You are here: Home / Signals - Kull nifs li nieħdu / Signals 2012 / Artikoli / Kif iġġib il-prezz ‘ġust’?

Kif iġġib il-prezz ‘ġust’?

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 05 Jun 2012 Mibdul l-aħħar 09 Dec 2014, 04:17 PM
Ħafna ekonomiji ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw huma ffokati fuq l-isfruttar tar-riżorsi naturali biex joħorġu lill-popolazzjonijiet tagħhom mill-faqar, filwaqt li potenzjalment jagħmlu ħsara lis-sistemi naturali li jiddependu fuqhom. Is-soluzzjonijiet f’perjodu qasir spiss jgħarrqu l-benessri tal-popolazzjoni fit-tul. Il-gvernijiet jistgħu jgħinu s-swieq biex jistabbilixxu l-prezz ‘ġust’ għas-servizzi tan-natura u jinfluwenzaw l-għażliet ekonomiċi? Din li ġejja hija ħarsa mill-qrib lejn xi jfisser l-użu tal-ilma fil-produzzjoni tal-qoton għal Burkina Faso.
Shopping trolleys

Shopping trolleys  Image © Shutterstock

99 % tal-bdiewa tal-qoton tad-dinja jgħixu fid-dinja li qed tiżviluppa. Dan ifisser li l-pestiċidi huma applikati f’oqsma fejn l-illitteriżmu huwa għoli u l-għarfien dwar is-sikurezza huwa baxx, u b’hekk kemm l-ambjent u kemm il-ħajjiet ikunu f’riskju.

Steve Trent, Direttur tal-Environmental Justice Foundation (Fondazzjoni tal-Ġustizzja Ambjentali)

Fuq livell globali, aktar minn biljun ruħ jgħixu f’‘faqar estrem’, skont id-definizzjoni tal-Bank Dinji ta’ soppravvivenza b’inqas minn USD 1.25 kuljum. U għad li s-sehem tal-popolazzjoni tad-dinja li tgħix fil-faqar niżel b’mod drammatiku tul l-aħħar 30 sena, numru sostanzjali ta’ pajjiżi — ħafna minnhom fl-Afrika —batew biex jagħmlu progress.

F’dawn il-pajjiżi, l-attività ekonomija spiss hija ffokata fuq l-isfruttar tar-riżorsi naturali — permezz tal-biedja, il-forestrija, it-tħaffir għal riżorsi u l-bqija. Konsegwentement, l-isforzi biex jiżdied it-tkabbir ekonomiku biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ popolazzjonijiet li qed jikbru malajr, jistgħu jqiegħdu l-ekosistemi taħt pressjoni konsiderevoli.

F’diversi każijiet, ir-riżorsi, bħall-qoton, huma kkoltivati jew estratti f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u esportati lejn reġjuni aktar sinjuri bħall-Ewropa. Din ir-realtà tagħti għażla importanti lill-konsumaturi fid-dinja industrijalizzata: billi jew potenzjalment jgħinu biex joħorġu lill-‘biljun ta’ taħt nett’ mill-faqar; jew potenzjalment ixekklu l-opportunitajiet ta’ dawn il-foqra billi jħassru s-sistemi naturali li jiddependu fuqhom.

‘Deheb abjad’

Copyright: ShutterstockF’Burkina Faso — pajjiż niexef, mingħajr kosta u ferm fqir fil-limiti tan-Nofsinhar tas-Sahara — il-qoton huwa negozju tajjeb. Fil-fatt, huwa negozju enormi. Billi żiedet il-produzzjoni b’mod rapidu fis-snin riċenti, Burkina Faso issa hija l-akbar produttur tal-qoton fl-Afrika. Id-‘deheb abjad’, hekk kif inhuwa magħruf fir-reġjun, kien jammonta għal 85 % tad-dħul mill-esportazzjonijiet ta’ Burkina fl-2007 u 12 % tal-produzzjoni ekonomika tagħha.

B’mod kruċjali, id-dħul mill-qoton huwa ferm mifrux. Is-settur iħaddem 15–20 % tal-forza tax-xogħol, u jipprovdi dħul dirett lil 1.5–2 miljun ruħ. U bħala xprun ewlieni tat-tkabbir ekonomiku fl-aħħar deċennju, huwa ġġenera dħul mit-taxxa li jista’ jiffinanzja titjib fl-oqsma bħas-saħħa u l-edukazzjoni.

Għan-nies ta’ Burkina Faso, il-benefiċċji tal-kultivazzjoni tal-qoton huma ċari. L-iżvantaġġi spiss huma inqas ovvji. 

Kwart mill-abitanti ma għandhomx aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb. Aktar minn 80 % huma bdiewa ta’ sussistenza, li jiddependu mill-ilma biex jilħqu l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom għall-ikel u l-kenn. Skont id-WMO, id-domanda annwali fuq ir-riżorsi tal-ilma taqbeż id-disponibbiltà b’10–22 %.

F’dan il-kuntest, iż-żieda enormi filproduzzjoni tal-qoton fis-snin riċenti tidher riskjuża. L-għelejjel tal-qoton jixorbu ħafna — jeħtieġu irrigazzjoni matul ix-xhur nixfin u jikkonsmaw ħafna aktar ilma minn għelejjel komuni oħrajn ikkultivati.

L-assenjazzjoni tal-ilma għall-produzzjoni tal-qoton timplika li l-ilma jiġi allokat għaliha minflok għal użi possibbli oħrajn. Ħafna mill-ħsad huwa esportat, u dan ifisser li ammonti kbar ta’ ilma jintużaw biex jiġu sodisfatti d-domandi tal-konsumaturi barra l-pajjiż. Dan il-proċess huwa magħruf bħala l-esportazzjoni ta’ ‘ilma virtwali’.

Nofs il-qoton ta’ Burkina Faso huwa esportat lejn iċ-Ċina fejn jinbiegħ lill-fabbriki lokali tal-għażil u minn hemm lill-manifatturi tal-ħwejjeġ li jaqdu lis-swieq globali. Fi tmiem il-katina ta’ provvista, il-konsumaturi ta’ prodotti tal-qoton jkunu effettivament qed jimportaw volumi sostanzjali ta’ ilma — kultant minn żoni ferm aktar nixfin taddinja. Fil-każ tal-qoton, studju minnhom sab li 84% tal-impronta fuq l-ilma tal-Ewropa tinsab barra l-Ewropa.

Għal pajjiżi nixfin bħal Burkina Faso, normalment huwa preferibbli li jiġu importati prodotti intensivi fl-użu talilma, u mhux li jiġu esportati. Wara kollox, l-esportazzjoni ta’ ‘ilma virtwali’ tista’ tfisser li ma jifdalx biżżejjed għan-nies u l-ekosistemi lokali. B’hekk, l-uniku mod li bih jista’ jiġi ġġudikat jekk hijiex idea tajba għal Burkina Faso li tuża l-ilma biex tikkoltiva l-qoton huwa billi jiġu evalwati l-ispejjeż u l-benefiċċji kollha meta mqabbla ma’ użi oħrajn. Waħdu, il-kunċett ta’ ilma virtwali ma jistax jgħidilna liema huwa l-aħjar mod kif jiġi ġestit l-ilma, avolja jgħaddilna informazzjoni ferm utli dwar l-impatti tal-għażliet ta’ produzzjoni u ta’ konsum tagħna.

Kunċetti dwar l-ilma fil-qosor

L-impronti fuq l-ilma u l-ilma virtwali huma kunċetti li jgħinuna nifhmu l-ammont ta’ ilma li nikkonsmaw.

L-impronta fuq l-ilma hija l-volum ta’ ilma frisk użat għall-produzzjoni tal-prodotti u s-servizzi kkonsmati minn individwu jew komunità, jew għall-produzzjoni minn negozju. Tikkonsisti fi tliet komponenti. L-impronta blu fuq l-ilma hija l-volum ta’ ilma tal-wiċċ u ilma ta’ taħt l-art użati għall-produzzjoni ta’ prodotti u servizzi. L-impronta ħadra fuq l-ilma hija l-ammont ta’ ilma tax-xita użat fil-produzzjoni. U l-impronta griża fuq l-ilma hija l-volum ta’ ilma mniġġes mill-produzzjoni.

Kwalunkwe prodott jew servizz esportat jimplika anki l-esportazzjoni ta’ ‘ilma virtwali’ — l-ilma użat fil-produzzjoni tal-prodott jew is-servizz inkwistjoni. L-esportazzjonijiet ta’ ilma virtwali jseħħu meta prodott jew servizz jiġi kkonsmat barra l-konfini taż-żona ta’ ġbir tal-ilma minn fejn l-ilma jkun ġie estratt.

Għall-pajjiżi jew iż-żoni li jimportaw, l-importazzjoni ta’ ‘ilma virtwali’ tippermetti li r-riżorsi ta’ ilma domestiku jintużaw għal skopijiet oħrajn li jistgħu jkunu ferm utli għall-pajjiżi b’ilma skars. Sfortuntament, diversi pajjiżi li jesportaw ilma virtwali huma fil-fatt nieqsa mill-ilma iżda għandom klima sħuna, li tiffavorixxi l-produzzjoni agrikola. F’dawn il-pajjiżi b’ilma skars, l-esportazzjoni ta’ ilma virtwali tqiegħed pressjonijiet żejda fuq ir-riżorsi tal-ilma u spiss timponi spejjeż soċjali u ekonomiċi peress li ma jkunx hemm biżżejjed ilma disponibbli għal attivitajiet u ħtiġijiet oħrajn.

Sors: Water Footprint Network

Aktar tniġġis, inqas foresti

Il-konsum tal-ilma mhuwiex l-uniku tħassib marbut mal-produzzjoni tal-qoton f’Burkina Faso. Il-koltivazzjoni tal-qoton is-soltu tinvolvi użu qawwi ta’ pestiċidi. Tabilħaqq, ittkabbir tal-qoton jinvolvi l-ammont notevoli ta’ 16 % tal-użu ta’ pestiċidi fid-dinja, minkejja li jkopri biss 3 % tal-art ikkoltivata madwar id-dinja.

L-impatti jistgħu jkunu severi għan-nies u l-ekosistemi lokali. Iżda peress li l-individwi li japplikaw il-pestiċidi ma jħossux dawn l-effetti kollha u jistgħu lanqas biss ikunu jafu bihom, dawn mhumiex se jqisuhom bis-sħiħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. (Għal din ir-raġuni, jista’ jkun importanti li l-koltivaturi lokali jiġu mgħallma u mgħarrfa dwar ilpestiċidi u l-effetti tagħhom.)

L-ilma mhuwiex biss l-unika riżorsa li qed tintuża. Riżorsa kruċjali oħra hija l-art. Bħal f’ħafna postijiet, f’Burkina Faso l-art tista’ tintuża b’diversi modi differenti. In-nies ta’ Burkina Faso jiggwadanjaw aktar benefiċċji jekk jikkonvertu l-art għall-produzzjoni talqoton?

Copyright: IHH Humanitarian Relief Foundation/TurkeyMeta kien għad għandu bisstmien snin, Modachirou Inoussa kien diġà jgħin lill-ġenituri tiegħu fl-għelieqi tal-qoton. Fid-29 ta’ Lulju 2000, Modachirou ħadem ħafna u ġera lura lejn id-dar għax kien bil-għatx. Fi triqtu, sab kontenitur vojt, u ġabar fih ftit ilma biex jixrob minn gandott. Dak il-lejl ma wasalx lura d-dar. Wara tfittxija min-nies tal-villaġġ, ġismu nstab qrib flixkun Callisulfan vojt.

Ivvelenar minn Endosulfan fl-Afrika tal-Punent, irraportat minn PAN UK (2006)

It-tajjeb għal wieħed mhux bilfors tajjeb għal kulħadd

Din il-kwistjoni mhijiex waħda insinifikanti. Iż-żona tal-foresti ta’ Burkina Faso naqset bi 18 % fil-perjodu 1990–2010, parzjalment minħabba l-agrikoltura li qed tespandi, u r-rata ta’ telf fil-foresti qed tiżdied. Sid privat ta’ foresta f’Burkina Faso jista’ jippreferi jikkoltiva l-qoton għaliex irendi aktar profitt għalih li jbigħ l-injam (jew jużah bħala fjuwil) u jikkoltiva l-art, minflok ma jippreserva l-foresta. Iżda din mhux neċessarjament tkun l-aħjar soluzzjoni għal Burkina Faso — għan-nies u l-ekosistemi tagħha.

Copyright: Pawel KazmierczykIl-foresti jipprovdu lill-bnedmin — fil-qrib jew fil-bogħod — b’ħafna aktar benefiċċji mis-sempliċi valur tal-injam. Dawn jipprovdu ħabitat għall-bijodiversità, jipprevjenu l-erożjoni tal-ħamrija, jassorbu d-diossidu tal-karbonju, jipprovdu opportunitajiet ta’ rikreazzjoni, u l-bqija. Li kieku s-soċjetà kollha kellha tiddeċiedi kif tuża l-art — u tista’ tieħu d-deċiżjoni fuq il-bażi ta’ valutazzjoni sħiħa tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-għażliet differenti — aktarx li ma tużax l-art u l-ilma kollha għall-produzzjoni tal-qoton biss.

Din id-differenza bejn il-benefiċċji u l-ispejjeż li jħabbtu wiċċhom magħha l-individwi u dik li tħabbat wiċċha magħha s-soċjetà hija problema kruċjali.

Fit-tweġiba għal dawn il-problemi — kemm għandu jintuża ilma fil-produzzjoni tal-qoton, kemm pestiċidi, kemm art — il-bdiewa madwar id-dinja jieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq l-ispejjeż u l-benefiċċji relattivi. Iżda filwaqt li l-bidwi jista’ jikseb il-qligħ kollu meta jbiegħ il-qoton, ġeneralment ma jġarrabx l-ispejjeż kollha. L-ispiża tax-xiri ta’ pestiċidi, pereżempju, spiss hija insinifikanti meta mqabbla mal-impatti tal-użu ta’ pestiċidi fuq is-saħħa. Għalhekk, l-ispejjeż jgħaddu għal persuni oħrajn, inklużi l-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.

Il-problemi jfeġġu għaliex, bħall-biċċa l-kbira minna, il-bidwi qed jieħu d-deċiżjonijiet fuq il-bażi tal-interess proprju tiegħu. U din id-distorsjoni tgħaddi lill-oħrajn permezz tas-swieq globali. Il-prezzijiet imħallsa min-negozjanti, mill-manifatturi tal-ħwejjeġ u, finalment, mill-konsumaturi ma jirrappreżentawx kif xieraq l-ispejjeż u l-benefiċċji involuti fl-użu tar-riżorsi u l-produzzjoni tal-prodotti.

Din hija problema serja. Kważi kullimkien fid-dinja, is-swieq u l-prezzijiet jintużaw biex jiggwidaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħna, u għalhekk, jekk il-prezzijiet jagħtuna stampa qarrieqa tal-impatti tal-produzzjoni u l-konsum, aħna nieħdu deċiżjonijiet żbaljati. L-istorja tgħallimna li s-swieq jistgħu jkunu mekkaniżmu ferm effettiv biex jiggwidaw id-deċiżjonijiet tagħna dwar l-użu u l-produzzjoni tar-riżorsi u l-massimizzazzjoni tal-prosperità. Iżda meta l-prezzijiet ikunu żbaljati, is-swieq ifallu.

Meta s-swieq ifallu: korrezzjonijiet u limitazzjonijiet

Copyright: ShutterstockX’nistgħu nagħmlu dwar dan? Sa ċertu punt, il-gvernijiet jistgħu jieħdu passi biex jikkoreġu l-fallimenti tas-swieq. Jistgħu jimponu regolamenti u taxxi fuq l-użu ta’ ilma u pestiċidi biex il-bdiewa jużaw jew isibu alternattivi inqas dannużi. Min-naħa l-oħra, jistgħu jipprovdu ħlasijiet lil sidien tal-foresti biex jiġu riflessi l-benefiċċji li l-foresti jipprovdu lis-soċjetà fil-livell nazzjonali jew internazzjonali — u għalhekk jipprovdu sors alternattiv ta’ dħul. L-importanti huwa li l-inċentivi tal-individwu jiġu allinjati ma’ dawk tas-soċjetà kollha kemm hi.

Huwa importanti wkoll li tiġi pprovduta informazzjoni lill-konsumaturi biex tiġi kkomplementata l-informazzjoni meħmuża mal-prezzijiet. F’diversi pajjiżi, naraw dejjem aktar tikketti li jgħarrfuna dwar kif il-prodotti jiġu manifatturati, flimkien ma’ kampanji minn gruppi ta’ interess biex jiżdiedu l-għarfien u l-fehim ta’ dawn il-problemi. Ħafna minnha jkunu lesti jħallsu iktar jew jikkonsmaw inqas jekk nifhmu l-impatti tal-għażliet tagħna.

F’ċerti każijiet, il-gvernijiet iridu jmorru lil hinn milli sempliċiment jikkoreġu s-suq u jillimitaw verament ir-rwol tiegħu fl-allokazzjoni tar-riżorsi. Kemm il-bnedmin kif ukoll l-ekosistemi jeħtieġu l-ilma biex jgħixu u jimxu ‘l quddiem. Tabilħaqq, ħafna jargumentaw li n-nies għandhom dritt għal biżżejjed ilma għax-xorb, ikel, sanità, u ambjent f’saħħtu. Għaldaqstant, il-gvernijiet jista’ jkollhom id-dmir li l-ewwel jiżguraw li l-ħtiġijiet tan-nies jintlaħqu qabel ma jużaw is-suq biex jinqasam dak li jifdal.

Lura f’Burkina Faso, il-gvern u l-imsieħba internazzjonali ffokaw fuq kif tintlaħaq il-ħtieġa bażika ta’ aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb. Għad li din għadha mhijiex realtà għal kwart mill-abitanti, is-sitwazzjoni llum tirrappreżenta titjib kbir meta mqabbla ma’ 20 sena ilu, meta 60 % ma kellhomx aċċess bħal dan.

Bidla fl-inċentivi

Globalment, qed isiru sforzi biex jiġu kkoreġuti u limitati s-swieq miftuħin, filwaqt li jiġu sfruttati d-diversi benefiċċji tagħhom. Madankollu, bħalissa l-prezzijiet tas-suq spiss jagħtu informazzjoni qarrieqa — u r-riżultat huwa t-teħid ta’ deċiżjonijiet ħżiena mill-produtturi u l-konsumaturi wkoll.

Li kieku s-swieq kienu qed jaħdmu sew u l-prezzijiet jirriflettu l-ispejjeż u l-benefiċċji sħaħ tal-azzjonijiet tagħna, Burkina Faso tkompli tipproduċi l-qoton?

Għad li diffiċilment nistgħu nkunu żguri, jidher ferm probabbli li iva. Għal pajjiż ferm fqir, mingħajr kosta u fqir mir-riżorsi bħal Burkina Faso, ma hemmx toroq faċli għall-prosperità. Tal-inqas, is-settur talqoton joffri qligħ konsiderevoli, filwaqt li potenzjalment jipprovdi pjattaforma għalliżvilupp ekonomiku u standards ta’ għajxien imtejbin.

Iżda t-tkomplija tal-produzzjoni talqoton ma għandhiex għalfejn tfisser li jkomplu jintużaw tekniki ta’ produzzjoni intensivi fl-użu tal-ilma u l-pestiċidi. Jew li jkomplu jonqsu ż-żoni ta’ foresta. Metodi alternattivi, bħall-produzzjoni ta’ qoton organiku, jistgħu jnaqqsu l-użu tal-ilma u jeskludu l-użu ta’ pestiċidi għal kollox. L-ispejjeż diretti tal-koltivazzjoni talqoton organiku huma akbar — li jfisser li l-prezzijiet li l-konsumaturi jħallsu għallprodotti tal-qoton huma ogħla — iżda jiġu kkumpensati b’mod konsiderevoli bit-tnaqqis fl-ispejjeż indiretti imposti fuq il-koltivaturi tal-qoton u l-komunitajiet tagħhom.

L-għażla f’idejk

Copyright: ThinkstockĊertament, dawk li jfasslu l-politiki għandhom rwol x’jaqdu biex jgħinu lis-swieq jaħdmu kif suppost, biex is-sinjali talprezzijiet jipprovdu inċentivi biex jittieħdu deċiżjonijiet b’mod sostenibbli. Iżda dawk li jfasslu l-politiki mhumiex waħedhom — anki ċ-ċittadini mgħarrfa jistgħu jagħmlu differenza.

Il-katini tal-provvista globali jfissru li d-deċiżjonijiet tal-manifatturi, il-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi fl-Ewropa jistgħu jħallu impatt sinifikanti fuq il-benessri tannies f’artijiet ‘il bogħod bħal Burkina Faso. Veru li impatti bħal dawn jistgħu jinkludu l-ġenerazzjoni ta’ impjiegi u qligħ, iżda jistgħu jinvolvu wkoll l-użu żejjed ta’ riżorsi limitati tal-ilma u l-ivvalenar tan-nies u l-ekosistemi lokali.

Finalment, il-konsumaturi għandhom is-setgħa li jiddeċiedu. Hekk kif dawk li jfasslu l-politiki jistgħu jiggwidaw il-konsum tagħna billi jinfluwenzaw il-prezzijiet, hekk il-konsumaturi jistgħu jibagħtu sinjali lill-produtturi billi jitolbu qoton imkabbar b’mod sostenibbli. Tajjeb li tirrefletti fuq dan il-punt l-ewwel darba li tmur tixtri par jeans.

Għal aktar tagħrif

Kontenut relatat

Geographic coverage

Lagunes, Ivory Coast, Burkina Faso, China, Îles Éparses, French Southern Territories, Jomala, Åland, Mahārāshtra, India, Guernsey, Övörhangay, Mongolia
Dokument ta’ Azzjonijiet
Abbonamenti
${inkiteb} biex tirċievi r-rapporti tagħna (stampati jew/u f’forma elettronika) u n-newsletter elettronika ta’ kull tliet xhur.
Segwina
 
 
 
 
 
Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
Kongens Nytorv 6
1050 Kopenħagen K
id-Danimarka
Telefown: +45 3336 7100