ser jintuża mill-UE? X’qed tagħmel l-UE f’dan il-qasam sabiex tnaqqas l-emissjonijiet?

Dan ir-rapport jgħin sabiex jiġu informati d-diskussjonijiet dwar il-politika f’livell Ewropew, nazzjonali u dak lokali dwar il-kwistjoni tal-emissjonijiet minn dawn iż-żewġ setturi. Minħabba n-natura globali tagħhom, l-emissjonijiet mill-avjazzjoni u mit-trasport marittimu huma fil-parti l-kbira regolati minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-IMO u l-ICAO. Madankollu, l-UE wkoll qed tieħu azzjoni. L-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mill-avjazzjoni ilhom inklużi fl-Iskema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet (ETS) minn Jannar 2012. Madankollu, dispożizzjoni “waqqaf l-arloġġ” bħalissa teskludi t-titjiriet minn u lejn pajjiżi li mhumiex membri taż-Żona Ekonomika Ewropea mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ETS sabiex tippermetti qbil globali dwar l-emissjonijiet mill-avjazzjoni.  Bħala mod kif jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja fis-settur tat-trasport marittimu, ġew stabbiliti wkoll limiti għall-emissjonijiet tal-ossidu tal-kubrit f’żewġ Żoni ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet dedikati fl-ilmijiet tal-UE. Wieħed fil-Baħar Baltiku u l-ieħor ikopri l-Baħar tat-Tramuntana, inkluż il-Kanal Ingliż. Sabiex jikkonformaw ma’ dawn il-limiti, l-operaturi jistgħu, pereżempju, jużaw fjuwil b’livell baxx ta’ kubrit, jinstallaw filtri fuq id-dgħajjes, jew jadottaw teknoloġiji alternattivi tal-fjuwil.

Fl-EEA ser inkomplu nimmonitorjaw mill-qrib l-emissjonijiet mis-setturi tal-avjazzjoni u t-trasport marittimu permezz tal-indikaturi aġġornati tagħna u rapporti u laqgħat ta’ tagħrif regolari.

 

Anke Lükewille

Esperta tal-EEA dwar it-tniġġis tal-arja

L-intervista ppubblikata fil-Bullettin tal-EEA, Ħarġa 2018/1, 15 ta’ Marzu 2018

Temporal coverage

Dokument ta’ Azzjonijiet
Artikoli
Menu
Abbonamenti
${inkiteb} biex tirċievi r-rapporti tagħna (stampati jew/u f’forma elettronika) u n-newsletter elettronika ta’ kull tliet xhur.
Segwina
 
 
 
 
 
Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
Kongens Nytorv 6
1050 Kopenħagen K
id-Danimarka
Telefown: +45 3336 7100