Inħaddru l-ekonomija tagħna

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 28 Jun 2012 Mibdul l-aħħar 31 Aug 2016, 03:16 PM
Ħafna nies se jiftakru l-2011 bħala s-sena li fiha raw taqlib finanzjaru, id-diżastru tat-terremot-tsunami-nukleari fil-Ġappun, l-għoti ta’ garanziji finanzjarji lil xi pajjiżi fl-Ewropa, kif ukoll il-protesti tal-massa marbutin mar-Rebbiegħa Għarbija, il-moviment Occupy Wall Street u l-Indignados Spanjoli. Ftit biss se jiftakru li kienet anki s-sena li matulha x-xjenzati skoprew aktar minn 18 000 speċi ġdida li jgħixu fuq il-pjaneta tagħna. U hemm saħansitra inqas nies kapaċi jsemmu speċi waħda li ġiet iddikjarata estinta.
Indian farmer

Indian farmer  Image © EEA/John McConnico

Mad-daqqa t’għajn, id-destin tal-ispeċijiet mhedda donnu jista’ jidher f’dinja oħra meta mqabbel mal-ekonomija. Madanakollu, meta wieħed iħares mill-qrib, nibdew nifhmu r-rabtiet bejn dawn it-tnejn. Is-‘saħħa tajba’ tas-sistemi naturali hija prekundizzjoni għas-‘saħħa tajba’ tas-sistemi soċjali u ekonomiċi tagħna. Jista’ wieħed jgħid li soċjetà sejra tajjeb meta tkun esposta għal tniġġis tal-arja u tal-ilma u ġġarrab problemi tas-saħħa relatati ma’ dan it-tniġġis? Bl-istess mod, tista’ soċjetà ‘tiffunzjona’ jekk numru kbir ta’ nies ikunu qiegħda jew ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja?

Minkejja diskrepanzi u inċertezzi fil-fehim tagħna, nistgħu naraw li d-dinja tagħna qiegħda tinbidel. Wara 10 000 sena ta’ stabbiltà relattiva, it-temperatura medja globali qed tiżdied. Għad li fl-Unjoni Ewropea l-emissjoni ta’ gass b’effett ta’ serra qed tonqos, il-fjuwils fossili qed jeħilsu ammonti akbar ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-atmosfera minn dak li l-art u l-oċeani tagħna jistgħu jassorbu. Xi reġjuni huma aktar vulnerabbli għall-impatti potenzjali tat-tibdil fil-klima — u spiss dawn ikunu l-pajjiżi l-inqas ippreparati sabiex jadattaw għall-kundizzjonijiet klimatiċi l-ġodda.

B’aktar minn seba’ biljun minna ngħixu fuq il-pjaneta, il-bniedem għandu rwol ċar fl-amministrazzjoni u t-tħaffif ta’ din il-bidla. Fil-fatt, jista’ jkun li l-livelli ta’ konsum u produzzjoni attwali tagħna qed iħassru l-ambjent sal-punt li nirriskjaw li nagħmlu darna inabitabbli għal bosta speċijiet — anki għalina stess. Bosta persuni li jgħixu f’pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp jaspiraw li jkollhom stili ta’ ħajja simili għal dawk f’pajjiżi żviluppati, u dan jista’ jixħet pressjoni addizzjonali fuq is-sistemi naturali tagħna.

Qed nitilfu l-bijodiversità globali tagħna b’rata li għadha qatt ma dehret qabel fl-istorja. Ir-rati ta’ estinzjoni jistgħu jkunu sa 1 000 darba ogħla mir-rata li kienet tidher fl-sfond storiku. Il-qerda tal-ħabitats hija waħda mir-raġunijiet ewlenin.

Għad li fl-Ewropa, f’dawn l-aħħar deċennji bdiet tiżdied iż-żona totali ta’ foresta, fil-livell globali din hija storja differenti. L-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Biedja tan-Nazzjonijiet Uniti tqis li kull sena madwar 13-il miljun ettaru ta’ foresti fid-dinja (bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għad-daqs tal-Greċja) jinqatgħu u jiġi konvertiti għal użi oħrajn tal-art, bħal ragħa għall-ifrat, minjieri, irziezet jew żvilupp urban. Il-foresti mhumiex l-uniċi ekosistemi mhedda. Diversi ħabitats naturali oħrajn huma fir-riskju minħabba l-attivitajiet tal-bniedem.

It-triq tal-ġejjieni: ekonomija ekoloġika inklużiva

Meta t-tħassib primarju ta’ kuljum ta’ biljuni ta’ nies huwa li jkollhom x’jieklu u li jibagħtu lit-tfal tagħhom l-iskola bit-tama ta’ ġejjieni aħjar, jista’ jkun kważi impossibbli għal ħafna li jevitaw li jagħżlu soluzzjonijiet għal żmien qasir. Sakemm ma jsibux min joffrilhom opportunitajiet oħrajn u aħjar…

Huwa ċar li l-attivitajiet ekonomiċi tagħna jeħtieġu riżorsi naturali. Iżda dak li jista’ jidher bħala dilemma — għażla bejn il-preservazzjoni tal-ambjent u l-iżvilupp tal-ekonomija — fil-verità jista’ jiżgwidana. Fit-tul, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali jeħtieġ ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali.

Fi tmiem l-2011, fl-Unjoni Ewropea, waħda minn kull għaxar persuni kienet qiegħda. Għaż-żgħażagħ, din il-figura kienet ta’ aktar minn persuna waħda għal kull ħamsa. Il-qgħad iħalli pressjoni kbira fuq l-individwi, il-familji u s-soċjetà kollha. Fl-2010, kważi kwart mill-popolazzjoni tal-UE kienet f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali. Ir-rati ta’ faqar globali huma saħansitra ogħla.

Il-mudelli ekonomiċi attwali tagħna jonqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni ħafna mill-benefiċċji li ambjent b’saħħtu jipprovdielna. Il-Prodott Domestiku Gross (PDG) — l-aktar indikatur ekonomiku użat b’mod komuni sabiex juri l-livell ta’ żvilupp, l-istandard ta’ għajxien u l-istatus ta’ pajjiż meta mqabbel ma’ pajjiżi oħrajn — huwa bbażat fuq il-valur tal-produzzjoni ekonomika. Ma jinkludix il-prezz soċjali u uman li nħallsu għall-effetti sekondarji tal-attività ekonomika, bħat-tniġġis tal-arja. Min-naħa l-oħra, is-servizzi tas-saħħa pprovduti lil dawk li jbatu minn mard respiratorju huma inklużi bħala kontribuzzjoni pożittiva għall-PDG.

L-isfida hija li niskopru kif nistgħu nerġgħu nfasslu l-mudelli ekonomiċi tagħna b’tali mod li nistgħu niġġeneraw tkabbir u ntejbu l-kwalità tal-ħajja madwar id-dinja mingħajr ma nagħmlu ħsara lill-ambjent, filwaqt li nħarsu wkoll l-interessi tal-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni. Is-soluzzjoni ngħatat l-isem ta’ ‘ekonomija ekoloġika’.

Għad li jidher li huwa kunċett sempliċi, it-trasformazzjoni tal-idea f’realtà hija ferm aktar ikkomplikata. Ċertament, se teħtieġ innovazzjoni teknoloġika. Iżda teħtieġ ħafna bidliet oħrajn ukoll — sal-mod kif norganizzaw in-negozji; il-mod kif nippjanaw l-ibliet; il-mod kif in-nies u l-prodotti jiċċaqilqu; fi ftit kliem, il-mod kif ngħixu.

Li kieku kellna ntennu dan kollu f’termini kummerċjali, ngħidu li rridu niżguraw is-sostenibbiltà fit-tul fl-oqsma kollha tagħna ta’ ħolqien tal-ġid: fil-kapital naturali, il-kapital uman, il-kapital soċjali u l-kapital manifatturat, kif ukoll il-kapital finanzjarju. Il-kunċett ta’ ekonomija ekoloġika jista’ jiġi spjegat ukoll permezz ta’ dawn il-kapitali distinti iżda marbutin flimkien.

Fl-evalwazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji tad-deċiżjonijiet tagħna, irridu nagħtu ħarsa lejn l-impatti fuq l-istokks kapitali. L-investimenti fit-toroq u l-fabbriki jistgħu jżidu l-kapital manifatturat tagħna, iżda fil-verità jistgħu jxekklu l-ġid ġenerali jekk iġibu magħhom il-qerda tal-foresti tagħna (parti mill-kapital naturali tagħna) jew il-ħsara tas-saħħa pubblika (parti mill-kapital uman).

L-opportunitajiet quddiemna

Fil-verità, il-bidla tal-mod kif ngħixu, nipproduċu u nikkunsmaw tiftaħ dinja ġdida ta’ opportunitajiet. Signals 2012 se jagħtik ħarsa ġenerali ta’ fejn ninsabu llum, eżattament 20 sena wara s-Summit dwar id-Dinja tal-1992 f’Rio De Janeiro, il-Brażil. Se janalizza kif l-ekonomija u l-ambjent huma marbutin flimkien u għalfejn neħtieġu ‘inħaddru’ l-ekonomija tagħna. Se jagħti wkoll daqqa t’għajn lejn il-varjetà kbira ta’ opportunitajiet disponibbli.

Ma hemm l-ebda soluzzjoni waħda li se tgħinna nagħmlu tranżizzjoni mgħaġġla jew waħda li taqbel għal kull sitwazzjoni. Hekk pereżempju, minbarra l-għanijiet ġenerali u komuni ta’ ġestjoni tal-iskart b’mod effettiv, il-ġestjoni tal-iskart fil-Groenlandja jista’ jkollha bżonn tindirizza realtà kompletament differenti minn dik tal-Lussemburgu.

Li nagħżlu l-iktar żmien opportun għandu rwol kruċjali. Illum, neħtieġu soluzzjonijiet li permezz tat-teknoloġija moderna jindirizzaw il-problemi ambjentali li nħabbtu wiċċna magħhom, filwaqt li nżommu f’moħħna li l-politiki u d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħna se jkunu jridu jiġu mtejba u adattati kontinwament sabiex nibqgħu aġġornati mal-fehim dejjem akbar tagħna dwar l-ambjent u mal-iżviluppi teknoloġiċi. Iżda diġà hemm bosta soluzzjonijiet lesti għalina. U ħafna aktar li dalwaqt se jkunu magħna.

Kwistjoni ta’ għażliet

Copyright: Gülcin KaradenizFl-aħħar mill-aħħar, se tkun kwistjoni ta’ għażliet — għażliet politiċi, għażliet kummerċjali u għażliet tal-konsumaturi. Iżda kif nagħżlu l-aħjar soluzzjoni?

Għandha l-informazzjoni u l-għodod li neħtieġu sabiex niżviluppaw il-politiki xierqa? Qed nindirizzaw il-kwistjoni fil-livell ‘it-tajjeb’? Għandna l-inċentivi jew is-sinjali tas-suq ‘it-tajbin’ sabiex ninvestu f’enerġiji rinnovabbli? Għandha l-informazzjoni jew it-tikketti ‘t-tajbin’ fuq il-prodotti li qed nixtru sabiex inkunu nistgħu nagħżlu l-aktar alternattiva ekoloġika?

Dak li nafu u meta se niksbu dan l-għarfien se jkunu strumentali sabiex ngħinu lil komunitajiet differenti fl-għażla tal-alternattivi ‘t-tajbin’ tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar, l-għarfien se jagħtina s-setgħa li noħorġu b’soluzzjonijiet u noħolqu opportunitajiet ġodda billi naqsmuhom ma’ oħrajn.

Professur Jacqueline McGlade,
Direttur Eżekuttiv

Għal aktar tagħrif

Geographic coverage

Federal District, Brazil, Îles Éparses, French Southern Territories, Greece, Greenland, Luxembourg, Luxembourg
Dokument ta’ Azzjonijiet
Filed under:
Abbonamenti
${inkiteb} biex tirċievi r-rapporti tagħna (stampati jew/u f’forma elettronika) u n-newsletter elettronika ta’ kull tliet xhur.
Segwina
 
 
 
 
 
Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
Kongens Nytorv 6
1050 Kopenħagen K
id-Danimarka
Telefown: +45 3336 7100