Il-kosti u l-ibħra
- Bulgarian (bg)
- Czech (cs)
- Danish (da)
- German (de)
- Greek (el)
- English (en)
- Spanish (es)
- Estonian (et)
- Finnish (fi)
- French (fr)
- Hungarian (hu)
- Icelandic (is)
- Italian (it)
- Lithuanian (lt)
- Latvian (lv)
- Maltese (mt)
- Dutch (nl)
- Norwegian (no)
- Polish (pl)
- Portuguese (pt)
- Romanian (ro)
- Slovak (sk)
- Slovenian (sl)
- Swedish (sv)
- Turkish (tr)
L-Ewropa hija mdawra minn erba’ reġjuni ta’ baħar: il-Baħar Mediterran, il-Baħar l-Iswed, il-Baħar Baltiku u l-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana li jinkludi wkoll il-Baħar tat-Tramuntana. L-Ewropa twettaq ħafna attivitajiet marittimi fl-Artiku wkoll.
L-attivitajiet tal-bniedem spiss ikunu kkonċentrati fir-reġjuni kostali li jkunu l-inqas kapaċi jassimilaw dawn l-attivitajiet u fejn l-effetti avversi l-iktar li jkunu jidhru. It-theddidiet ewlenin għaż-żoni kostali Ewropej huma t-tniġġis tal-ilma u l-ewtrofikazzoni, it-telf ta’ diversità bijoloġika, l-iżvilupp urban, id-deterjorament tal-pajsaġġi u l-erożjoni kostali.
L-ibħra u x-xtut tal-Ewropa: fatti interessanti
- Iż-żona marittima li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri tal-UE hija ikbar miż-żona totali ta’ art tal-UE.
- L-UE għandha kosta twila 68 000 km — 3 darbiet itwal minn dik tal-Istati Uniti u kważi d-doppju ta’ dik tar-Russja; jekk jiġu inklużi l-pajjiżi membri fl-EEA, jiġifieri l-Islanda, in-Norveġja u t-Turkija, issir 185 000 km.
- Kważi nofs il-popolazzjoni tal-UE tgħix f’inqas minn 50 km mill-baħar; il-parti l-kbira hija kkonċentrata f’żoni urbani tul il-kosta. Fl-2001, 70 miljun ruħ jew 14 % tal-popolazzoni sħiħa tal-UE kienet tgħix fi ħdan 500 metru mill-kosta.
- Il-baħar huwa l-iktar destinazzjoni popolari għall-btala fl-Ewropa: 63 % tal-Ewropej li jivvjaġġaw jagħżlu li jmorru l-baħar bħala d-destinazzjoni għall-btala tagħhom. Pereżempju, huwa stmat li bejn 8 u 10 miljun sajjied jistadu għal sport jew bħala passatemp, u jsostnu industrija Ewropea li tiġġenera bejn EUR 8 biljun u EUR 10 biljun fis-sena.
- L-assi ekonomiċi fi ħdan 500 metru mill-baħar għandhom valur stmat ta’ EUR 500 biljun sa EUR 1 000 biljun.
- In-nefqa pubblika tal-UE għall-ħarsien tal-ixtut mir-riskju ta’ erożjoni u għargħar hija mistennija tilħaq il-EUR 5.4 biljun fis-sena għall-perjodu ta’ bejn l-1990 u l-2020.
[KE, 2006: Tagħrif u Figuri Marittimi (aċċessat fis-27 ta’ Settembru 2010)]
Dwar ix-xtut u l-ibħra

Karatteristiċi tal-ibħra reġjonali
L-ibħra tal-Ewropa jinkludu l-Baħar Baltiku, il-Baħar l-Iswed, il-Baħar Atlantiku tal-Grigal u l-Baħar Mediterran. L-Atlantiku tal-Grigal jinkludi l-Baħar tat-Tramuntana, iżda anki l-Artiku, il-Baħar Barents, il-Baħar Irlandiż u l-Baħar Ċeltiku, il-Golf ta’ Biskajja u l-Kosta Iberika.
Il-Baħar Baltiku huwa nofsu magħluq b’salinità baxxa minħabba l-iskambju ta’ ilma limitat mal-Atlantiku tal-Grigal, u skol sostanzjali minn xmajjar. Dawn il-kundizzjonijiet jagħmlu lil dan il-baħar partikolarment vulnerabbli għat-tniġġis tan-nutrijenti.
Anki l-Baħar l-Iswed huwa nofsu magħluq; huwa l-ikbar baċir tal-ilma intern fid-dinja bi skambju ta’ ilma limitat mal-Mediterran. L-ilmijiet tiegħu huma anossiċi f’fond taħt 150 metru sa 200 metru. Is-salinitajiet tal-ilma tal-wiċċ tal-Baħar l-Iswed jaqgħu fi ħdan medda intermedja. Huwa maħsub li ħafna mill-Baħar l-Iswed jaħżen riżervi ta’ żejt u gass, u bħalissa qiegħda ssir esplorazzjoni għaż-żejt u l-gass.
Anki l-Baħar Mediterran huwa baħar nofsu magħluq b’salinità għolja minħabba r-rati ta’ evaporazzjoni għoljin u skol baxx mix-xmajjar. Għandu skambju ta’ ilma limitat mal-Baħar Atlantiku u l-Baħar l-Iswed. Huwa l-baħar bl-ikbar diversità bijoloġika fl-Ewropa.
L-Atlantiku tal-Grigal ikopri firxa ta’ ibħra u gradjent klimatiku kbir. Hija żona ferm produttiva li tilqa’ ż-żoni l-iktar importanti għas-sajd fl-Ewropa u ħafna ħabitats u ekosistemi uniċi. Fih wkoll l-ikbar riżervi ta’ żejt u gass fl-Ewropa.
Il-kosta hija ż-żona definita bħala t-tlaqqigħ tal-art u l-baħar. Fl-24 pajjiż kostali tal-EEA, hemm 560 000 km2 ta’ żoni kostali, li jikkorrispondu għal 13 % tal-massa totali tal-art ta’ dawn il-pajjiżi (fuq l-bażi tad-dejta mill-Corine Land Cover tas-sena 2000).
Il-baħar profond u qiegħ il-baħar jifformaw sistema estensiva u kumplessa li hija marbuta mal-bqija tal-pjaneta fi skambji ta’ materja, enerġija u bijodiversità. Il-funzjonament tal-ekosistemi fil-baħar profond huwa kruċjali għaċ-ċikli bijoġeokimiċi globali li fuqhom jiddependu ħafna mill-ħajja terrestri u ċ-ċiviltà tal-bniedem. Jinstab kemm fl-ilmijiet Ewropej kif ukoll f’dawk internazzjonali tal-Atlantiku u fl-Oċean Artiku. Is-soltu, il-baħar profond jitqies bħala dak li jinsab f’fond ta’ iktar minn 400 metru.
Id-degradazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar u kostali hija osservta fil-Baħar Baltiku, fil-Baħar l-Iswed, fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar Atlantiku tal-Grigal, u fl-Artiku. L-attivitajiet li jaffettwaw l-ambjent huma konsegwenza mġarrba sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet immedjati tal-bniedem, iżda dawn iħallu impatt fuq l-ispeċi u l-ħabitats li evolvew fuq eluf, jekk mhux miljuni, ta’ snin — xi daqqiet b’mod irriversibbli.
Dawn l-attivitajiet huma relatati ma’ densitajiet kbar tal-popolazzjoni li qegħdin jiżdiedu tul il-kosti Ewropej, is-sajd, it-tniġġis agrikolu, is-sustanzi kimiċi industrijali, l-iżvilupp turistiku, it-tbaħħir, l-infrastrutturi tal-enerġija rinnovabbli u attivitajiet marittimi oħrajn.
Problemi speċifiċi:
- Minkejja li tjieb b’mod ġenerali t-trattament tad-drenaġġ, it-tniġġis mifrux tan-nutrijenti li ġej mill-agrikoltura għadu problema kbira fl-ambjent kostali u tal-baħar; iħaffef it-tkabbir ta’ fitoplankton u jista’ jwassal għat-tnaqqis mifrux ta’ ossiġnu.
- Il-konċentrazzjonijiet ta’ ċerti metalli tqal u kontaminanti organiċi persistenti f’bijota tal-baħar jaqbżu l-limiti ta’ oġġetti tal-ikel f’postijiet partikolari fl-ibħra kollha Ewropej. L-inċidenti ewlenin ta’ tixrid ta’ żejt naqsu, iżda t-tnixxija ta’ żejt minn attivitajiet regolari bħat-trasport u r-raffineriji għadha notevoli. Dawn is-sustanzi jakkumulaw fil-katina alimentari.
- L-ispeċi invażivi huma mifruxa permezz tat-tbaħħir u l-akwakultura, u jista’ jkollhom konsegwenzi devastanti għall-ekosistemi u s-soċjetà. It-telf ekonomiku fis-sena minħabba speċi akwatiċi invażivi huwa stmat li jaqbeż il-USD 100 biljun globalment.
- Is-sajd insostenibbli jseħħ fl-ibħra kollha Ewropej, u huwa ta’ theddida għall-vijabilità tal-istokkijiet ta’ ħut fl-Ewropa. Prattiki qerrieda tas-sajd — bħat-tkarkir tal-qiegħ — għadhom isiru. Il-ħut, l-għasafar, il-mammali u l-fkieren huma qabda inċidentali, u l-ħabitats u l-ekosistemi tal-baħar jbatu minn impatti tal-irkaptu. Is-sajd jista’ jibdel l-ekosistema tal-baħar.
- Minkejja li qed isir titjib fil-protezzjoni tal-ħabitats tal-baħar u kostali u l-ispeċi permezz ta’ tfassil ta’ siti kostali u tal-baħar bħala parti min-Natura 2000, dan għaddej bilmod u b’diffikultà. L-istatus ta’ ċerti ħabitats kostali u ħafna mill-ħabitats tal-baħar għadu mhux ivvalutat; 22 % tal-mammali tal-baħar huma fil-periklu ta’ estinzjoni.
- It-turiżmu, responsabbli għall-iżvilupp urban tul il-kosta Mediterranja, issa qiegħed isir il-forza qaddiefa għall-iżvilupp tal-kosta tal-Baħar l-Iswed ukoll.
- It-tibdil fil-klima qiegħed jikkawża żieda fit-temperaturi tal-wiċċ tal-baħar u fil-livelli tal-baħar. L-ispeċi tal-baħar u kostali qegħdin jibdlu d-distribuzzjonijiet ġeografiċi u staġjonali tagħhom bħala reazzjoni għal dawn il-bidliet; l-amministrazzjoni ta’ żoni tas-sajd u ħabitats naturali ser ikollha tadatta dejjem iktar għal dawn il-bidliet biex tiżgura sostenibilità ambjentali. Il-pH tal-oċeani sejra tkompli tonqos bħala reazzjoni għaż-żieda fil-konċentrazzjonijiet ta’ CO2 fl-atmosfera; l-iskolli tal-qroll fit-territorji barranin tal-Ewropa, iċ-ċentri ta’ bijodiversità, huma mhedda kemm miż-żieda fit-temperaturi kif ukoll mill-aċidifikazzjoni.
Politiki Ewropej
Biex tinstab soluzzjoni għall-problemi ambjentali tal-kosti u l-ibħra tal-Ewropa hemm bżonn ta’ rispons ta’ politika li jopera fuq dominji ta’ politika relatati mal-ilma, in-natura, it-tniġġis, iż-żoni għas-sajd, it-tibdil fil-klima u l-ippjanar tal-ispazju. Storikament, dawn tqiesu bħala dominji separati ta’ politika, iżda wara l-adozzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima (MSFD) fl-2008, qiegħed isir sforz biex jinkiseb rispons integrat: l-approċċ ta’ ġestjoni jqis l-ekosistema sħiħa u jistabbilixxi l-objettiv li jinkiseb status ambjentali tajjeb għal ħafna aspetti ambjentali speċifiċi. L-MSFD (Maritima Strategy Framework Directive) hija appoġġjata mid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD) li tirregola l-istatus ekoloġiku fl-ilmijiet kostali u transizzjonali billi tqis il-pressjoni idromorfoloġika, tan-nutrijenti u tas-sustanzi kimiċi, u mid-direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar li jistabbilixxu objettivi ta’ konservazzjoni għal uħud mill-ħabitats u l-ispeċi tal-baħar u kostali.
It-tkabbir tas-settur marittimu, agrikolu u tat-turiżmu huwa mistenni jkompli; objettiv importanti tal-ġejjieni għall-MSFD ser ikun li tiżgura li dan it-tkabbir ikun sostenibbli għall-ambjent, permezz ta’ strateġiji ta’ ġestjoni. Dawn l-istrateġiji jistgħu jiġu appoġġjati permezz tal-implimentazzjoni tal-prinċipji ta’ ppjanar b’konformità mal-Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali (ICZM - Integrated Coastal Zone Management) u l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu (MSP - Maritime Spatial Planning).
Għad li l-MSFD tistabbilixxi objettiv ambjentali għall-istatus tal-istokkijiet kollha ta’ ħut, l-aspetti kollha tas-sajd huma rregolati mill-politika komuni tas-sajd (PKS). Fl-2012 sejra tiġi adottata riforma ġdida.
Links Relatati
- L-MSFD teħtieġ status ambjentali tajjeb għal ħafna elementi bijoloġiċi, inkluż il-ħut, li jrid jinkiseb fl-ilmijiet tal-baħar sal-2020. Hija mistennija tnaqqas il-piżijiet u l-impatti tat-tniġġis fl-ambjent tal-baħar.
- L-ICZM tirrakkomanda l-istrateġiji ta’ żvilupp biex jinkiseb żvilupp kostali sostenibbli.
- L-MSP hija għodda li ssostni l-iżvilupp ta’ strateġiji għall-użu sostenibbli tal-baħar billi tiġbor flimkien bosta nies li jagħmlu użu mill-baħar.
- Id-WFD teħtieġ il-kisba ta’ status ekoloġiku tajjeb jew potenzjal ekoloġiku tajjeb ta’ elementi bijoloġiċi u kimiċi f’estwarji u kosti madwar l-UE sal-2015, u hi mistennija tnaqqas il-piżijiet u l-impatti tat-tniġġis fuq l-estwarji u l-kosti. Sejra tnaqqas ukoll il-pressjonijiet minn bidliet idromorfoloġiċi.
- Id-Direttiva dwar in-Nitrati li għandha l-għan li tnaqqas it-tniġġis min-nitrati mill-art agrikola;
- Id-Direttiva dwar it-Trattament tad-Drenaġġ Urban li għandha l-għan li tnaqqas it-tniġġis li ġej mit-trattament tad-drenaġġ u ċerti industriji;
- Id-direttivi tal-UE dwar il-Ħabitats u l-Għasafar (ara l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura) jifformaw is-sisien tal-politika Ewropea dwar il-konservazzjoni tan-natura. Id-Direttiva dwar il-Ħabitats hija mibnija fuq żewġ pilastri: in-netwerk Natura 2000 ta’ siti protetti u s-sistema stretta ta’ protezzjoni tal-ispeċi.
- It-theddida ta’ tibdil fil-klima qiegħda tiġi indirizzata fil-livell globali permezz tal-Konvenzoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC - United Nations Framework Convention on Climate Change). Il-Protokoll ta’ Kjoto tagħha jistabbilixxi miri tal-emissjonijiet għal dawk il-pajjiżi żviluppati li rratifikawh, bħall-Istati Membri tal-UE. Aqra iktar dwar il-politiki dwar it-tibdil fil-klima.
Dokument Azzjonijiet
Jaqsmu ma 'oħrajn