Article
Il-perikli ambjentali kif jaffettwaw lill-gruppi vulnerabbli fl-Ewropa?
- Bulgarian (bg)
- Czech (cs)
- Danish (da)
- German (de)
- Greek (el)
- English (en)
- Spanish (es)
- Estonian (et)
- Finnish (fi)
- French (fr)
- Croatian (hr)
- Hungarian (hu)
- Icelandic (is)
- Italian (it)
- Lithuanian (lt)
- Latvian (lv)
- Maltese (mt)
- Dutch (nl)
- Norwegian (no)
- Polish (pl)
- Portuguese (pt)
- Romanian (ro)
- Slovak (sk)
- Slovenian (sl)
- Swedish (sv)
- Turkish (tr)
X’inhuma s-sejbiet ewlenin tar-rapport?
Ir-rapport tal-EEA “Unequal exposure and unequal impacts: social vulnerability to air pollution, noise and extreme temperatures in Europe” (Esponiment inugwali u impatti inugwali: vulnerabbiltà soċjali għat-tniġġis tal-arja, tniġġis akustiku u temperaturi estremi fl-Ewropa) għandu erba’ messaġġi ewlenin. L-ewwel wieħed huwa li l-persuni li diġà huma żvantaġġati, f’termini ta’ sitwazzjoni soċjoekonomika jew l-età tagħhom, jiġu affettwati wkoll b’mod sproporzjonat minn perikli ambjentali li nikkunsidraw fir-rapport. It-tieni, hemm differenzi reġjonali kbar madwar l-Ewropa f’termini ta’ fejn jinsabu r-reġjuni l-aktar żvantaġġati u fejn huwa kkonċentrat it-tniġġis. Xi reġjuni huma relattivament ogħna u inqas imniġġsa, filwaqt li oħrajn huma aktar foqra jew aktar żvantaġġati, aktar imniġġsa u aktar esposti għal temperaturi estremi. Punt ewlieni ieħor li sar fir-rapport huwa li aħna, bħala l-UE, għandna bażi tajba fil-politika Ewropea f’termini tal-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet iżda jeħtieġ li jsir aktar f’termini ta’ implimentazzjoni. Dan huwa attwalment pjuttost urġenti, peress li x’aktarx dawn l-inugwaljanzi jibqgħu jippersistu fil-futur — tal-inqas xi wħud minnhom. Għalhekk il-punt finali li jenfasizza r-rapport huwa li jeħtieġ li nħarsu lejn azzjonijiet lokali, nazzjonali u Ewropej li nistgħu nieħdu.
X’tipi ta’ azzjoni jittieħdu biex jiġu indirizzati dawn l-inugwaljanzi u impatti?
Hemm valutazzjonijiet lokali tajbin ħafna dwar il-vulnerabbiltà soċjali u l-esponiment għal perikli ambjentali. Il-belt ta’ Berlin hija eżempju tajjeb, fejn il-belt kollha nqasmet f’partijiet żgħar u għal kull waħda minn dawn il-partijiet, ġiet ivvalutata s-sitwazzjoni soċjoekonomika tar-residenti u l-problemi ambjentali. Din il-mappa li tikkunsidra kemm il-problemi soċjoekonomiċi u dawk ambjentali tippermetti lill-awtoritajiet lokali biex jindirizzaw żoni fejn huma kkonċentrati dawn il-problemi u fejn il-kwalità tal-ħajja tar-residenti probabbli tkun l-aktar baxxa.
Problema serja, speċjalment fi Stati Membri tal-UE tal-Lvant u xi ftit tan-Nofsinhar, hija l-użu kontinwu tal-faħam bħala sors ta’ tisħin domestiku. Dan jikkawża tniġġis sinifikanti tal-arja. Madankollu, hemm bosta programmi nazzjonali ta’ sussidji li jappoġġjaw il-qlib minn tisħin domestiku bil-faħam għall-gass u sorsi oħrajn li jniġġsu inqas li jimmiraw lejn l-ifqar familji.
X’informazzjoni u data użajtu għall-valutazzjoni?
F’termini ta’ data soċjoekonomika, iddependejna ħafna fuq data tal-Eurostat, minħabba li dan huwa sors Ewropew li jipprovdi bażi ta’ data konsistenti madwar l-Ewropa. Naturalment, hemm xi żvantaġġi f’termini tal-granularità tad-data. Din hija rrappurtata biss għal unitajiet spazjali kbar, hekk imsejħa reġjuni ta’ NUTS II u III, u li għalhekk ma tmurx taħt l-unitajiet ta’ bejn 150,000 u 800,000 abitanti. F’termini ta’ data ambjentali, għat-tniġġis tal-arja u t-tniġġis akustiku nużaw id-data rrappurtata lill-EEA mill-pajjiżi u vvalutata minna hawnhekk. Għad-data tal-klima, użajna wkoll is-sett ta' data osservatorju f’forma ta’ grilja (gridded observational dataset) ta’ kuljum prodott fuq skala Ewropea, imsejjaħ E-OBS. Dan ġie analizzat internament biex jirrappreżenta varjabbli klimatiċi fl-istess livell spazjali bħad-data soċjoekonomika.
Għaliex ir-rapport jiffoka biss fuq it-tniġġis tal-arja, it-temperaturi estremi u l-istorbju?
Fl-aħħar għexieren ta’ snin nistgħu naraw biċ-ċar l-impatt tat-temperaturi estremi fuq il-ħajjiet tan-nies kemm f’termini ta’ kesħa kif ukoll sħana estrema. Minkejja titjib sinifikanti fil-kwalità tal-arja tal-Ewropa, it-tniġġis tal-arja għadu periklu sinifikanti għas-saħħa għall-Ewropej. Regolarment naraw titli fl-istampa dwar il-livelli tat-tniġġis tal-arja li qed jinqabżu f’bosta lokalitajiet madwar il-kontinent. Barra minn hekk, f’termini ta’ storbju, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tistma li madwar wieħed minn kull ħames Ewropej huwa espost għal livelli ta’ storbju fit-triq li jistgħu jaffettwaw il-benesseri tiegħu. Għalhekk iffukajna fuq dawk il-perikli li għandhom l-aktar impatti fuq is-saħħa tal-bniedem. Il-punt fokali tagħna kien ukoll parzjalment iddeterminat mid-disponibbiltà tad-data u l-bażi ta’ għarfien tajjeb ħafna li għandna dwar dawn il-perikli.
Xi jfisser dan ir-rapport għall-EEA? Kif ser jintuża?
Din hija l-ewwel darba li qegħdin nanalizzaw data ambjentali kontra data soċjoekonomika fl-EEA. Dan jista’ jipprovdi punt ta’ bidu għal aktar valutazzjonijiet u nittamaw li jkollu effett fuq ir-rapport li jmiss tagħna “L-Istat tal-ambjent tal-Ewropa 2020”. Għandna wkoll rapporti oħrajn fil-pjanijiet tagħna li jħarsu lejn ir-rabtiet bejn l-ambjent u s-saħħa.
X'qiegħda tagħmel aktar l-UE f’dan il-qasam?
Il-kwistjonijiet imqajma fir-rapport tagħna ntlaqgħu tajjeb mill-Kummissjoni Ewropea u minn partijiet ikkonċernati oħra. Fil-fatt, bosta atturi tal-UE diġà għarfu r-rabtiet bejn il-problemi soċjoekonomiċi u ambjentali u qegħdin jaħdmu biex jiżguraw li dawn jiġu indirizzati flimkien b’mod aktar effettiv biex jitjieb il-benesseri tal-Ewropej. Ir-rabta bejn il-problemi ambjentali u soċjali hija importanti, kif rajna minn protesti riċenti fi Franza u l-istrajks tat-tibdil fil-klima minn studenti madwar l-Ewropa. L-UE qiegħda tindirizza l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi permezz ta’ bosta programmi bħall-politiki reġjonali u ta’ koeżjoni tagħha. Dawn l-isforzi tal-UE jikkumplimentaw miżuri oħrajn li ttieħdu f’livell nazzjonali u lokali.
Aleksandra Kazmierczak
L-intervista ppubblikata fil-ħarġa ta’ Marzu 2019 tal-Bullettin tal-EEA tal-01/2019
Permalinks
- Permalink to this version
- ddc568ef12564c0f83b6235f6d1dd932
- Permalink to latest version
- PI549T3BE0
Geographic coverage
Temporal coverage
For references, please go to https://www.eea.europa.eu/mt/articles/il-perikli-ambjentali-kif-jaffettwaw or scan the QR code.
PDF generated on 02 Feb 2023, 11:11 PM
Dokument ta’ Azzjonijiet
Ikkondividi ma’ oħrajn