Ambjent b’saħħtu huwa meħtieġ għal ekonomija sostenibbli u soċjetà ekwa

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 15 Mar 2019 Mibdul l-aħħar 30 Apr 2019
5 min read
Il-pjaneta tagħna qiegħda tiffaċċja sfidi bla preċedent għall-ambjent u l-klima tagħha, li flimkien qegħdin jheddu l-benesseri tagħna. Madankollu, mhuwiex tard wisq biex tittieħed azzjoni deċiżiva. Dan il-kompitu jista’ jidher pjuttost diffiċli imma għad għandna l-possibbiltà li nreġġgħu lura wħud mit-tendenzi negattivi, nadattaw biex innaqqsu l-ħsara, nirrestawraw ekosistemi kruċjali u nsaħħu il-ħarsien ta’ dak li għad għandna. Biex tinkiseb sostenibbiltà fit-tul, irridu nħarsu lejn l-ambjent, il-klima, l-ekonomija u s-soċjetà bħala partijiet inseparabbli tal-istess entità.

 Image © Salvatore Petrantoni, WaterPIX /EEA

Il-bidla hija karatteristika kostanti tal-pjaneta tagħna. Il-meddiet tal-art, l-oċeani, l-atmosfera, il-klima u l-ħajja fid-dinja minn dejjem kienu jinbidlu. Ir-rata u l-iskala bla preċedent, u l-fatturi u l-forzi warajhom, jagħmlu il-bidliet attwali differenti minn dawk tal-passat. Avvenimenti estremi, bħal maltempati li tara bħalhom darba f’100 sena, mewġiet ta' sħana, għargħar u nixfiet, saru r-realtà l-ġdida tagħna. Punti ewlenin tal-istampa fid-dinja kollha jindikaw kriżi klimatika u ambjentali, li qiegħda taffettwa l-futur tal-ispeċi tagħna. 

Il-klima globali qed tinbidel u l-bidla hija magħmula mill-bniedem

Ikun xi jkun it-terminu li nagħżlu li nużaw - “ir-realtà l-ġdida tagħna” jew “kriżijiet diversi” - il-fatti huma ċari. Il-klima globali qed tinbidel u din il-bidla hija magħmula mill-bniedem. Id-dipendenza tal-ekonomiji tagħna fuq il-karburanti fossili, il-prattiki tal-użu tal-art u d-deforestazzjoni globali qed iżidu l-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra fl-atmosfera, li min-naħa tagħhom ibiddlu l-klima globali. Huwa ċar ukoll li t-tibdil fil-klima qed jaffettwa lil kulħadd u lil kull rokna tal-pjaneta tagħna, inkluża l-Ewropa. Xi komunitajiet jistgħu jsofru mewġiet ta’ sħana u nixfiet estensivi, filwaqt li oħrajn jistgħu jiffaċċjaw maltempati aktar frekwenti u aktar severi. In-nies, in-natura u l-ekonomija huma kollha milquta mit-tibdil fil-klima.

Il-bijodiversità ntilfet b’rata bla preċedent

Ix-xjenza wkoll hija ċerta dwar il-fatt li d-diversità tal-ħajja fid-dinja qed tintilef b'rata mhux sostenibbli. Kull sena, ħafna speċi jiġu ddikjarati estinti, minħabba li l-ħabitats tagħhom qegħdin ikomplu jinqerdu, jiġu frammentati jew imniġġsa. Xi speċi, inklużi pollinaturi bħal naħal u friefet li huma vitali għall-benesseri tagħna, raw il-popolazzjonijiet tagħhom jitnaqqsu b'mod drammatiku minħabba l-użu mifrux tal-pestiċidi. Sustanzi niġġiesa ġġenerati minn attivitajiet ekonomiċi jakkumulaw fl-ambjent, u jnaqqsu l-abbiltà tal-ekosistemi li jirriġeneraw u li jipprovdulna servizzi vitali. Id-degradazzjoni ambjentali taffettwa mhux biss il-pjanti u l-annimali iżda wkoll lin-nies.

Is-sistemi ta’ konsum u produzzjoni mhumiex sostenibbli

Is-seklu 21 ġie kkaratterizzat ukoll minn kriżi ekonomika u finanzjarja. Ir-riċerka tikkonferma li s-sistemi ta’ konsum u produzzjoni tagħna huma sempliċement insostenibbli. Il-mudell ekonomiku lineari – it-tranżizzjoni minn materja prima għal oġġetti li jiġu użati, ikkunsmati u mbagħad mormija - ma jwassalx biss għal ammonti akkumulati ta’ tniġġis u skart, iżda wkoll għal kompetizzjoni globali għal riżorsi naturali. In-netwerks globali jistgħu jifirxu aktar minn materjali, oġġetti u sustanzi niġġiesa: kriżi li tibda fis-settur tal-finanzi f'pajjiż wieħed tista’ tinfirex fid-dinja kollha u tikkawża staġnar ekonomiku u kontrazzjoni ekonomika matul is-snin.

Huwa ċar ukoll li l-benefiċċji tat-tkabbir ekonomiku mhumiex kondiviżi b'mod ugwali fid-dinja kollha. Il-livelli tad-dħul ivarjaw b'mod sinifikanti bejn u fi ħdan pajjiżi, reġjuni u bliet. Anke fl-Ewropa, b’livelli ta’ għajxien ferm ogħla mill-medja globali, hemm komunitajiet u gruppi li jgħixu bi dħul taħt il-linja tal-faqar. Sfortunatament, uħud minn dawn il-komunitajiet u nies huma wkoll iktar vulnerabbli għall-perikli ambjentali. Huma aktar probabbli li jgħixu f'żoni esposti għat-tniġġis u l-għargħar tal-arja u fi djar b'insulazzjoni insuffiċjenti biex jipproteġuhom mill-kesħa u mis-sħana estremi. Il-gruppi li jgawdu l-benefiċċji mhumiex neċessarjament dawk li jġorru l-ispejjeż.

Jekk ix-xejriet attwali jkomplu, il-ġenerazzjonijiet futuri se jiffaċċjaw temperaturi aktar estremi u avvenimenti klimatiċi, inqas speċi, skarsezza dejjem tikber ta’ riżorsi u iktar tniġġis, irrispettivament mil-livell ta’ pajjiż u tad-dħul tagħhom. Minħabba din il-perspettiva, mhijiex xi ħaġa sorprendenti li eluf ta’ żgħażagħ Ewropej qegħdin joħorġu jipprotestaw fit-toroq, u jħeġġu lil dawk li jfasslu l-politika biex jieħdu azzjoni aktar ambizzjuża u effettiva biex itaffu t-tibdil fil-klima.

Futur ieħor huwa possibbli

Matul dawn l-aħħar 40 sena, l-Ewropa qed tistabbilixxi politiki biex tindirizza problemi speċifiċi, bħat-tniġġis tal-arja u t-tniġġis tal-ilma. Uħud minn dawn il-politiki kellhom riżultati notevoli. L-Ewropej igawdu arja iktar nadifa u ilmijiet għall-għawm iktar nodfa. Sehem ikbar mill-iskart muniċipali huwa riċiklat. Aktar u iktar żoni tal-art u tal-baħar huma protetti. L-Unjoni Ewropea ilha tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta’ gassijiet serra meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Biljuni ta’ ewro ġew investiti fi bliet iktar abitabbli u f'mobilità sostenibbli. L-enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli kibret b'mod esponenzjali ...

F'dan il-perjodu, l-għarfien u l-fehim tagħna tal-ambjent kibru wkoll, u enfasizzaw il-fatt li n-nies, l-ambjent u l-ekonomija huma kollha partijiet tal-istess sistema. Fil-25 sena minn meta ġiet stabbilita, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ilha tgħaqqad u tiżviluppa dawn l-isferi ta’ għarfien biex ittejjeb il-fehim sistemiku tagħna. In-nies ma jistgħux jgħixu tajjeb jekk l-ambjent u l-ekonomija ma jkunux b'saħħithom. L-inugwaljanza fit-tqassim tal-benefiċċji, bħall-ġid ekonomiku u arja iktar nadifa, u tal-ispejjeż, inkluż it-tniġġis u l-ħsad mitluf minħabba n-nixfa, se jkomplu jikkawżaw inkwiet soċjali.

Dawn il-fatti jistgħu jkunu diffiċli biex jiġu aċċettati. Bl-istess mod, strutturi ta’ governanza, drawwiet tal-konsumatur u preferenzi stabbiliti jistgħu jkunu diffiċli biex jinbidlu. Madankollu, minkejja l-kobor ta’ din il-ħidma, xorta huwa possibbli li jinbena futur sostenibbli. Dan jirrikjedi t-twaqqif tal-prattiki attwali, bħalma huma t-tnaqqis ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent u t-tneħħija gradwali u l-projbizzjoni ta' teknoloġiji li jniġġsu, filwaqt li jiġu appoġġati alternattivi sostenibbli u komunitajiet affettwati mill-bidla. Ekonomija ċirkolari newtrali ta’ karbonju tista’ tnaqqas id-domandi fuq il-kapital naturali tagħna u tillimita ż-żieda fit-temperaturi globali. Il-bidla fil-kors tagħna teħtieġ ukoll li nibdlu d-drawwiet u l-imġiba tagħna, pereżempju, fil-mod kif niċċaqalqu u dak li nieklu. L-għarfien biex titmexxa din it-transizzjoni lejn sostenibbiltà fit-tul qiegħed hemm. Hemm ukoll appoġġ pubbliku dejjem jikber għall-bidla. Issa, għandna nassumu r-responsabbiltà u naċċelleraw din il-bidla.

Hans Bruyninckx

Direttur Eżekuttiv tal-EEA

L-editorjal ippubblikat fil-ħarġa ta’ Marzu 2019 ta’ EEA Newsletter 01/2019.

Kontenut relatat

Aħbarijiet u artikoli

Indikaturi relatati

Temporal coverage

Dokument ta’ Azzjonijiet
Artikoli
Menu
Abbonamenti
${inkiteb} biex tirċievi r-rapporti tagħna (stampati jew/u f’forma elettronika) u n-newsletter elettronika ta’ kull tliet xhur.
Segwina
 
 
 
 
 
 
Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
Kongens Nytorv 6
1050 Kopenħagen K
id-Danimarka
Telefown: +45 3336 7100