All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
‘Il-bieraħ, ġejt lura minn skalata li mexxejt fuq il-Materħorn fl-Iżvizzera. Użajna l-muntanja Hornli, ir-rotta magħrufa li kienet skalata għall-ewwel darba fl-1865. Immur hemm kull sajf. Dawn ir-rotot li huma użati ħafna qed isiru perikolużi u diversi minnhom ingħalqu. Il-permafrost, li żamm il-blat flimkien għal mijiet jew eluf ta’ snin, qiegħed idub. Idub matul il-jum u jiffriża matul il-lejl, u dan qed ifarrak il-blat. Kull sena dan qed jiġri f’altitudnijiet ogħla — qed jiċċaqlaq ’l fuq fil-muntanji.’
Sebastian Montaz jgħix f’raħal fir-reġjun ta’ Chamonix fi Franza. Huwa gwida tal-muntanji u għalliem tal-iskijjar, u trabba fl-Alpi Franċiżi imma jiggwida x-xabbaturi u l-iskijers fir-reġjun Alpin kollu.
‘Il-muntanji normalment jinbidlu bil-mod. Imma hawnhekk fl-Alpi naraw bidliet kważi kull meta jinbidel l-istaġun. Inbidlu drammatikament minn meta kont tifel u min jaf kif se jkunu l-Alpi meta tikber binti u ssir mara.
‘Għal dawn l-aħħar ħames snin, minn Ġunju sa Lulju, ma kienx possibbli li jsir tixbit imħallat fejn tixxabbat fuq il-borra u s-silġ. Issa mhux sikur minn Ġunju sal-aħħar ta’ Settembru. Ix-xitwa li għaddiet kellna l-aħjar borra f’disa’ snin imma xtiewi bħal dik issa huma l-eċċezzjoni,’ jgħid Sebastian.
Il-bidla fil-klima qed taffettwa l-Alpi mill-kompożizzjoni tal-permafrost, li jżomm il-blat flimkien, sal-volum u l-kwalità tal-borra. Il-glaċieri qed jirtiraw, u s-silġ u l-pontijiet tal-borra qed jisparixxu. L-arti tal-gwidi tal-muntanji qed tinbidel minħabba li r-rotot tradizzjonali qed isiru perikolużi. Xi glaċieri, li ħames snin ilu stajna ngħaddu minn fuqhom minn naħa għal oħra, inbidlu. Is-silġ telaq u nkixef il-blat ta’ taħt.
L-Alpi huma simbolu ikoniku tal-Ewropa. Bħala waħda mill-aqwa destinazzjonijiet turistiċi tal-kontinent, il-muntanji jipprovdi ferm aktar mid-destinazzjonijiet tal-btajjel. Erbgħin fil-mija tal-ilma ħelu tal-Ewropa joriġina hemmhekk, u jforni għexieren ta’ miljuni ta’ Ewropej fiż-żoni tal-artijiet baxxi. Mhux ta’ b’xejn l-Alpi xi kultant jissejħu ‘t-torrijiet tal-ilma tal-Ewropa’.
Dan l-ilma ħelu huwa vitali mhux biss għat-tmien pajjiżi Alpini imma għall-parti l-kbira tal-kontinent Ewropew. Rapport riċenti tal-EEA, ‘Il-bidla fil-klima reġjonali u l-addattament — L-Alpi jiffaċċjaw l-isfida ta’ riżorsi tal-ilma li qed jinbidlu’, iqis l-effetti tal-bidla fil-klima fuq il-provvista u d-domanda tal-ilma ħelu f’reġjuni Alpini ewlenin.
Niffokaw fuq: l-impatti tal-bidla fil-klima fuq l-ekosistema AlpinaL-impatt tal-bidla fil-klima fuq is-servizzi ta’ ekosistema Alpini mhuwiex limitat għall-effett tiegħu fuq il-provvisti tal-ilma tax-xorb. Għal kull żieda ta’ 1 ºC fit-temperatura, il-linja tal-borra titla’ ’l fuq b’madwar 150 metru. Minħabba f’hekk, inqas borra se takkumula fl-elevazzjonijiet baxxi. Kważi nofs il-postijiet kollha tal-btajjel tal-iskijjar fl-Iżvizzera, u saħansitra aktar minn hekk fil-Ġermanja, l-Awstrija u l-Pirinej, fil-ġejjieni se jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiġbdu lejhom it-turisti u d-dilettanti tal-isports tax-xitwa. L-ispeċi tal-pjanti wkoll qed jiċċaqalqu lejn it-tramuntana u lejn il-quċċati. L-hekk imsejħa ‘speċi pijunieri’ qed jiċċaqalqu ’l fuq. Il-pjanti li addattaw għall-kesħa issa qed jkunu mġiegħla jitilqu mill-firxiet naturali tagħhom. L-ispeċi tal-pjanti Ewropej jista’ jkun li ċċaqalqu mijiet ta’ kilometri lejn it-tramuntana sa tard fis-seklu 21 u 60 % tal-ispeċi tal-pjanti tal-muntanji jistgħu jiffaċċjaw l-estinzjoni. Tnaqqis osservat u previst fil-permafrost huwa mistenni wkoll li jżid il-perikli naturali u l-ħsara fl-infrastruttura f’altitudnijiet għolja. Il-mewġa tas-sħana tal-2003 fl-Ewropa uriet l-impatti severi potenzjali tat-temperaturi għolja u n-nixfa fuq il-benesseri tal-bniedem u s-setturi tal-ekonomija li jiddependu fuq l-ilma (bħall-ġenerazzjoni tal-enerġija). It-tidwib naqqas il-massa tal-glaċieri Alpini b’wieħed minn għaxra f’dik is-sena waħedha, u għexieren ta’ eluf ta’ nies mietu fl-Ewropa. L-Alpi jipprovdu previżjoni tal-isfidi tal-ġejjieni għall-ekosistemi, l-abitat naturali u l-popolazzjonijiet fl-Ewropa u d-dinja. Fi storja dwar l-Artiku, aktar ‘l isfel, se nisimgħu mingħand nies li jgħixu fl-Ewropa Artika dwar l-impatti li l-bidla fil-klima diġà qed ikollha fuq ħajjithom. |
Il-muntanji normalment jinbidlu bil-mod, kif josserva Sebastian Montaz. Imma fl-aħħar mitt sena, il-klima Alpina nbidlet b’mod sinjifikanti, bit-temperaturi jiżdiedu 2° C: id-doppju tal-medja globali. Il-glaċieri Alpini qed idubu minħabba f’hekk. Tilfu madwar nofs il-volum tas-silġ tagħhom mill-1850 sa llum u r-rata tat-telf aċċellerat b’mod qawwi wara nofs it-tmeninijiet.
Il-linja tal-borra qed titla’ ’l fuq ukoll u x-xejriet tal-preċipitazzjoni (ix-xita, il-borra, is-silġ u x-xita bis-silġ) qed jinbidlu wkoll. Numru kbir ta’ glaċieri ta’ daqs medju u żgħar mistennija jgħibu fl-ewwel nofs tas-seklu. Huwa stmat li r-reġjuni li preżentament ikollhom il-borra minflok se jibda jkollhom xita fix-xitwa, u dan iwassal għal inqas jiem miksija bil-borra. Dan qed jaffettwa l-mod kif il-muntanji jiġbru u jaħżnu l-ilma fix-xitwa u jiddistribwixxuh mill-ġdid fix-xhur sħan tas-sajf. Din l-iskulatura mistennija tiżdied fix-xitwa u tonqos fis-sajf.
Fl-Alpi l-ilma jinġabar u jinħażen bħala borra u silġ fil-glaċieri, l-għadajjar, il-korpi tal-ilma fl-art u l-ħamrija matul ix-xitwa. Imbagħad ikun irrilaxxat bil-mod meta s-silġ u l-borra jdubu matul ir-rebbiegħa u s-sajf, biex ifornu x-xmajjar bħad-Danubju, ir-Rhine, il-Po u r-Rhone, li kollha jibdew fil-muntanji. Dan jagħmel l-ilma disponibbli kull meta jonqos il-forniment fl-artijiet baxxi, u meta d-domanda tkun l-ogħla.
L-interazzjonijiet delikati abbażi ta’ dan il-proċess antik ta’ ħażna u rilaxx issa huma mhedda mill-bdla fil-klima. Kif se jkunu affettwati l-ekosistemi Alpini mill-bidla fil-klima? Kif se jinbidlu s-servizzi ta’ ekosostemi? X’nistgħu nagħmlu aħna?
It-‘torrijiet tal-ilma’ Alpini huma estremament sensittivi u vulnerabbli għall-bidliet fil-proċessi meteoroloġiċi u klimatiċi, fil-pajsaġġ u l-użu tal-ilma mill-bniedem. L-alterazzjonijiet jistgħu jaffettwaw il-kwalità u l-kwantità tal-ilma fornut lil għexieren ta’ miljuni ta’ Ewropej.
Il-bidla fil-klima thedded li tbiddel drastikament iċ-‘ċiklu tal-ilma’ Alpin. Bidliet fil-preċipitazzjoni, ix-xejriet tal-kopertura tal-borra u l-ħażna tal-glaċieri mistennija jibdlu l-mod kif ikun ittrasportat l-ilma. Dak ifisser aktar nixfa fis-sajf, għargħar u żerżiq minn ġnub l-għoljiet fix-xitwa, u varjabilità akbar fil-provvista tal-ilma matul is-sena. Il-kwalità tal-ilma se tkun affettwata wkoll.
In-nuqqas ta’ ilma u avvenimenti estremi aktar frekwenti, ikkombinati ma’ domanda dejjem tiżdied għall-ilma (pereżempju għall-irrigazzjoni fl-agrikultura jew l-influssi tat-turisti) mistennija jolqtu ħażin lis-servizzi ta’ ekosistema u s-setturi ekonomiċi. Id-djar, l-agrikultura, il-produzzjoni tal-enerġija, il-foresti, it-turiżmu, u n-navigazzjoni fix-xmajjar kollha se jbatu. Dan jista’ jħarrax il-problemi eżistenti tar-riżorsi tal-ilma u jista’ jwassal għal kunflitt bejn l-utenti kemm fir-reġjun Alpin kif ukoll f’postijiet oħra. Fin-nofsinhar tal-Ewropa, b’mod partikulari, mistennija jiffaċċaw nixfiet aktar frekwenti.
L-ilma, riżors li ta’ spiss jittieħed bħala stat ta’ fatt, qed jakkwista valur ġdid fl-ambitu tal-klima li qed tinbidel.
Kont taf?(5)Baċir ta’ xmara jirreferi għaż-żona ta’ art minn fejn kull ilma ġieri tal-wiċċ inixxi permezz ta’ sekwenza ta’ nixxiegħat, xmajjar u possibilment, għadajjar għal ġol-baħar minn bokka waħda ta’ xmara, estwarju jew delta Ġestjoni tal-baċir ta’ xmara jfisser il-ħarsien ta’ xmara, min-nixxiegħa sal-baħar, u l-pajsaġġi ta’ madwarha. Dan ta’ spiss jinvolvi setturi u awtoritajiet differenti imma hija importanti biex ikunu protetti l-kwalità u l-kwantità tar-riżors tal-ilma |
L-ilma li nsibu fi Vjenna jivvjaġġa mill-inqas 100 kilometru min-nixxiegħat fil-muntanji,” jgħid Dr. Gerhard Kuschnig, il-Kap tal-Ħarsien tan-Nixxiegħat tax-Xogħlijiet tal-Ilma tal-Belt ta’ Vjenna. Dr. Kuschnig jinsab diversi mijiet ta’ kilometri ’l bogħod mid-dar Alpina ta’ Sebastian, il-gwida tal-muntanji. Imma huwa wkoll jinkwieta dwar il-bidla fil-klima.
‘Għal issa, m’hemmx problemi reali bil-kwantità jew il-kwalità tal-ilma imma l-ġejjieni huwa inċert. Il-ġestjoni tal-bidla fil-klima tfisser il-ġestjoni tal-inċertezza. Irridu naċċertaw li qed nistaqsu l-mistoqsijiet tajba,’ iżid Dr. Kuschnig.
Żewġ miljun persuna fil-bliet ta’ Vjenna u Graz u ż-żoni tal-madwar jiddependu fuq sezzjoni waħda tal-Alpi Awstrijaċi għall-ilma. Għaldaqstant, in-nixxiegħat tal-ilma ħelu fir-reġjun huma protetti bil-liġi. Il-blat li jżomm l-ilma (korp ta’ blat issaturat li fih l-ilma jiċċaqlaq b’mod faċli) f’dawn iż-żoni muntanjużi huma estremament vulnerabbli minħabba x-xejra ġeoloġika tal-blat, il-klima u l-attivitajiet tal-użu tal-art, li flimkien jinfluwenzaw sostanzjalment il-kwalità u l-kwantità tal-ilma disponibbli.
Fl-addattament għall-bidla fil-klima, waħda mill-isfidi ewlenin għal dan ir-reġjun hija l-ħarsien tal-kwantità u l-kwalità tal-ilma ħelu. Ilma ta’ kwalità għolja jista’ jkun assigurat biss fuq medda twila ta’ żmien billi titħares l-art li minnha jivvjaġġa l-ilma. Bidliet fl-art, inklużi prattiċi ġodda tal-biedja u l-kostruzzjoni pereżempju, kollha jaffettwaw il-kwalità u l-kwantità tal-ilma. Vjenna ilha tipproteġi n-nixxiegħat tal-muntanji fil-qrib għal aktar minn 130 sena, u gradwalment kisbet is-sjieda ta’ territorji kbar fiż-żoni ta’ protezzjoni u santwarji tal-ilma. Iż-żona ta’ protezzjoni tal-ilma tkopri erja ta’ madwar 970 km² lokalizzati fi Styria u Lower Austria.
L-ilma jgħaddi mis-saffi tal-wiċċ tal-blat, jiċċirkula fil-muntanja u wara li jasal fis-saffi impermeabbli jnixxi fin-nixxiegħat, minn fejn jirritorna fil-wiċċ,’ jispjega Dr. Kuschnig.
Il-medda taż-żmien bejn l-infiltrazzjoni (id-dħul fl-art) sal-ħruġ (ir-ritorn fil-wiċċ permezz ta’ nixxiegħa) tal-ilma wara li tinżel ix-xita hija qasira ħafna. Avvenimenti estremi, bħal xita qawwija jew it-tidwib rapidu tal-borra, jimmobilizzaw ammonti kbar ta’ sedimenti li jaffettwaw il-kwalità tal-ilma. Kwantitajiet kbar ta’ sedimenti ta’ spiss ma jistgħux jissaffew fi żmien qasir qabel il-ħruġ. L-eventwalità ta’ avvenimenti estremi tat-temp tiżdied mal-bidla fil-klima.’
Bidliet fil-kundizzjonijiet tal-klima fir-reġjun, bħaż-żieda fit-temperatura, se jinfluwenzaw direttament id-disponibilità u l-kwalità tal-ilma permezz ta’ żieda fl-evaporazzjoni u bidliet fil-preċipitazzjoni. Il-bidla fil-klima qed tikkawża wkoll effetti indiretti fuq ir-riżorsi tal-ilma billi tbiddel il-veġetazzjoni.
Żewġ terzi taż-żona ta’ protezzjoni hija miksija bil-foresti. Bħall-agrikultura, il-foresti tar-reġjun huma ġestiti bil-għan li jkun protett l-ilma tax-xorb. ‘Bħalissa, l-akbar theddida tagħna mill-bidla fil-klima hija ż-żieda fl-erożjoni għax din thedded il-foresti. Mingħajr siġar u ħaxix addattat, il-ħamrija tinġarr mal-ilma u hija l-ħamrija li tnaddaf l-ilma. Iż-żidiet fit-temperatura se jfissru tipi ġodda ta’ siġar. Il-bidla fil-klima tfisser inċertezza, fatturi ġodda — u dak huwa dejjem riskju,’ jgħid Dr. Kuschnig.
Sadanittant, l-edukazzjoni hija kompitu importanti għall-awtorità tal-ilma. Skola tal-ilma ilha tgħallem lit-tfal lokali għal dawn l-aħħar 13-il sena dwar l-importanza tal-ilma u l-pajsaġġ li jipprovdih. Ħarġiet regolari huma offruti san-nixxiegħat tal-muntanji biex l-istudenti jifhmu aħjar minn fejn jiġi l-ilma tagħhom. L-informazzjoni hija importanti wkoll għall-komunità agrikola fil-mergħat Alpini fil-għoli. Huma wkoll għandhom responsabilità li jipproteġu l-art madwar in-nixxiegħat, speċjalment mill-ħmieġ likwidu tal-bhejjem.
Vienna Water diġà hija involuta fi proġetti li jlaqqgħu flimkien atturi oħra fid-dinja tal-ilma biex jiddiskutu l-impatti u l-addattament għall-bidla fil-klima. Pereżempju, proġett imsejjaħ CC-WaterS ilaqqa’ flimkien 18-il organizzazzjoni minn tmien pajjiżi biex jikkondividu l-esperjenzi u jiddiskutu mudelli ta’ addattament komuni.
Il-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima tfisser it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet ‘serra’, jiġifieri jkunu evitati l-impatti li ma jistgħux ikunu ġestiti tal-bidla fil-klima. Madankollu, anki jekk l-emissjonijiet jieqfu llum, il-bidla fil-klima se tkompli għal żmien twil minħabba l-mod kif il-gassijiet serra storikament inġemgħu fl-atmosfera. Għaldaqstant irridu nibdew naddattaw. L-addattament għall-bidla fil-klima jfisser l-evalwazzjoni u t-trattament tal-vulnerabilità tas-sistemi naturali u umani għal impatti bħall-għargħar, in-nixfiet, iż-żieda fil-livell tal-baħar, il-mard u l-mewġiet tas-sħana. Fl-aħħar mill-aħħar, l-addattament ifisser il-kunsiderazzjoni mill-ġdid ta’ fejn u kif ngħixu issa u fil-ġejjieni. Minn fejn se jiġi l-ilma tagħna? Kif se nipproteġu lilna nfusna minn avvenimenti estremi? Għal aktar informazzjoni dwar is-suġġetti koperti f’Signals, żur il-websajt www.eea.europa.eu. |
‘Miżuri tal-politika relatati mal-addattament għall-bidla fil-klima ta’ spiss huma abbozzati bi tweġiba għal avvenimenti estremi tat-temp li jimmotivaw id-domanda għall-azzjoni,’ jgħid Stéphane Isoard, mit-tim fuq Vulnerabilità u Addattament fl-EEA.
Tista’ tissemma l-mewġa tas-sħana tal-2003 bħala każ attwali. Madankollu, l-istrateġiji għal addattament ibbażati fuq aktar analiżi sistematika tar-reġjuni, is-setturi u l-persuni vulnerabbli, iridu jitfasslu issa u jkunu implimentati f’qasir żmien, jekk irriduhom ikunu robusti u effettivi fil-ġejjieni biex jittrattaw l-impatti inevitabbli tal-bidla fil-klima. L-addattament għall-bidla fil-klima u l-kwistjonijiet tar-riżorsi tal-ilma jirrikjedu ġestjoni lokali f’kuntest akbar reġjonali, nazzjonali u tal-UE,’ jgħid Isoard.
Element importanti se jinvolvi l-ġestjoni effettiva tal-baċir tax-xmara li jaqsam bosta konfini nazzjonali. Pereżempju, s’issa ftit kien hemm koperazzjoni bejn il-pajjiżi fil-ġestjoni tan-nuqqas ta’ ilma matul il-baċiri tax-xmajjar li joriġinaw jew jieħdu forniment mir-reġjun Alpin. L-UE hija f’qagħda b’saħħitha biex tgħin dan il-proċess billi ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-koperazzjoni.
Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma: http://ec.europa.eu/environment/water/water-framework/index_en.html
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/articles/l-alpi or scan the QR code.
PDF generated on 05 Oct 2024, 11:19 AM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn