li jmiss
preċedenti
punti

Dwar il-biodiversità

Page Mibdul l-aħħar 31 Aug 2016
This page was archived on 31 Aug 2016 with reason: Content is outdated
Il-biodiversità tħaddan il-varjetà ta' ġeni, speċi u ekosistemi li jikkostitwixxu l-ħajja fid-Dinja. Fil-preżent aħna qed inkunu xhieda ta' telf kostanti ta' biodiversità, b'konsegwenzi profondi għad-dinja naturali u għall-benesseri tal-bniedem. Il-kawżi ewlenin huma t-tibdil fl-abitati naturali. Dawn huma dovuti għas-sistemi intensivi tal-produzzjoni agrikoli, il-kostruzzjoni, il-ħidma fil-barrieri, l-isfruttar żejjed tal-foresti, l-oċejani, ix-xmajjar, il-lagi u l-ħamrija, l-invażjoni ta' speċi barranin, it-tniġġis u l-bidla fil-klima globali - li dejjem qed tiżdied. L-Ewropa ffissat mira sabiex twaqqaf it-telf ta' biodiversità sal-2010. Valutazzjonijiet reċenti tal-EEA juru li mingħajr aktar sforzi politiċi sinifikanti, il-mira aktarx li mhux ser tintlaħaq.

L-umanità minnha nnifisha hija parti mill-biodiversità, u l-eżistenza tagħna ma tkunx possibbli mingħajrha. Il-kwalità tal-ħajja, l-kompetittività ekonomika, ix-xogħol u s-sigurtà kollha jserrħu fuq dan il-kapital naturali. Il-biodiversità hija kruċjali għas-'servizzi tal-ekosistema', jiġifieri dawk li tforni n-natura: ir-regolamentazzjoni tal-klima, l-ilma u l-arja, il-fertilità tal-ħamrija, u l-produzzjoni ta' ikel, il-fjuwil, il-fibra u l-mediċini. Hija essenzjali għaż-żamma tal-vijabilità fit-tul tal-agrikoltura u s-sajd, u hija l-bażi ta' ħafna proċessi industrijali u tal-produzzjoni ta' mediċini ġodda.

Fl-Ewropa, l-attività tal-bniedem sawret il-biodiversità sa minn meta bdew jinxterdu l-agrikoltura u t-trobbija tal-annimali aktar minn 5 000 sena ilu. Ir-revoluzzjoni agrikola u ambjentali wasslet għal bidliet drammatiċi u mgħaġġla fl-użu tal-art, fl-intensifikazzjoni tal-agrikoltura, fl-urbanizzazzjoni u fl-abbandun tal-art. Dan imbagħad irriżulta fit-terminazzjoni ta' diversi prattiċi (eż. metodi agrikoli tradizzjonali) li għenu biex jinżammu l-pajżaġġi rikki fil-bijodiversità.

Il-livell għoli per capita tal-konsum u l-produzzjoni tal-iskart fl-Ewropa jfisser li l-impatt tagħna fuq l-ekosistemi jestendi sew lil hinn mill-kontinent tagħna. L-istili ta' ħajja Ewropej jiddependu ħafna fuq l-importazzjoni ta' riżorsi u oġġetti mid-dinja kollha, li ħafna drabi jinkoraġġixxu sfruttar mhux sostenibbli tar-riżorsi naturali. Dan iwassal għal telf ta' biodiversità li mbagħad tagħmel ħsara lir-riżorsi naturali kapitali li fuqhom huwa bbażat l-iżvilupp soċjali u ekonomiku.

Ma jistax ikun hemm skop aktar enerġizzanti milli li tibda l-epoka ta' restawr, li terġa' tintiseġ id-diversità meraviljuża tal-ħajja li għadna mdawrin biha.

Edward O. Wilson, 'The Diversity of Life', 1992

It-telf tal-biodiversità huwa marbut sew mad-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema li jsostnu l-ħajja fuq l-art. Il- Valutazzjoni tal-Ekosistema għall-Millennju tal-2005 evalwat 24 servizz tal-ekosistema globalment, u sabet li 15 minn dawn ġew degradati, fejn affettwaw is-sajd, il-produzzjoni tal-injam, il-provvista tal-ilma, it-trattament tal-iskart u d-detossifikazzjoni, il-purifikazzjoni tal-ilma, il-protezzjoni minn perikli naturali u r-regolamentazzjoni tal-kwalità tal-arja. Ir- rapport tal-EEA tal-2005 dwar l-Istat u l-prospetti u r- raba' valutazzjoni pan-Ewropea tagħha juru li l-UE m'hi qed tagħmel l-ebda progress evidenti biex tilħaq il-mira tal-2010 li twaqqaf it-telf tal-biodiversità.

Permalinks

Dokument ta’ Azzjonijiet