Personal tools

Notifiki
Irċievi notifiki dwar rapporti u prodotti ġodda. Frekwenza: 3-4 emails / xahar.
Abbonamenti
${inkiteb} biex tirċievi r-rapporti tagħna (stampati jew/u f’forma elettronika) u n-newsletter elettronika ta’ kull tliet xhur.
Segwina
Ikona ta’ Twitter Twitter
Ikona tal-Facebook Facebook
Ikona tal-YouTube Kanal tal-YouTube
Lowgo RSS Feeds tar-RSS
Iktar

Write to us Write to us

For the public:


For media and journalists:

Contact EEA staff
Contact the web team
FAQ

Call us Call us

Reception:

Phone: (+45) 33 36 71 00
Fax: (+45) 33 36 71 99


li jmiss
preċedenti
punti

Aqbeż għall-kontenut. | Aqbeż għal navigazzjoni

Sound and independent information
on the environment

You are here: Home / Signals - Kull nifs li nieħdu / Signals 2011 / Artikoli / Ngħixu f’dinja interkonnessa

Ngħixu f’dinja interkonnessa

Biddel il-lingwa
‘…il-piż assolut tal-aspirazzjonijiet u l-istili ta’ ħajja kkombinati ta’ 500 miljun persuna Ewropea huwa kbir wisq. Biex ma nsemmux ix-xewqat leġittimi ta’ ħafna biljuni oħrajn fuq il-pjaneta tagħna biex huma wkoll jgħixu dawk l-istili ta’ ħajja.... Jeħtieġ li nbiddlu l-imġiba tal‑konsumaturi Ewropej. Jeħtieġ li naħdmu fuq l-għarfien tan-nies u ninfluwenzaw id-drawwiet tagħhom.’ Janez Potočnik, Kummissarju tal-Unjoni Ewropea għall-Ambjent (Marzu 2010)

 Image © EEA/John McConnico

Ħames snin ilu Bisie kienet ġungla. Illum il‑ġurnata, Bisie, li tinsab fit-territorju ta’ Wailikale, fil-Lvant tal-Kongo, hija komunità ffullata ħafna bħala riżultat tal-iskoperta tal-cassiterite, derivattiv tal-landa li huwa komponent kruċjali f‑apparat elettriku ta’ ħafna gadgets moderni. Dan il-materjal jintuża fit‑telefons ċellulari, laptops, kameras diġitali u apparat tal-logħob.

Il-cassiterite huwa mfittex u siewi ħafna. Tabilħaqq, id-domanda tagħna għal prodotti elettroniċi tal-konsum wasslet għal żieda fil‑prezz għall-mineral tal-landa. Il-prezzijiet fuq il-London Metal Exchange żdiedu minn madwar $5 000 kull tunnellata fl-2003 għal aktar minn $26 000 kull tunnellata fl-aħħar tal-2010, skont il-Financial Times.

Illum hemm domanda kbira għal firxa ta’ riżorsi naturali fil-foresti u l-ġungli tal-Kongo. Madankollu, il-Kongo għadu pajjiż estremament fqir. Matul l-aħħar ħmistax-il sena, aktar minn 5 miljun ruħ mietu fil-Lvant tal-Kongo fi gwerra bejn diversi gruppi armati. Barra minn hekk, huwa stmat li ġew stuprati xejn inqas minn 300 000 mara.

Dan diġà seħħ qabel fil-Kongo, li kien ikkolonizzat ftit aktar minn 100 sena ilu mir‑Re Leopold II tal-Belġju. Huwa sar wieħed mill-aktar irġiel sinjuri fid-dinja mill-bejgħ tal-gomma mill‑Kongo. Dan kien iż-żmien tal‑industrijalizzazzjoni u l-industrija tal-karozzi li kienet fl aqwa tagħha kienet tiddependi fuq il-gomma.

Id-domanda tagħna, li ilha teżisti, għar-riżorsi naturali għall-ikel, il-ħwejjeġ, id-djar, it-trasport u d-divertiment qiegħda dejjem tikber, l-istess bħalma l-ħażniet ta’ ċerti riżorsi qegħdin jilħqu livelli baxxi b’mod kritiku.

Is-sistemi naturali huma suġġetti wkoll għal domandi ġodda, bħal pereżempju għal sustanzi kimiċi bbażati fuq il-pjanti jew għall-bijomassa biex tieħu post il-fjuwils fossili. Meħuda flimkien, dawn id-domandi dejjem jikbru fuq bażi ta’ riżorsi li qiegħda tiċkien jindikaw riskji serji għall‑iżvilupp tal-Ewropa.

‘Bħala ċittadini globali aħna lkoll marbuta mal-vjolenza li qiegħda sseħħ fil-Kongo. L-estrazzjoni ta‘ minerali ta’ kunflitt li ssostni dan il-kunflitt tgħaqqadna lkoll flimkien.’

Margot Wallström, Rappreżentanta Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan- Nazzjonijiet Uniti dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti.

Żvilupp għal kulħadd

‘Id-Dikjarazzjoni tal-Millenju fis-sena 2000 kienet avveniment importanti fil‑kooperazzjoni internazzjonali, li ispirat l-isforzi tal-iżvilupp li tejbu l-ħajja ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ nies madwar id-dinja. It-tmien Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju (MDGs) jipprovdu struttura għall-komunità internazzjonali kollha sabiex ilkoll naħdmu flimkien lejn għan komuni.

L-għanijiet jistgħu jinkisbu, iżda t-titjib fil-ħajja tal-foqra sar bil mod wisq, b’mod mhux aċċettabbli, u wħud mir-riżultati miksuba b’tant tbatija qegħdin jisfaw fix-xejn minħabba l-kriżi tal-klima, tal-ikel u dik ekonomika.

Id-dinja tippossjedi r-riżorsi u l-għarfien biex ikun żgurat li anki l-ifqar pajjiżi u oħrajn li jibqgħu lura minħabba l-mard, l-iżolament ġeografiku jew ġlied bejn fazzjonijiet fl-istess pajjiż, ikunu jistgħu jingħataw is-saħħa li jiksbu l-MDGs. Il-ksib tal-għanijiet huwa fl-interess ta’ kulħadd. In-nuqqas ta’ dan iwassal biex joktru l-perikli fid-dinja tagħna – mill-instabbiltà għal mard epidemiku u degradazzjoni ambjentali. Iżda l-ksib tal-għanijiet ipoġġina fit-triq għal azzjoni rapida għal dinja li tkun aktar stabbli, aktar ġusta u aktar sigura.

Biljuni ta’ nies qegħdin iduru lejn il-komunità internazzjonali biex twettaq il-viżjoni kbira inkorporata fid-Dikjarazzjoni tal-Millenju. Ejjew inżommu dik il-wegħda.‘

Ban Ki-moon, Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, fir-‘Rapport tal-2010 dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju’ (Nazzjonijiet Uniti, 2010)

L-Ewropa u l-bilanċ ġdid tal-poter

Hekk kif is-seklu 21 qiegħed jimxi ’l quddiem qegħdin naraw li aktar u aktar dinamiċi globali ewlenin jinsabu barra mill-influwenza u l-kontroll tal-Ewropa. Dan għandu implikazzjonijiet f’termini tal-aċċess għar-riżorsi.

Globalment, aħna naraw inċertezza notevoli rigward il-provvista u l-aċċess għal firxa ta’ riżorsi naturali kruċjali: l-ikel, l-ilma u l-fjuwils. Il‑ħtieġa tal-Ewropa għar-riżorsi tista’ fid‑deċennji li ġejjin tintlaħaq minn dik taċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil u oħrajn, u dan ipoġġi pressjoni saħansitra akbar fuq l-ambjent.

Tabilħaqq, xi nazzjonijiet li qegħdin jiżviluppaw qegħdin f’ġirja lejn livelli ta’ attività ekonomika ugwali għal dawk tal-Ewropa: il-popolazzjonijiet, il-livelli ta’ konsum u l-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom għandhom il-potenzjal li jissuperaw lil tagħna. It-tfittxija leġittima tagħhom biex jiżviluppaw ekonomikament u soċjalment sejra twassal għal użu akbar ta’ ħażniet globali ta’ materja prima. Iċ-Ċina b’mod partikolari qiegħda turi li hija esperta biex tassigura l-aċċess għal materja prima minn firxa ta’ pajjiżi u reġjuni.

Il-popolazzjoni umana qiegħda tikber, it‑teknoloġiji qegħdin javvanzaw u l-poter ta’ atturi privati mhux governattivi, bħal kumpaniji multinazzjonali, qiegħed jespandi. Fil-kuntest tal-mekkaniżmi dgħajfa tal-governanza internazzjonali, dawn il-forzi qegħdin jheddu li jidħol il-prinċipju globali ta’ ‘min jaħtaf l iżjed’ fl-iżgurar u l-aċċess għar-riżorsi naturali.

Il-globalizzazzjoni: qafas għall-iżvilupp tal-bniedem

Fl-istess ħin, in-natura nnifisha tal‑globalizzazzjoni tipprovdi wkoll opportunitajiet u strutturi għal riżultat differenti. Teżisti ż-żerriegħa għal governanza globali effikaċi u ġusta tal-kwistjonijiet li huma kritiċi għalina lkoll. L-‘Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju’ tan‑Nazzjonijiet Uniti huma sempliċiment eżempju wieħed ta’ proċess politiku globali ddedikat għall-iżvilupp ġust u sostenibbli tal‑bniedem.

Bl-istess mod, it-taħditiet dwar il-klima internazzjonali għamlu progress matul l-aħħar sena. Il-Ftehim ta’ Kankun, li ġie ffirmat f’Diċembru 2010, jirrikonoxxi għall-ewwel darba f’dokument tan-Nazzjonijiet Uniti li t-tisħin globali għandu jinżamm taħt 2 °C, meta mqabbel mat‑temperatura preindustrijali.

Il-ftehim jikkonferma li l-pajjiżi żviluppati – li l-attivitajiet industrijali u l-impronta tagħhom taw bidu għat-tibdil fil-klima kkawżat mill-bniedem – se jimmobilizzaw $100 biljun kull sena f’finanzjament għall-klima għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sal-2020. Huwa jistabbilixxi wkoll ‘Green Climate Fund’, li permezz tiegħu jiġu mqassma ħafna mill-fondi.

Innovazzjonijiet bħall-mekkaniżmu msejjaħ ‘REDD+’ (It-Tnaqqis tal-Emissjonijiet mid‑Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal‑Foresti) jippermettu li tittieħed azzjoni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Ebda waħda minn dawn l-attivitajiet ma tista’ tkun possibbli mingħajr strutturi ta’ governanza globali u spirtu ta’ kooperazzjoni.

L-Unjoni Ewropea qiegħda hija wkoll tfittex li tippromwovi risposti kollaborattivi għall-isfidi u l-miri komuni. Il-Viżjoni 2020 tal-UE tistabbilixxi strateġija għat-tkabbir imfassla madwar ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklussiva.

Rwol dejjem jikber għall-atturi mhux governattivi

Il-proċessi politiċi globali ċertament għandhom rwol importanti xi jwettqu sabiex jiżguraw li t-tkabbir ekonomiku ma jeqridx is-sistemi naturali sottostanti. Iżda karatteristika oħra li tiddefinixxi l-globalizzazzjoni hija l-importanza dejjem tikber tal-atturi mhux governattivi, inklużi n-negozji multinazzjonali.

L-atturi mhux governattivi, bħal kumpaniji tat-telefonija ċellulari u tal-IT, ukoll għandhom rwol ewlieni xi jwettqu fit-twassil tal-iżvilupp sostenibbli. L-ewwel kumpanija li tiċċertifika l-prodotti tagħha bħala ħielsa minn minerali ta’ ‘kunflitt’ ikollha impatt pożittiv fuq ħafna ħajjiet u potenzjal kbir ħafna fil-kummerċjalizzazzjoni.

Aħna għandna nieħdu l-eżempji innovattivi ta’ riċerka u żvilupp ta’ kumpaniji ewlenin u napplikawhom għall-isfidi li qegħdin niffaċċjaw aħna. Bħalma The Bill and Melinda Gates Foundation tħares lejn il-proġetti ta’ għajnuna u riċerka kritika madwar id-dinja, aħna għandna nimmobilizzaw il-firxa sħiħa ta’ kapaċità ta’ soluzzjoni tal-problemi disponibbli għalina lejn żvilupp kontinwu u sostenibbli.

Bħala ċittadini — individwalment u permezz ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi – aħna qegħdin nimmobilizzaw ukoll. Uħud minna jinżlu fit-toroq jipprotestaw. Oħrajn qegħdin jinvestu l-ħin u l-enerġija tagħhom biex jerġgħu jiskopru l-attiviżmu tal-komunità jew l-ikel. Ħafna qegħdin jaġġustaw l-għażliet tal-konsum tagħhom biex inaqqsu l-impatti ambjentali u jiżguraw qligħ ġust għall-produtturi fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Il‑punt huwa: il-globalizzazzjoni qiegħda taffettwa lilna lkoll u issa qegħdin nibdew nintebħu li m’aħniex bla poter: aħna jista’ jkollna influwenza kbira fuq kif jiżviluppaw l-affarijiet.

Niżviluppaw, noħolqu, naħdmu u nedukaw

Jeħtieġ li aħna nkomplu niżviluppaw, noħolqu, naħdmu u nedukaw lilna nfusna. Iżda jeħtieġ li nkunu aktar intelliġenti. Pereżempju, l-ewwel għan kruċjali tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju huwa li jiġi assigurat l-ambjent naturali li fuqu jiddependu l-ifqar fost il-foqra għall-għajxien tagħhom ta’ kuljum.

Dan ifisser li r-riżorsi naturali għandhom jiġu ġestiti b’tali mod li jippermetti lill-komunitajiet lokali jibqgħu jgħixu, imbagħad jibbenifikaw u mbagħad javvanzaw. Din hija waħda mill-isfidi ewlenin li qegħdin niffaċċjaw globalment, kif ser naqraw fil-kapitolu li jmiss dwar ir-riżorsi u n-nies li jgħixu fil-foresti fl-Indja.

Hija sfida li aħna l-Ewropej għandna parti sostanzjali x’nilagħbu fiha. Il-ġestjoni tar-riżorsi globali b’mod sostenibbli hija importanti ħafna għal prosperità ekonomika ġusta, koeżjoni soċjali akbar u ambjent aktar b’saħħtu.

Hands Innovazzjoni: minerali

Il-ġbir ta’ dejta dattiloskopika

Fl-Istitut Federali tar-Riżorsi Naturali u x-Xjenza Ġeoloġika f’Ħanover, il-Ġermanja, Dr Frank Melcher imexxi tim li jiżviluppa mod kif jiġu ċċertifikati l-minerali li jintużaw fl-elettronika – bl-istess mod kif jiġu ċċertifikati d-djamanti. Kull wieħed mill-minerali inkwistjoni għandu ‘dejta dattiloskopika’ distinta marbuta mal-post tal-oriġini tiegħu.

‘Sabiex niġbru d-dejta dattiloskopika ta’ minerali bħall-coltan u l-cassiterite aħna ntaqqbu toqba żgħira f’dak il-kampjun,’ jispjega Dr Melcher.

‘Imbagħad niskennjaw il-kampjun għal madwar sagħtejn jew tliet sigħat. Wara nanalizzaw il-volum għall-kompożizzjoni tiegħu. Din hija d-dejta dattiloskopika. Tabilħaqq, dan huwa tipiku ħafna għal Bisie.

‘Minn kull partikola li tiġi analizzata hawnhekk, aħna nsiru nafu l-età tal-formazzjoni – l-età ġeoloġika – u nkunu nistgħu ngħidu: dan il-materjal ġej mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, jew mill-Możambik, minħabba li nkunu nafu eżattament kemm ikollhom żmien dawn il-partikoli.

‘Għalhekk, huwa teknikament possibbli li tittraċċa l-minerali, iżda dawn iridu jiġu ttraċċati meta jkunu fl istat naturali tagħhom, qabel jiddewbu f’metalli,’ żied jgħid.

Il-ħidma ta’ Dr Melcher issir bħala parti minn ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn il‑gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Kongo għall-proġett ‘It-tisħiħ tat-trasparenza u l-kontroll tas-settur tar-riżorsi naturali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo’. Il-ħidma, li bdiet fl-2009, tappoġġja lill-Ministeru tal-Minjieri tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo fl-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-minerali għal-landa, it-tungstenu, it-tantalit u d-deheb.

Geographical coverage

[+] Show Map

Dokument ta’ Azzjonijiet

Kummenti

Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
Kongens Nytorv 6
1050 Kopenħagen K
id-Danimarka
Telefown: +45 3336 7100