All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesGħin lill-pjaneta tagħna, ipprintja din il-paġna biss jekk ikollok bżonnha. Anke azzjoni żgħira tista’ tagħmel differenza enormi meta jagħmluha miljuni ta’ persuni!
Article
Terz tal-użu tal-ilma fl-Ewropa jmur għas-settur agrikolu. L-agrikoltura taffettwa kemm il-kwantità kif ukoll il-kwalità ta’ ilma disponibbli għal użijiet oħra. F’xi partijiet tal-Ewropa, it-tniġġis mill-pestiċidi u mill-fertilizzanti użati fl-agrikoltura weħidhom jibqgħu kawża maġġuri ta’ kwalità ħażina tal-ilma.
L-industriji tagħna, l-istili tal-ħajja tagħna u l-ħtiġijiet personali tal-popolazzjonijiet tagħna dejjem jikbru, huma wkoll rivali tan-natura fejn jidħol l-użu ta’ ilma nadif. It-tibdil fil-klima jżid element addizzjonali ta’ inċertezza fir-rigward tad-disponibbiltà ta’ riżorsi tal-ilma. Bi prospetti ta’ tibdil fil-mudelli ta’ preċipitazzjoni, xi partijiet tal-Ewropa huma mistennija li jkollhom aktar u oħrajn inqas ilma ħelu disponibbli fil-ġejjieni. Iffaċċjati b’domanda dejjem tiżdied u bit-tibdil fil-klima, ħafna utenti inkluża n-natura ser isibuha diffiċli biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-ilma tagħhom. Fil-każ ta’ skarsezza tal-ilma, l-industrija u l-familji jistgħu jiżviluppaw mezzi biex jużaw inqas ilma, iżda l-ekosistemi tagħna li jiddependu mill-ilma qegħdin f’riskju li ssirilhom ħsara irriversibbli. Dan ikun jaffettwa ħafna aktar mill-ħajja ta’ korp tal-ilma partikolari. Ikun jaffettwa lilna, wkoll.
Bl-applikazzjoni tal-prattiki agrikoli tajbin u soluzzjonijiet ta’ politika ta’ sostenn, nistgħu niksbu gwadanni sinifikanti fir-rigward tal-effiċjenza tal-ilma fl-agrikoltura, u dan ikun ifisser aktar ilma disponibbli għal użijiet oħra, b’mod partikolari n-natura.
Qasam wieħed fejn prattiki u politiki ġodda jistgħu jagħmlu differenza sinifikanti fi gwadanni fl-effiċjenza tal-ilma huwa t-tisqija tal-għelejjel. F’pajjiżi fin-nofsinhar tal-Ewropa bħall-Greċja, l-Italja, il-Portugall, Ċipru, Spanja u n-nofsinhar ta’ Franza, il-kondizzjonijiet aridi jew semi-aridi jinneċessitaw l-użu tat-tisqija. F’dawn iż-żoni, kważi 80% tal-ilma li jintuża fl-agrikoltura fil-preżent imur għat-tisqija.
Madankollu, it-tisqija m’għandhiex għalfejn tkun daqstant intensiva fir-rigward tal-ilma. Diġà qiegħed ikun hemm gwadanni fl-effiċjenza tal-ilma tul l-Ewropa kemm permezz ta’ effiċjenza fejn jidħlu sistemi ta’ trasport (il-proporzjon ta’ ilma li jintbagħat fl-għalqa) kif ukoll ir-rendiment ta’ dak l-ilma fl-għalqa (l-ilma li fil-fatt jintuża mill-għelejjel fir-rigward tal-ammont totali ta’ ilma li ntbagħat lil dawk l-għelejjel). Fil-Greċja, pereżempju, netwerks aħjar ta’ trasport u distribuzzjoni irriżultaw fi gwadann ta’ madwar 95% ta’ rendiment tal-ilma meta pparagunat mal-metodi ta’ tisqija użati qabel.
Il-politika għandha rwol kruċjali f’li twassal lis-settur agrikolu biex jaddotta prattiki ta’ tisqija aktar effiċjenti. Fl-imgħoddi, pereżempju, politiki ta’ pprezzar tal-ilma f’xi pajjiżi Ewropej ma kinux neċessarjament jeħtieġu lil bdiewa jużaw l-ilma b’effiċjenza. Il-bdiewa rarament kellhom iħallsu prezz reali tal-ilma li kien jirrifletti l-ispejjeż ambjentali u ta’ riżorsi. Barra minn hekk, sussidji agrikoli miksubin permezz tal-Politika Agrikola Komuni (CAP) tal-UE u miżuri oħra kienu qegħdin indirettament jinkoraġġixxu lill-bdiewa jipproduċu għelejjel li jeħtieġu ammont intensiv ta’ ilma permezz ta’ tekniki ineffiċjenti. Fil-provinċja ta’ Kordoba, pereżempju, l-effiċjenza tat-tisqija tat-tajjar żdiedet b’madwar 40% wara li s-sussidji kienu parzjalment diżakkoppjati mill-produzzjoni tat-tajjar fl-2004. Struttura ta’ pprezzar tal-ilma li tiffavorixxi utenti effiċjenti u t-tneħħija ta’ sussidji agrikoli mhux favorevoli x’aktarx twassal għal tnaqqis sinifikanti fil-kwantità ta’ ilma użat fl-agrikoltura għat-tisqija.
Minbarra tekniki ta’ tisqija modifikati, wieħed jista’ jiffranka wkoll fuq l-ilma u l-ispejjeż permezz ta’ programmi ta’ kondiviżjoni ta’ taħriġ u tagħrif li jedukaw lill-bdiewa dwar prattiki aktar effiċjenti fejn jidħol l-ilma. Fi Kreta, pereżempju, madwar 9-10% kienu ffrankati minn fuq l-ilma, permezz ta’ servizz ta’ konsulenza dwar it-tisqija. Is-servizz jinforma lil bdiewa bit-telefon meta u kif japplikaw l-ilma għall-għelejjel fuq il-bażi ta’ estimi kuljum tal-kondizzjonijiet li jaffettwaw l-għelejjel.
Prattiki agrikoli dejjem jinbidlu jistgħu ukoll itejbu l-kwalità tal-ilma disponibbli għal utenti oħra tal-ilma b’mod effettiv fir-rigward tal-ispejjeż. L-użu ta’ fertilizzanti u pestiċidi inorganiċi u organiċi, pereżempju, jista’ jindirizza ħafna mill-problemi ta’ tniġġis tal-ilma mill-agrikoltura. Barra minn hekk, hemm potenzjal sinifikanti li titjieb il-kwalità tal-ilma fl-Ewropa bi ftit jew b’ebda impatt fuq il-profitt jew il-produttività, pereżempju, billi jitnaqqas l-użu ta’ pestiċidi, jiġi modifikat it-tinwib u jiġu ddiżinjati strixxi ta’ protezzjoni tul passaġġi tal-ilma.
Permezz tal-użu mill-ilma mormi fl-agrikoltura, jistgħu jsiru disponibbli aktar riżorsi ta’ ilma ħelu għal ħtiġijiet oħra, inkluża n-natura u d-djar. Jekk il-kwalità tal-ilma rkuprat tkun ġestita tajjeb, ilma mormi li jiġi ttrattat jista’ jipprovdi alternattiva effettiva biex tintlaħaq id-domanda tal-agrikoltura għall-ilma.
L-użu ta’ ilma mormi li jiġi ttrattat, fl-agrikoltura, qiegħed diġà jipprovdi benefiċċji sinifikanti fil-ġestjoni tal-ilma għal xi pajjiżi Ewropej. F’Ċipru, pereżempju, il-miri tal-ilma rriċiklat għall-2014 jikkorrispondu bejn wieħed u ieħor għal 28% tad-domanda għall-ilma fl-agrikoltura tal-2008. Fil-Gran Kanarja, 20% tal-ilma użat fis-setturi kollha huwa fornit minn ilma mormi li jiġi ttrattat, inkluża t-tisqija ta’ 5, 000 ettari ta’ tadam u 2,500 ettaru ta’ impjanti tal-banana.
Għal ġejjieni fejn ikun hemm biżżejjed ilma disponibbli biex jilħaq il-ħtiġijiet tal-ekosistemi tagħna b’riżorsi suffiċjenti li jibqgħu għall-ħtiġijiet tal-konsum tagħna, jeħtieġ li nipprovdu pakketti ta’ politika tajbin biex ikunu ta’ sostenn għall-miżuri ta’ effiċjenza. Id-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma (WFD) ikkontribwixxiet biex dan jintlaħaq permezz tal-inkoraġġiment ta’ bidliet fil-prattiki agrikoli li jistgħu jtejbu kemm il-kwantità kif ukoll il-kwalità tal-ilma fl-Ewropa, iżda xorta għadu meħtieġ aktar żvilupp tal-CAP u fi strutturi nazzjonali ta’ pprezzar tal-ilma biex ikun żgurat li dawn huma ta’ sostenn ukoll għall-miri tal- WFD. Il-Programm ġenerali għas-salvagwardja tar-riżorsi tal-ilma fl-Ewropa, li għandu jiġi ppubblikat mill-Kummissjoni sa tmiem din is-sena, ser jiffoka fuq possibbiltajiet biex tiżdied l-effiċjenza tar-riżorsi tal-ilma u fuq għażliet ta’ politika korrispondenti. Il-ġestjoni tal-ilma fl-agrikoltura jibbenefika żgur minn enfasi iktar qawwija fil-CAP fuq servizzi ta’ effiċjenza ta’ riżorsi u tal-ekosistema.
Użu aktar effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma tagħna fl-agrikoltura huwa biss wieħed mill-passi li jeħtieġ li nieħdu biex innaqqsu l-impatt tagħna fuq l-ambjent. Mingħajr dak il-pass, ma nistgħux niksbu ekonomija effiċjenti fir-rigward tar-riżorsi, jew nibnu ġejjieni sostenibbli.
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/articles/ilma-ghall-agrikoltura or scan the QR code.
PDF generated on 03 Dec 2024, 01:15 PM
Engineered by: Tim tal-Web tal-EEA
Software updated on 26 September 2023 08:13 from version 23.8.18
Software version: EEA Plone KGS 23.9.14
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn