EEA: 25 sena ta’ għarfien dejjem jikber għall-appoġġ tal-politiki ambjentali Ewropej

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 10 Jan 2019 Mibdul l-aħħar 27 Feb 2019
7 min read
L-Unjoni Ewropea (UE) għandha waħda mill-għadd ta’ miri klimatiċi u ambjentali l-iktar ambizzjużi fid-dinja, li jkopru firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika mill-kwalità tal-arja, l-iskart u l-kwalità tal-ilma sa l-enerġija u t-trasport. Abbażi ta’ data rrappurtata mill-Istati Membri, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tgħin biex ikun hemm monitoraġġ tal-progress u tidentifika l-oqsma fejn hemm bżonn ta’ aktar ħidma. Mit-twaqqif tagħha 25 sena ilu, l-EEA ilha tiżviluppa d-data u x-xogħol tal-għarfien tagħha biex tappoġġa t-tfassil tal-politika fl-Ewropa.

 Image © Piotr Górny, WaterPIX/EEA

Waqt li jirrikonoxxu n-natura transkonfinali ta’ ħafna mill-problemi ambjentali li kienu qed jiffaċċjaw, l-Istati Membri tal-UE, sa mis-snin 70, qablu li jaġixxu flimkien fuq sett komuni ta’ politiki u l-objettivi relatati ta’ politika tagħhom. Permezz tal-ewwel Programm ta’ Azzjoni Ambjentali ġew adottati diversi leġiżlazzjonijiet ambjentali ewlenin fis-sebgħinijiet, inkluż l-ewwel verżjonijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, id-Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm u d-Direttiva dwar l-Għasafar.

Sforzi globali u pan-Ewropej jikkaratterizzaw it-tmeninijiet, li jinkludu l-Protokoll ta’ Montreal dwar is-saff tal-ożonu, it-twaqqif tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Konvenzjoni tal-UNECE fuq it-tniġġis tal-arja transkonfinali fuq distanza kbira. Flimkien ma’ inizjattivi globali bħal dawn, il-politiki ambjentali tal-UE ġew imsaħħa wkoll bl-istabbiliment tad-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea fl-1981 u bl-integrazzjoni formali tal-"protezzjoni ambjentali" fit-trattati tal-UE bl-Att Uniku Ewropew tal-1987. Bit-Trattat ta’ Amsterdam tal-1997, l-"iżvilupp sostenibbli" ġie rikonoxxut bħala għan formali tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk ippermetta lill-Istati Membri tal-UE biex jaġixxu flimkien u jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ għanijiet globali, bħall-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju mis-sena 2000 u, l-Aġenda 2030 u s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha mill-2015.

Żviluppi simili seħħew fil-qasam tat-tibdil fil-klima, inkluż l-adozzjoni tal-trattat tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC) fl-1992, segwit mill-Protokoll ta’ Kjoto fl-1997. Il-Protokoll ta’ Kyoto kien legalment vinkolanti għall-pajjiżi żviluppati firmatarji tal-protokoll fil-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2020. L-ambizzjoni globali u l-livelli ta’ impenn komplew jiżdiedu aktar bil-Ftehim ta’ Pariġi fl-2015. Flimkien mal-Istati Membri tagħha, l-Unjoni Ewropea hija parti f’dawn il-ftehimiet u tistabbilixxi miri għall-UE bħala entita’ sħiħa.

Kejl tal-progress lejn l-ilħuq tal-miri

Peress li l-ambitu tal-leġiżlazzjoni relatata mal-ambjent u mal-klima ġiet estiża kemm fuq livell tal-UE kif ukoll fuq livell globali, data ta’ kwalità għolja saret prerekwiżit għall-monitoraġġ tal-progress u għall-identifikazzjoni ta’ nuqqasijiet u ta’ kwistjonijiet emerġenti. Huwa f’dan il-kuntest li fl-1989, l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jacques Delors, ippropona li tkun introdotta sistema Ewropea ta’ kejl u verifika ambjentali flimkien mal-idea li tinħoloq Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u Network Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (Eionet) ġew sussegwentement stabbiliti fl-1994[1] biex jipproduċu valutazzjonijiet indipendenti dwar l-ambjent Ewropew u jappoġġjaw it-tfassil tal-politika ambjentali fl-UE kollha.

Ħafna mid-direttivi ambjentali tal-UE jirrikjedu li l-Istati Membri jimmonitorjaw parametri speċifiċi u jirrappurtaw id-data u l-progress fuq azzjonijiet b’mod perjodiku u stabbilit minn qabel. Dak li beda bħala pakketti ta’ rapporti bil-karta mibgħuta minn awtoritajiet nazzjonali, żviluppa fi pjattaforma ta’ rappurtar online li tirċievi u tospita ammont ta’ data li qiegħed dejjem jikber għal dawn l-aħħar 25 sena. Illum, aktar minn 400 istituzzjoni f’iktar minn 39 pajjiż jirrappurtaw data permezz tal-għodda ta’ rappurtar tal-EEA — Reportnet. Ladarba tiġi sottomessa, id-data tgħaddi minn proċessi ta’ kontroll u ta’ assigurazzjoni tal-kwalità tal-EEA biex tkun żgurata l-koerenza u l-komparabbilità. Minbarra d-data miġbura minn aktar minn 400 obbligu ta’ rappurtar, data minn sorsi ġodda, inkluż osservazzjonijiet satelliċi permezz tal-Programm Ewropew ta’ Osservazzjoni tad-Dinja Copernicus u x-xjenza taċ-ċittadini, qed jespandi l-kapaċità tagħna li nissorveljaw tibdil fl-ambjent u l-klima.

L-għodod ta’ disseminazzjoni online tal-EEA jagħtu aċċess liberu għal din il-ġabra kbira ta’ data — li jvarjaw minn Indiċi dwar il-Kwalità tal-Arja Ewropew (mappa diretta li tindika l-konċentrazzjonijiet tat-tniġġis tal-arja fl-Ewropa kollha), sistema ta’ informazzjoni dwar l-ilma (WISE) u emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra skont is-settur u skont il-pajjiż, għal bażi ta’ data estensiva li tipprovdi deskrizzjonijiet dettaljati tal-politiki u miżuri dwar it-tibdil fil-klima ppjanati mill-Istati Membri.

Abbażi ta’ din id-data, l-EEA regolarment tipproduċi indikaturi u valutazzjonijiet għall-monitoraġġ tal-progress biex jintlaħħqu d-diversi miri tal-UE. Pereżempju, għadna kemm ippubblikajna r-Rapport dwar ix-Xejriet u l-Projezzjonijiet li permezz tiegħu nimmonitorjaw il-progress tal-UE lejn il-miri tagħha għall-2020 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija. Il-valutazzjoni tagħna turi li l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tagħha għall-2020, iżda hemm bżonn ta’ iktar ħidma sabiex jintlaħqu l-miri għall-2030. Bl-istess mod, il-briefing riċenti tagħna afferma li l-UE laħqet il-mira ta’ Aichi li 10% tal-ibħra tagħha jitqiesu bħala żoni marittimi protetti, iżda din id-denominazzjoni trid tkun ikkumplimentata minn miżuri effettivi ta’ konservazzjoni. Minkejja dan il-progress, l-aħħar rapport annwali dwar l-indikaturi, li jkejjel il-progress tal-UE biex jintlaħqu l-objettivi ta’ prijorità skont is-Is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għadha ’l bogħod milli tilħaq l-għanijiet ambjentali għall-2020, speċjalment f’żoni mmirati lejn il-ħarsien tal-bijodiversità u l-kapital naturali.

Il-monitoraġġ tal-progress jeħtieġ data soda u trasparenza

Data soda hija essenzjali għall-produzzjoni ta’ valutazzjonijiet affidabbli. Għal ħafna mill-flussi ta’ data, il-kwalità tad-data fil-livell tal-UE tiddependi ħafna mill-kwalità tad-data rrappurtata mill-pajjiżi. Pereżempju, l-inventarju tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-UE huwa aggregazzjoni tal-inventarji tal-Istati Membri tal-UE. Għal dan il-għan, l-EEA ma taħdimx biss fuq l-assigurazzjoni tal-kwalità tad-data rrappurtata, iżda tgħin ukoll biex tinbena kapaċità koerenti ta’ monitoraġġ u rappurtar fl-Istati Membri. Għal xi oqsma tax-xogħol, l-Eionet jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki mhux biss fl-UE iżda wkoll f’reġjun usa’ inkluż il-Viċinat Ewropew lejn il-Lvant u l-Mediterran.

Fil-fatt, l-aċċessibbiltà u t-trasparenza huma komponenti ewlenin tal-politiki dwar l-ambjent u l-klima fl-UE. Sistema robusta ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika hija essenzjali biex tiżgura li l-impenji jiġu segwiti u li tidentifika fejn hemm bżonn aktar ħidma biex dawn jintlaħqu. Il-ħtieġa għal qafas trasparenti hija iktar evidenti fl-isforzi globali, bħall-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. Il-Ftehim ta’ Pariġi jirrikonoxxi formalment l-importanza ta’ rappurtar regolari dwar l-emissjonijiet u l-isforzi tal-pajjiżi.

Mid-data, l-EEA tibni għarfien rilevanti għall-politika

Sa mill-istabbiliment tagħha 25 sena ilu, il-persunal ddedikat tal-EEA u l-imsieħba tal-Eionet, inkluż iċ-Ċentri Tematiċi Ewropej, ilhom janalizzaw d-data rrappurtata mill-Istati Membri u ittrasformawha f’għarfien rilevanti għall-politika. Simili għall-iżviluppi fit-tfassil tal-politika tal-UE, fejn oqsma ta’ politika waħdanija kienu dejjem aktar integrati fi ħdan oqfsa ta’ politika mifruxa mas-sistema kollha, l-EEA saħħet il-ħidma ta’ analiżi sistemika u integrata. Mill-pubblikazzjoni tal-ewwel rapport tal-EEA dwar il-Qagħda u l-Perspettiva tal-Ambjent tal-Ewropa (SOER) fl-1995, l-għarfien tal-EEA iffoka dejjem aktar fuq il-fehim ta’ sistemi ewlenin, bħalma huma l-mobilità u l-enerġija, kif ukoll l-interkonnessjonijiet globali u l-isfidi ta’ governanza.

Huwa evidenti li l-isfidi ambjentali u klimatiċi tas-seklu 21 ma jistgħux jibqgħu jiġu analizzati jew indirizzati mingħajr ma jitqiesu x-xejriet soċjoekonomiċi fl-Ewropa u fid-dinja kollha. F’dawn iż-żminijiet ta’ interazzjonijiet kumplessi u globali, il-produzzjoni ta’ analiżi rilevanti u f’waqtha fi skali differenti ġeografiċi u taż-żmien kif ukoll ta’ projezzjonijiet preċiżi tibqa’ ta’ sfida. Fid-dawl ta’ dan, l-EEA flimkien mal-Eionet se jkomplu jinvestu f’sistemi ta’ rappurtar u ta’ għarfien u se jibqgħu jappoġġaw it-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Ewropa u globalment.

Hans Bruyninckx
Direttur Eżekuttiv tal-EEA

L-editorjal ippubblikat fil-ħarġa ta’ Diċembru 2018 ta’ EEA Newsletter 04/2018


Nota:
[1] Ir-Regolament ta’ Twaqqif ġie adottat fl-1990 u ġie emendat fl-2009.

Kontenut relatat

Aħbarijiet u artikoli

Pubblikazzjonijiet relatati

Ara wkoll

Temporal coverage

Dokument ta’ Azzjonijiet
Filed under:
Artikoli
Menu
Abbonamenti
${inkiteb} biex tirċievi r-rapporti tagħna (stampati jew/u f’forma elettronika) u n-newsletter elettronika ta’ kull tliet xhur.
Segwina